52006PC0594

Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità (ippreżentata mill-Kummissjoni) {SEC(2006) 1291} {SEC(2006) 1292} /* KUMM/2006/0594 finali - COD 2006/0196 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.10.2006

KUMM(2006) 594 finali

2006/0196 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità

(ippreżentata mill-Kummissjoni) {SEC(2006) 1291}{SEC(2006) 1292}

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Sfond

Bħala parti mill-proċess ta' rikonċiljazzjoni ta' l-għanijiet paralleli tal-ftuħ gradwali u kkontrollat tas-suq postali għal kompetizzjoni u dak tal-garanzija dejjiema tal-forniment tas-servizz universali, skond kif previst mill-Kunsill fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 1994 dwar l-iżvilupp tas-servizzi postali Komunitarji[1], id-Direttiva Postali[2], tiffissa skeda għad-deċiżjonijiet rigward ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-swieq postali. L-Artikolu 7 tad-Direttiva jgħid li:

- il-Kumissjoni għandha tissottometti sal-31 ta' Diċembru 2006 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li miegħu jkun hemm proposta li tikkonferma, jekk approprjat, id-data ta' l-2009 għat-tlestija kompleta tas-suq postali intern jew li tiddetermina kwalunkwe pass ieħor;

- il-proposta tal-Kummissoni għandha tkun ibbażata fuq il-konklużjonijiet ta' studju prospettiv li se jistma, għal kull Stat Membru, l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq postali intern fl-2009.

Din il-proposta hija bbażata fuq il-konklużjonijiet ta' l-Istudju Prospettiv dwar l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq postali intern fl-2009[3], kif meħtieġ mid-Direttiva Postali, Rapport dwar il-Valutazzjoni ta' l-Impatt[4] kif ukoll fuq Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali[5] li fih reviżjoni dettaljata tas-settur. F'dawn id-dokumenti jista' jinstab iktar tagħrif dettaljat dwar l-isfond ġenerali u r-raġunijiet għal din il-proposta kif deskritt fis-sezzjonijiet li ġejjin.

Il-Proposta tal-Kummissjoni

Aspetti ġuridiċi

Il-Prinċipju tas-sussidjarjetà

L-azzjoni proposta għandha l-għan li jinkiseb suq intern għas-servizzi postali permezz tat-tneħħija ta' drittijiet esklussivi u speċjali fis-settur postali, tissalvagwardja livell komuni ta' servizzi universali għall-utenti kollha fil-pajjiżi kollha ta' l-UE u tiffissa prinċipji armonizzati għar-regolamentazzjoni tas-servizzi postali f'kuntest ta' suq miftuħ, bil-għan li jitnaqqsu ostakli oħra għall-funzjonament tas-suq intern.

L-Istati Membri ma jistgħux jilħqu suffiċjentement dawn l-għanijiet waħedhom. L-iktar eżempju evidenti ta' dan huwa l-fatt li għadd ta' Stati Membri żammu monopolji ta' firxa varjabbli fuq il-provvista ta' ċerti servizzi postali sabiex jiffinanzjaw is-servizzi universali, filwaqt li oħrajn neħħew il-monopolji tas-servizzi kollha jew parti minnhom jew għandhom pjanijiet definiti biex jagħmlu hekk qabel l-2009.

Minħabba l-firxa jew l-effetti ta' l-azzjoni proposta, dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, u jitqies li l-Komunità tista' b'hekk tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE.

Proporzjonalità

Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE, din id-Direttiva ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet proposti.

Din il-proposta għal Direttiva emendata tkompli tipprovdi qafas ġenerali ta' elementi regolatorji, aktar milli dispożizzjonijiet dettaljati għar-regolamentazzjoni tas-settur.

Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta toffri firxa ta' għażliet lill-Istati Membri dwar l-aħjar mod kif jistgħu jinkisbu l-għanijiet proposti:

- il-metodi ta' finanzjament proposti fl-Artikolu 7 jħallu lill-Istati Membri jiddeċiedu fost firxa wiesgħa ta' għażliet, aktar milli jimponulhom soluzzjoni waħda biss;

- il-kwistjoni dwar l-aċċess għan- network hija indirizzata fil-proposta ta' l-Artikolu 11a l-ġdid u jħalli f'idejn l-Istati Membri biex jivvalutaw il-ħtieġa għal regolamentazzjoni u l-ambitu tagħha, fir-rigward ta’ l-aċċess għal ċerti elementi ta' l-infrastruttura jew is-servizzi postali kif ukoll biex jirregolaw l-aċċess downstream għas-servizzi tan- network li jissortjaw u jibagħtu;

- qed jiġi propost li jitneħħa r-rekwiżit ta' monitoraġġ tal- cross-subsidies (sussidji li jgħaddu mis-settur riżervat għas-settur mhux riżervat) permezz ta' regoli speċifiċi għas-settur previsti attwalment fis-sitt inċiż ta’ l-Artikolu 12, u li l-Istati Membri jkunu dawk li effettivament jitħallew jirregolaw din il-kwistjoni;

- mhux qed jiġi propost li jinħolqu korpi ġodda li jikkoordinaw l-attivitajiet ta' awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

Elementi tal-proposta

Konferma ta' l-iskeda għall-ftuħ tas-suq iffissata fid-Direttiva abbażi tal-konklużjonijiet ta' l-Istudju Prospettiv dwar l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq postali intern fl-2009

L-Istudju Prospettiv jikkonkludi li l-kisba ta' suq intern għas-servizzi postali fl-Istati Membri kollha fl-2009 hija kompatibbli maż-żamma ta' servizz universali ta' kwalità għolja u jikkonferma l-ftuħ totali tas-suq sa l-1 ta' Jannar 2009.

Il-konferma ta' l-2009 bħala d-data li fiha jitlesta s-suq intern għas-servizzi postali se tippermetti li l-benefiċċji minn aktar kompetizzjoni jtejbu l-livelli tas-servizzi, f'termini ta' kwalità, prezzijiet u għażla disponibbli għall-klijenti u jitqanqal il-potenzjal tas-settur għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' xogħol . Din tikkostitwixxi wkoll tweġiba neċessarja u proporzjonata għall-ħtiġijiet kemm ta' l-utenti kif ukoll ta' l-ekonomija Ewropea f'sens usa'.

Bil-għan li tinżamm koeżjoni territorjali u soċjali filwaqt li jitqies li l-Istati Membri jistgħu jadattaw xi karatteristiċi speċifiċi tas-servizz għad-domanda lokali billi japplikaw il-flessibilità li toffrilhom id-Direttiva Postali, huwa xieraq li jinżamm bis-sħiħ is-servizz universali u r-rekwiżiti ta' kwalità assoċjati miegħu stabbiliti fid-Direttiva msemmija.

B'konsegwenza ta' dan, din il-proposta tistabbilixxi Artikolu 7 ġdid li, fl-ewwel paragrafu tiegħu, jipprojbixxi lill-Istati Membri li jikkonċedu jew iżommu drittijiet esklussivi u speċjali fis-settur postali.

Miżuri komplimentari u ta' akkumpanjament għas-salvagwardja tas-servizz universali

L-Istudju Prospettiv identifika għadd ta' miżuri ta' akkumpanjament, jew "ta' appoġġ" kemm fil-livell Komunitarju, kif ukoll dak nazzjonali, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw biex jissalvagwardjaw is-servizz universali jekk dan ikun meħtieġ. Uħud minn dawn huma ta' natura regolatorja, oħrajn huma miżuri tas-suq, iżda kollha huma maħsuba biex jiffaċilitaw u/jew jissalvagwardjaw il-provvista tas-servizz universali f'kundizzjonijiet finanzjarjament vijabbli f'suq kompetittiv. Jitqies li dawn il-miżuri huma biżżejjed biex il-ftuħ tas-suq ikun possibbli fl-Istati Membri kollha.

Ġew ukoll identifikati salvagwardji addizzjonali, f'forma ta' mekkaniżmi speċifiċi ta' finanzjament, biex jikkompensaw, jekk neċessarju u proporzjonali, l-ispiża antiekonomika ( uneconomic cost ) għall-għoti tas-servizz universali, b'modi li jxekklu s-suq intern inqas milli ż-żamma ta' monopolji.

Uħud mill-miżuri regolatorji maħsuba għas-salvagwardja tas-servizz universali diġà jinsabu fid-Direttiva Postali attwali, bħalma huma l-adattament tal-provvista tas-servizz univerali għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi fil-limiti tad-Direttiva Postali, l-introduzzjoni ta' obbligu ta' servizz fuq operaturi b'liċenