52006DC0638

Rapport mill-Kummissjoni is-17-il rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2005) {SEG(2006) 1373} /* KUMM/2006/0638 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.10.2006

KUMM(2006) 638 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

is-17-il rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2005) {SEG(2006) 1373}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Analiżi ta’ l-Implimentazzjoni 3

3. Konsistenza u Koordinazzjoni 8

4. Evalwazzjonijiet 9

5. Il-Kontroll Finanzjarju 10

6. Kumitati li jassistu l-Kummissjoni 12

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

is-17-il rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali (2005)

Dan ir-rapport huwa ppreżentat b’konformità ma’ l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistabilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali. Huwa s-17-il rapport annwali u jkopri l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali matul 2005.

Il-kontentut ta’ dan ir-rapport huwa ppreżentat f’aktar dettal fid-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni (anness ma’ dan ir-rapport).

1. INTRODUZZJONI

Is-sena 2005 kienet ikkaratterizzata, fuq naħa, bl-isforzi intensivi sabiex il-perjodu ta’ programmar 2000-06 jiġi konkluż b’suċċess, u fuq in-naħa l-oħra bit-tħejjija għal ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi tal-politika ta’ koeżjoni għal 2007-2013. Dwar dan ta’ l-aħħar, f’Lulju l-Kummissjoni ippreżentat kommunikazzjoni dwar abbozz ta’ linji ta’ gwida strateġici tal-Komunita’ għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali[1]. Il-linji ta’ gwida jistipulaw il-prijoritajiet tal-Komunita’ għall-programmi l-ġodda. Barra dan, matul l-2005 il-Kummissjoni daħlet f’negozjati mal-Bank għall-Investiment Ewropew u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra sabiex tiżviluppa kooperazzjoni eqreb b'segwitu għall-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni. Fl-2005 kien hemm ftehim dwar żewġ inizjattivi: l-inizjattiva JASPERS (Assistenza konġunta ta’appoġġ għal proġetti fir-reġjuni Ewropej) sabiex tgħin il-benefiċjarji ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni jħejju proġetti ta’ kwalita’ għolja, u JEREMIE (Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Intrapriżi Mikro sa Medji) sabiex tiffaċilita aċċess għall-iffinanzjar lil intraprizi żgħar u ta’ daqs medju u intrapriżi mikro[2]

2. ANALIżI TA’ L-IMPLIMENTAZZJONI

2.1. Implimentazzjoni tal-Baġit

2.1.1. ERDF

B’mod ġenerali l-implimentazzjoni tal-baġit fl-2005 kienet sodisfaċenti ħafna. B’kollox, 99.96% ta’ l-approprjazzjonijiet impenjati ġew implimentati fl-2005 (imqabbla ma’ 99.70% fl-2004). Rigward pagamenti, ir-rata ta’ implimentazzjoni kienet ta’ 99.65% (99.03% fl-2004). Fl-aħħar ta’ l-2005 kien hemm EUR 55.4 biljun marbuta mis-snin ta’ qabel li kellhom jitħallsu f’pagamenti[3] (mqabbla ma’ EUR 48.97 biljun fl-2004) li minnhom EUR 39.9 biljun kienu għall-ERDF (EUR 35.9 biljun fl-2004) Fl-2005 l-impenji laħqu t-total ta’ EUR 27.1 biljun (EUR 26.5 biljun fl-2004).

Għandu jitfakkar li skond il-politika ta’ koeżjoni, li tappoġġja investimenti, f’pereżempju, proġetti ewlenin, huwa normali li r-risorsi jiġu marbuta ferm qabel l-avvanz tal-pagamenti, b’dan ta’ l-aħħar jirrifletti l-implimentazzjoni b’mod prattiku.

L-immaniġġjar finanzjarju tal-Fondi Strutturali huwa suġġett għal regoli li jiffissaw limiti fuq il-perjodu li matulu jridu jaslu pagamenti marbuta ma’ impenji li saru qabel: l-hekk imsejħa “regola n+2”[4].. Fil-bidu ta’ 2006, il-bilanċ miftuħ ta’ impenji implimentati fl-2000-2003 kien ta' EUR 3.4 biljun. . Wara analiżi ta’ eċċezzjonijiet tar-“regola n+2” (għajnuna statali, proġetti ewlenin etċ.), l-istima ta’ risorsi f’riskju li ma jibqgħux marbuta hija ta’ EUR 42 miljun (0.19% biss ta’ l-impenji kollha).

2.1.2. ESF

L-implimentazzjoni tal-Baġit fl-2005 kien sodisfaċenti ħafna. B’kollox, 99.93 % ta’ l-approprjazzjonijiet impenjati ġew implimentati fl-2005 (imqabbla ma’ 99.07 % fl-2004). Dwar pagamenti, 99.86% ta’ l-approprjazzjonijiet ġew implimentati (99.31% fl-2004), fosthom EUR 720 miljun ta’ approprjazzjonijiet addizzjonali allokati lil ESF permezz ta’ trasferiment globali u baġit ta’ emenda. Ir-RAL totali (impenji pendenti) fl-aħħar ta’ l-2005 kien ta’ EUR 20.74 biljun (imqabbel ma’ EUR 19.35 biljun fl-2004) li minnhom EUR 20.44 biljun kienu għall-perjodu kurrenti ta’ programmar għall-ESF (EUR 18.59 biljun fl-2004). Ir-RAL relatat mal-perjodi ta’ programmar ta’ qabel waqa’ minn EUR 762.1 miljun fl-aħħar ta’ l-2004 għal EUR 304.7 miljun fl-aħħar ta’ l-2005 (waqa’ ta’ 60%).

Dwar l-applikazzjoni tar-“regola n+2” għal flus marbuta fl-2000, l-2001, l-2002 u l-2003, fi tmiem l-2005 kien hemm 17-il programm involut li ammontaw għal total ta’ ammont ta’ ESF ta’ EUR 125 131 596 (0.35% ta’ l-ammont korrispondenti ta’ flus marbuta).

2.1.3. Is-Sezzjoni Gwida EAGGF

B’99.37%, ir-rata ta’ implimentazzjoni baġitarja fl-2005 kienet sodisfaċenti ħafna fejn jidħlu approprjazzjonijiet marbuta u 99.93% għall-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti. Meta mqabbla ma’ l-2004, ġew marbuta 8.8% aktar u 4.7% oħra ġew imħallsa. Il-pagamenti ammontaw għal EUR 3 587 miljun li minnhom EUR 3 099 miljun għall-programmi 2000-2006 (Objettiv 1: EUR 2753 miljun Leader+ EUR 334.5 miljun; PEACE EUR 11.5 miljun) u EUR 487.4 miljun għall-egħluq ta’ 78 programmi mill-perjodu ta’ programmar 1994-1999. Ir-RAL totali fl-aħħar ta’ 2005 kien ta’ EUR 7.085 miljun (komparat ma’ EUR 7.657 miljun fl-2004).

Wara l-implimentazzjoni tar-“regola n+2”, tneħħew EUR 37.2 miljun (1.28% tal-impenji totali għall-ħlas bin-nifs korrispondenti).

2.1.4. FIFG

B’kollox fl-2005 ġew implimentati 99.57% ta’ l-approprjazzjoniet marbuta u 94.16% ta’ l-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti. . Ir-RAL totali għal FIFG fl-aħħar ta’ l-2005 kien ta’ EUR 222 miljun (komparat ma’ EUR 165.5 miljun fl-2004).

Dwar l-implimentazzjoni tar-“regola n+2”, l-istima tal-flus li ma baqgħetx marbuta kienet ta’ madwar EUR 50 miljun għall-2005 (8.9% ta’ l-impenji kollha għall-2003).

2.2. Implimentazzjoni tal-Programm

2.2.1. Objettiv 1

Ibbażat fuq informazzjoni provduta mill-Istati Membri fl-għamla ta’ talbiet għan-nefqa ċertifikata (għad-dettalji ara l-anness, parti 5), fl-2005 il-programmi ta’ Objettiv 1 komplew jiffokaw l-investiment fuq progetti bażiċi ta’ infrastruttura (40.1%), b’aktar min-nofs l-investiment kollu f’din il-kategorija jintuża għall-infrastuttura tat-trasport (54.3% ta’ l-infrastruttura totali). Aktar minn terz (34.5%) tar-risorsi ta’ Objettiv 1 ġew investiti fl-ambjent produttiv, fit-tkomplija ta’ ffukar fuq l-għajnuna lill-SMEs u s-settur tas-snajja (30.4%). Investiment fi proġetti mmirati għar-risorsi umani uża 23.8% mir-risorsi tar-reġjuni li jaqgħu taħt Objettiv 1. L-interventi f’dan il-qasam kienu maqsuma kważi ndaqs bejn il-politika tas-suq tax-xogħol, bħal miżuri għaż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul (32.1%), l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (30.8%) u miżuri oħra.

2.2.2. Objettive 2

Fir-reġjuni li jaqgħu taħt Objettiv 2, l-attenzjoni prinċipali tal-programmi kompliet tkun l-ambjent produttiv, b’aktar minn nofs ir-riżorsi finanzjarji kollha (57%) iddedikati lil din il-kategorija. F’dan il-qasam, b’57.2% kienet predominanti l-assistenza lill-SMEs u s-settur tas-snajja’. It-tieni qasam l-aktar importanti ta’ intervent kien l-infrastruttura, b’28.7% tar-riżorsi kollha ta’ Objettiv 2 jintefqu f’dan il-qasam. Għal kuntrarju tal-programmi ta’ Objettiv 1, dawn in-nefqiet ma kenux jikkonċernaw investiment f’infrastruttura bażika, bħat-trasport u l-ambjent. Minflok, l-aktar qasam importanti f’termini finanzjarji kien ir-rijabilitazzjoni ta’ siti industrijali żdingati (brownfield sites) u postijiet li waslu fi tmiemhom (43.9%). Fil-kategorija tar-risorsi umani (10.1% ta’ l-investiment kollu fir-reġjuni li jaqgħu taħt Objettiv 2), l-oqsma ewlenin ta’ investiment kienu fil-flessibilita’ tal-għadd ta’ nies li jistgħu jaħdmu, attivita’ intraprenditorjali, innovazzjoni, informazzjoni u teknoloġiji tal-kommunikazzjoni (31.2% tat-total).

2.2.3. Objettiv 3

L-enfasi ewlenija għall-investimenti ESF fl-2005 kompliet tkun fuq l-appoġġ lill-Strateġija għall-Impjieg Ewropew, partikolarment miżuri mmirati biex itejjbu l-prospetti ta’ l-impjieg fis-suq tax-xogħol, tagħlim matul il-ħajja u opportunitajiet ugwali; mill-banda l-oħra miżuri biex jippromwovu l-intraprenditorija naqsu fl-importanza. Kien hemm differenza fl-implimentazzjoni ta’ programmi, imkejla f’termini finanzjarji, bejn l-EU15 fejn il-programmi ilhom stabbiliti aktar fit-tul u l-EU10 fejn ċerti Stati Membri esperjenzaw diffikultajiet biex ivaraw ċerti proġetti u miżuri fl-2005 – l-ewwel sena sħiħa ta’ programm ta’ implimentazzjoni wara s-sħubija f’Mejju ta’ 2004.

2.2.4. L-attività tas-sajd barra Objettiv 1

Is-sena 2005 rat titjib fl-implimentazzjoni tal-politika strutturali fis-setturi tas-sajd u l-akwakultura kif riflessi fl-implimentazzjoni finanzjarja. B’mod partikolari, miżuri appoġġjati ġew allineati mill-qrib ma’ l-għanijiet tar-riforma tal-2002 tal-Politika Komuni tas-Sajd.

2.2.5. Inizjattivi tal-Komunità

2.2.5.1. Interreg

Fl-2005 kompla jsir progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ 81 programm INTERREG III/Neighbourhood. Biċċa xogħol importanti għall-programmi kienet l-aġġornament ta’ l-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu. Bħala konsegwenza, fl-2004 kważi l-programmi kollha ġew emendati biex jieħdu in kunsiderazzjoni r-riżultati ta’ l-evalwazzjoni. L-awtoritajiet responsabbli mill-programmi ġodda li jirriżultaw mit-tkabbir, ħafna minnhom Programmi Neighbourhood, għamlu sforz partikolari biex jiżguraw li jibdew fuq is-sieq it-tajba. Ma’ dan, il-programm ta’ appoġġ INTERACT kompla jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-programmi INTERREG III bl-organiżżar ta’ għadd kbir ta’ avvenimenti ta’ eżerċizzju ta’ l-aħjar prattika u bil-produzzjoni ta’ manwali ta’ strateġija.

2.2.5.2. Leader

Mat-73 programm LEADER+ ġew approvati għal perjodu 2000-2006. Mid-938 Grupp ta’ Azzjoni Lokali (GAL) proposti li fihom l-azzjoni hija immaniġġjata, ġew magħżula finalment 892. It-tema ta’ l-istrateġija għall-iżvilupp lokali “L-użu ta’ risorsi naturali u kulturali” wriet li kienet l-aktar popolari. Ir-rapporti ta’ monitoraġġ li tressqu fl-2005 indikaw li bejn 26 u 178 proġett ġew approvati mill-bidu tal-perjodu ta’ programmar. L-oqsma ewlenin ta’ intervent huma: t-turiżmu, l-appoġġ lill-SME, ir-rinnovazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt ta’ l-irħula u rurali, is-servizzi bażiċi lill-popolazzjoni rurali, u l-ekonomija rurali.

2.2.5.3. Urban

Fl-2005, għoxrin netwerk tematiku ġew approvati, kull wieħed minnhom organizzat fuq temi differenti. Hemm 178 belt imsieħba, fosthom 36 belt fl-Istati Membri l-ġodda. Fil-laqgħa informali tal-ministri fi Bristol f’Diċembru 2005, kien ippubblikat l- Urban Audit 2005: key indicators on living conditions in European cities [5]

2.2.5.4. EQUAL

Is-sena 2005 rat il-bidu operazzjonali ta’ 2000 proġett ta’ Żvilupp ta’ Sħubija[6] tat-tieni rawnd ta’ EQUAL, li kienu ntgħażlu fuq livell nazzjonali matul l-2004; huma inkludew madwar 400 proġett fl-Istati Membri ġodda. Madwar terz ta’ Żvilupp ta’ Sħubija tat-tieni rawnd qed jaħdmu fuq it-tema ta’ prospetti ta’ impjieg fis-suq tax-xogħol.

Ir-riżultati minn madwar 1400 Partenarjat għall-Iżvilupp ta’ l-ewwel rawnd ta’ EQUAL, li kienu temmew xogħolhom matul l-2004 u l-2005 kienu s-suġġett ta’ numru ta’ seminars fuq livell lokali, nazzjonali u Ewropew.

2.2.6. Azzjonijiet Innovattivi

2.2.6.1. ERDF

Fl-2005, l-awtoritajiet reġjonali ressqu offerti għal 51 azzjoni innovattiva. L-aħjar 28 intgħażlu għall-appoġġ, u sa’ l-aħħar tas-sena ittieħdu deċiżjonijiet finanzjarji dwar 22 minnhom. Il-programmi huma organiżżati madwar dawn it-temi li ġejjin: għerf u innovazzjoni teknoloġika; soċjeta’ ta’ l-informazzjoni u żvilupp sostenibbli.

2.2.6.2. ESF

Matul is-sena ġew finaliżżati 38 proġett relatati ma’ l-Istrateġija għall-Impjieg Lokali. 28 proġett intgħażlu fit-tieni rawnd tas-sejħa għal proposti fuq “Trattament innovattiv għall-istrateġija ta’ bidla”. Intgħażlu mas-7 proġetti dwar is-suġġett “Trasferiment u disseminazzjoni ta’ innovazzjoni mill-proġetti ta’ Artikolu 6 ta’ l-ESF” li huma disinjati biex jinkoraġġixxu it-teħid ta’ ideat fil-programmi ewlenin.

2.2.6.3. FIFG

Matul l-2004 u l-2005 ittieħdu azzjoniiet biex jimplimentaw proġetti magħżula wara sejħiet għal proposti li saru fl-2002 u l-2003. Fl-2005 twettqet evalwazzjoni ex-post ta’ proġetti transnazzjonali għal azzjonijiet innovattivi fis-settur tas-sajd. L-evalwazzjoni ssuġġeriet li l-proġetti appoġġjati taħt il-programmi operazzjonali ewlenin kellhom tendenza li jaħdmu aħjar mill-proġetti ta’azzjoni innovattiva fejn għandhom x’jaqsmu kriterji bħal effettivita’, effiċjenza, kwalita’ tas-sistema ta' sorveljanza u sostenibilita’.

3. KONSISTENZA U KOORDINAZZJONI

3.1. Konsistenza ma' tipi oħra ta’ Politika tal-Komunità

3.1.1. Il-Kompetizzjoni

Skond ir-Regola (EC) Nru 1260/99, l-Istati Membri huma mitluba li jivverifikaw li l-operazzjonijiet kollha huma skond il-leġiżlazzjoni KE, fosthom regoli dwar l-għajnuna statali. Meta l-Kummissjoni tiġi infurmata dwar xi ksur tal-leġiżlazzjoni KE, jew fejn l-awditjar juri li dan huwa l-każ, tittieħed azzjoni xierqa. Biex tiġi provduta trasparenza sħiħa, l-Istati Membri jindikaw ir-reġimi ta’ għajnuna Statali fejn l-assistenza ta’ Fondi Strutturali tkun qed tintuża fil-programmi tagħhom. Kwalunkwe modifikazzjoni sostanzjali ta’ din il-lista jkollha bżonn deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni. Madanakollu, fl-2005 ma tressqux każijiet ta’ ksur għall-attenzjoni tal-Kummissjoni.

3.1.2. L-Ambjent

Il-Kummissjoni kompliet tinkoraġġixxi investimenti fl-ambjent fl-2005 permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni. L-għan ewlieni kien il-provvediment ta’ ko-finanzjament għall-acquis ta’investiment qawwi għall-ilma maħmuġ urban, għall-provvista ta’ l-ilma u għall-immaniġġjar ta’ l-iskart, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda. L-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Evalwazzjoni Strateġika ta' l-Ambjent għall-Programmi Operattivi futuri bħala parti mill-evalwazzjoni ex-ante hija ta’ sfida partikolari għall-Istati Membri. Għal-lista tal-proġetti ewlenin appoġġjati f’dan il-qasam mill-ERDF, ara parti 3 tal-anness.

3.1.3. Is-Suq Intern

L-osservanza tar-regoli ta’ akkwisti pubbliċi hija importanti ferm fil-kuntest tas-suq wieħed Ewropew. Fejn il-Kummissjoni hija responsabbli biex tapprova proġett individwali, tiżgura jew li r-regolamenti huma mħarsa inkella li l-Istat Membru stess jintrabat li josservahom. Fil-kuntest ta’ programmar il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni mill-Istati Membri fir-rapporti annwali tal-programmi. Fl-2005, id-Direttorati Ġenerali tal-Politika Reġjonali u tas-Suq Intern żviluppaw “modus operandi” biex jikkoordinaw l-azzjoni tal-Kummissjoni f’każ li jkun hemm ksur tar-regolamenti.

3.1.4. Trasport

Wara r-reviżjoni ta’ linji ta’ gwida tal-Komunita’ dwar l-iżvilupp ta’ networks trans-Ewropej, il-prijoritajiet ta’ trasport jieħdu preċendenza fil-politika ta’ koeżjoni. Fi tħejjija għall-perjodu 2007-2013, ħafna inizjattivi ġodda ta’ politika tat-trasport Ewropea, bħal ERTMS, Motorways of the Sea jew it-30 proġett ta’ prijorita’ TEN jissemmew fl-abbozz ta’ Linji ta’ Gwida Strateġiċi tal-Komunita’ dwar il-Koeżjoni. Għal lista tal-proġetti ewlenin appoġġjati f’dan il-qasam mill-ERDF, ara parti 3 ta’ l-Anness.

3.1.5. Ugwaljanza bejn is-sessi

Il-Kummissjoni kompliet bil-ħidma tagħha biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Fondi Strutturali u l-Fondi ta’ Koeżjoni. Il-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi iltaqa’ darbtejn biex jiddiskuti l-implimentazzjoni u biex ipartat l-aħjar prattiċi.

3.2. Koordinazzjoni ta’ Strumenti

3.2.1. Il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni

Bħala riżultat tat-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea f’Mejju 2004, għaxar Stati Membri ġodda huma koperti mill-Fond ta’ Koeżjoni. Issa hemm 13-il Stat Membru li qed jibbenefikaw. B’riżultat tat-tkabbir ekonomiku tagħha, l-Irlanda ma baqgħetx eliġġibbli għal Fond mill-1 ta’ Jannar 2004. B’138%[7] tal-medja tal-Komunita’, il-PGD per capita tagħha huwa b’mod sinifikattiv ogħla mil-limitu eliġġibbli ta’ 90%.

L-istrument prinċipali ta’ koordinazzjoni bejn l-għoti ta’ fondi taħt il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali huwa il-qafas ta’ referenza strateġika (QRS) li jitressaq mill-Istati Membri li jipprovdi għal strateġija ġenerali fl-oqsma tat-trasport u l-ambjent. Il-QRS jawtoriżża lill-Kummissjoni li tivverifika kull proġett biex ikun ko-finanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni biex jevita li jkun hemm duplikazzjoni ta’ għoti ta’ flus ma’ proġetti ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali.

3.2.2. Il-Fondi strutturali u l-EIB/EIF

Flimkien mat-tkomplija ta’ l-isforzi fl-2005 biex jikkoordinaw u jikkumplimentaw l-għoti ta’ flus mill-ERDF u l-Fond ta’ Koeżjoni, u ħidmiet ta' l-EIB għal perjodu ta’ programmar attwali, il-Kummissjoni u l-EIB bdew xogħol preparatorju fl-2005 biex iżidu l-kooperazzjoni fil-perjodu ta’ programmar li jmiss. L-għanijiet stipulati għall-perjodu li jmiss jiffokaw fuq kooperazzjoni akbar fl-istadji kollha ta’ xogħol ta’ programmar, kif ukoll fuq approċċ koordinat biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni ta’ proġetti u programmi.

JASPERS (Assistenza Konġunta lil Proġetti ta’ Appoġġ fir-Reġjuni Ewropej) hija faċilità ġdida ta’ assistenza teknika li se tkun maniġġjata mill-EIB. Kienet miftehma u stabbilita fl-2005 mill-Kummissjoni u l-EIB, bi sħubija ma’ l-EBRD, biex tassisti l-koeżjoni ta’ l-Istati Membri. Element ewlieni ta’ l-aġenda ta’ Liżbona huwa li jitjieb l-aċċess għal finanzi u l-kapital ta’ riskju għall-SMEs fir-reġjuni t’ l-UE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Grupp EIB (EIB-EIF), fl-2005 nedew inizjattiva ġdida konġunta magħrufa fil-qosor bħala “JEREMIE” (Riżorsi Magħquda Ewropej għall-Intrapriżi Mikro u Medji) biex ittejjeb aċċess għall-finanzi u tiżviluppa kreditu f’livell mikro għall-SMEs f’reġjuni appoġġjati mill-Fondi Strutturali għal perjodu li jmiss tal-baġit.

4. EVALWAZZJONIJIET

Matul l-2005, saret evalwazzjoni tal-kontribut lill-istrateġija ta’ Liżbona. Il-valutazzjoni kkonfermat li l-programmi appoġġjati mill-Fondi Strutturali kkontribwew b’mod sinifikattiv għall-għanijiet ta’ Liżbona, anke jekk ftit li xejn kien hemm koordinazzjoni formali – bl-eċċezzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew – bejn l-Agenda ta’ Liżbona u l-programmi individwali. F’ħafna reġjuni, aktar minn żewġ terzi tan-nefqa hija attwalment allokata lill-attivitajiet li huma direttament relevanti għall-għanijiet ta’ Liżbona u jidher impatt ċar fejn għandu x’jaqsam ma’ miri kwantitattivi milħuqa. F’reġjuni fejn sehem anqas ta’ nefqa programmata hija relatata direttament ma’ l-Aġenda ta’ Liżbona, ir-raġuni ewlenija hija l-importanza ta’ appoġġ għal infrastuttura bażika, li tirrifletti ħtiġijiet ta’ investiment partikolari fir-reġjuni l-anqas prosperi.

Matul l-2005 tnedew tliet studji strateġiċi għall-perjodu ta’ programmar 2007-2013: Evalwazzjoni Strateġika għal Prijoritajiet ta’ Investiment fit-Trasport skond il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, Evalwazzjoni Strateġika ta’ l-Ambjent u prevenzjoni ta’ Riskji u Evalwazzjoni Strateġika dwar Ekonomija bbażata fuq l-Innovazzjoni.

5. IL-KONTROLL FINANZJARJU

5.1. ERDF

Fl-2005, kompla l-awditjar biex jivverifika l-funzjonament effettiv tal-elementi ewlenin ta’ sistemi ta’ strateġija u kontroll fl-Istati Membri għal programmi ta’ xejra dominanti li komplew. Sa’ l-aħħar tas-sena, sar awditjar fuq 52 programm. Il-problemi ewlenin identifikati mix-xogħol li sar s’issa kienu defiċjenzi fil-kontrolli fl-istrateġija ta’ l-ewwel livell[8], u nuqqasijiet fil-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta’ nefqa mill-awtorita’ li tkun qed tagħmel il-ħlas.

Fejn jidħlu Stati Membri ġodda, ix-xogħol ta’ awditjar kien dwar l-assessjar tad-deskrizzjonijiet tas-sistemi mressqa skond Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 438/2001 u awditjar ta’ verifika fuq il-funzjonament tas-sistemi kif deskritti. L-awditjar li sar identifika ċerti nuqqasijiet, bħal kontroll insuffiċjenti ta’ kwalita’ imwettqa mill-maniġment, u nuqqas ta’ kopertura jew kwalita’ insuffiċjenti tax-xogħol ta’ awditjar li jsir mill-entitajiet nazzjonali ta’ awditjar.

5.2. ESF

Minn total ta’ 214 programm operazzjonali ESF, 55 (34 minnhom kienu ġodda) ġew awditjati matul l-2005. L-awditjar sab kontrolli inadegwati fl-ewwel livell minn x’uħud mill-awtoritajiet ta’ strateġija jew entitajiet intermedjarji, ksur fil-mod ta’ kif isir l-awditjar, proċessi dgħajfa ta’ ċertifikazzjoni jew proċeduri inadegwati ta’ ċertifikazzjoni, ftit jew xejn separazzjoni ta’ funzjonijiet, nuqqasijiet fis-sistemi ta’ l-IT u livell insuffiċjenti ta’ pubbliċita’ ta’ fondi mill-ESF.

Awditjar fuq il-post fuq sample ta’ sistemi eżistenti kopra 19 mill-25 programm ta’ l-ESF fl-Istati Membri ġodda kollha.

Saru erbatax-il awditjar ta’ għeluq fuq 40 programm mill-perjodu 1994-99 fi 8 Stati Membri.

5.3. EAGGF

Għall-perjodu 1994-99, saru 7 awditjar matul l-2005, biex sar il-programm ta’ awditjar ex-post għal dan il-perjodu.

Għall-perjodu 2000-2006 (UE-15), saru 7 awditjar. Problemi tipiċi identifikati kienu kontrolli ta’ strateġija inadegwati, nuqqas li jiġu verifikati kriterji ta’ eliġġibilita’ skond il-provvedimenti tal-leġiżlazzjoni agrikola, u livell baxx ta’ kontrolli indipendenti.

Għall-perjodu 2004-2006 (UE-10), l-analiżi tad-deskrizzjoni tas-sistemi ġiet kompluta u sar 4 awditjar.

5.4. FIFG

Total ta’ 7 kontrolli fuq il-post twettqu fl-2005. Tlieta minnhom kienu dwar il-verifika ta’ sistemi ta’ strateġija u kontrolli ta’ programmi 2000-2006 fi tliet Stati Membri u kontroll wieħed dwar l-għeluq ta’ programm 2000-2006. Tliet kontrolli fuq il-post kienu jikkonċernaw azzjonijiet innovattivi fejn seba’ proġetti ġew awditjati fi tliet Stati Membri (l-Italja, ir-Renju Unit u Spanja) Il-problemi ewlenin li nstabu kienu ċerti irregolaritajiet, bħal dikjarazzjonijiet minfuħa ta’ spejjeż ta’ staff u nefqiet fuq l-ivjaġġar u manteniment, VAT u ħlasijiet fuq spejjeż mhux dokumentati. Fl-aħħarnett, twettqu missjonijiet biex jiżnu l-funzjonament u l-effiċjenza ta’ l-awtoritajiet ta’ strateġija u dawk li jagħmlu l-ħlasijiet fl-Istati Membri l-ġodda.

5.5. OLAF

Matul l-2005, OLAF wettqet 43 missjoni fl-Istati Membri marbuta ma’ miżuri ko-finanzjati mill-Fondi Strutturali. Xi 24 minn dawn il-missjonijiet ikkonċernaw kontrolli fuq il-post, filwaqt li 19 saru għall-għanijiet oħra, eż biex tinġabar informazzjoni jew biex jiġu mgħejjuna amministrazzjonijiet nazzjonali jew awtoritajiet ġudizzjarji. Problemi tipiċi identifikati inkludew dikjarazzjonijiet foloz, fatturi foloz u nuqqas li wieħed jimxi mar-regoli ta’ akkwist pubbliku.

Fl-2005, l-Istati Membri nnifishom infurmaw lill-Kummissjoni, b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1681/94, b’madwar 3356 każijiet ta’ irregolaritajiet li jinvovlu EUR 466 617 970 miljun li laqtu l-pagamenti mġarrba matul il-perjodu ta’ l-1994-1999 u l-2000-2006. Kemm l-ammonti kif ukoll l-għadd ta’ każijiet urew kemm kemm ta’ żieda mqabbla ma’ l-2004[9]. Dawn ir-riżultati huma probabilment l-effett tax-xogħol li qed isir biex jifinalizza l-għeluq tal-programmi marbuta mal-perjodu 1994-1999 u, b’mod li jqawwi l-qalb, jindika żieda fl-għarfien mill-Istati Membri lejn l-obbligazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, iż-żieda x’aktarx li hija minħabba viġilanza akbar u rappurtaġġ aħjar aktar milli xi żieda attwali fl-għadd ta’ irregolaritajiet.

Matul l-2005, ir-Regolament (KE) Nru 1681/94 ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 2035/2005[10] immirat biex jissimplifika l-proċeduri u jikkjarifika ċerti kwistjonijiet, waqt li jiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Komunita’ jkunu mħarsa.

6. KUMITATI LI JASSISTU L-KUMMISSJONI

6.1. Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-Konverżjoni tar-Reġjuni (CDCR)

Fl-2005, il-Kumitat, fir-rwol tiegħu bħala kumitat ta’ strateġija, ġie kkonsultat fuq l-emenda ta’ Regolament (KE) Nru 1681/94 dwar irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom imħallsa bi żball b’konnessjoni mal-iffinanzjar tal-politika strutturali u l-organizazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam. Il-Kumitat kien ukoll ikkonsultat dwar proposti fuq għamliet differenti ta’ miżuri ta’ assistenza teknika iffinanzjati skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

6.2. Kumitat ESF

Il-kumitat iltaqa’ erba’ darbiet f’Sessjoni Plenarja u l-Grupp Tekniku ta’ Ħidma tiegħu iltaqa’ sitt darbiet. Iddiskuta medda wiesgħa ta’ kwistjonijiet marbuta kemm ma’ l-implimentazzjoni attwali ta’ l-ESF kif ukoll mat-tħejjijiet għar-rawnd ta’ programmar għal futur.

6.3. Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali (STAR)

Il-Kumitat STAR iltaqa’ tmien darbiet fl-2005 u ta opinjonijiet favorevoli dwar 32 modifika ta’ programmi ta’ żvilupp rurali li jaqgħu taħt l-Artikolu 44(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 u 13-il emenda għall-programmi ta’ żvilupp rurali li jaqgħu taħt l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1268/1999.

6.4. Kumitat dwar Strutturi għall-Industrija tas-Sajd u l-Akwakultura (CSFA)

Fl-2005, il-Kumitat ġie kkonsultat dwar dawn il-kwistjonijiet: Assistenza teknika FIFG għall-2005; abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq proġett Nru I/0016/90/02 – Azienda Agricola LE CANNE; tħejjija għal Linji ta’ Gwida tal-Komunita’ għall-Għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristruttura ta’ ditti kummerċjali fis-settur tas-sajd; abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/94 dwar irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom imħallsa bi żball b’konnessjoni ma’ l-iffinanzjar tal-politika strutturali u l-organizazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam.

[1] COM (2005)0299 tal-5 ta’ Lulju 2005.

[2] It-tielet inizjattiva komuni tal-Kummissjoni, ta’ l-EIB u tas-CEDB (Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa – Council of Europe Development Bank) – JESSICA qed tiġi diskussa bl-għan li tipprovdi appoġġ għall-iffinanzjar ta’ proġetti għat-tiġdid ul-iżvilupp urban bl-użu ta’ teknika ta’ inġinerija finanzjarja.

[3] "RAL" (les restes à liquider). Impenji miftuħa mis-snin ta’ qabel.

[4] Is-subparagrafu ta’ l-Artikolu 31 (2) tar-Regolament (KE Nru 1260/1999 jagħti tagħrif dwar “ir-regola n+2”. Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tħoll kull parti minn obbligu li ma jkunx ġie onorat permezz ta’ ħlas fil-kont jew li għalih ma jkunx irċieva applikazzjoni aċċettabbli għall-ħlas, kif definit fl-Artikolu 32(3), sat-tmiem tat-tieni sena li tiġi wara s-sena ta’ l-obbligu jew, fejn hu approprjat u għall-ammonti konċernati, wara d-data ta’ deċiżjoni Komunitarja sussegwenti meħtieġa sabiex tawtorizza miżura jew operazzjoni jew sa tmiem l-għeluq taż-żmien għat-trasmissjoni tar-rapport finali imsemmi fl-Artikolu 37(1); il-kontribuzzjoni mill-Fondi għal dik l-assistenza se tiġi mnaqqsa b'dak l-ammont.

It-test tar-rapport jirreferi wkoll għar-“regola n+18” li hija mfissra f’art. 32 (2) tar-Regolament imsemmi hawn fuq: "Il-ħlas akkont kollu jew parti minnu, skond il-progress fl-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna, għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni mill-awtorità li tħallas jekk ma tintbagħat l-ebda applikazzjoni għall-ħlas lill-Kumissjoni fi 18-il xahar mid-deċiżjoni tagħha li tagħti kontribuzzjoni mill-Fondi. Jekk jinġemgħu xi interessi fuq il-ħlas akkont dawn għandhom jiġu allokati mill-awtorità li tħallas lill-forma ta’ għajnuna konċernata".

[5] Għal aktar dettalji ara: http://www.urbanaudit.org/

[6] Partenarjati għall-Izvilupp huma entitajiet operazzjonali ta’ l-inizjattiva EQUAL li jlaqqgħu flimkien parteċpanti ewlenin (bħal awtoritajiet lokali u reġjonali, NGOs, intrapriżi u imsieħba soċjali) fuq livell ġeografiku jew settorali biex jindirizzaw diskriminazzjoni u inugwaljanzi.

[7] Ċifra Eurostat għal 2005.

[8] L-Art. 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (EC) Nru 438/2001 jistipola li: “Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għandhom jinkludu proċeduri sabiex tiġi vverifikata l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati u r-realtà ta’ l-infiq mitlub u sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-termini tad-deċiżjoni relevanti tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u mar-regoli nazzjonali u tal-Komunità applikabbli dwar, b’mod partikolari, l-eliġibbilità ta’ l-infiq għal għajnuna mill-Fondi Strutturali taħt l-assistenza konċernata, l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat (inklużi regoli dwar il-kumulazzjoni ta’ l-għajnuna), protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ugwaljanza fl-opportunità”.

[9] 2004 : 2004: numru ta’ każijiet komunikati 3037; ammont totali relatat mal-kommunikazzjoni€ 431 miljun.

[10] ĠU L 328, 15.12.2005, p. 8.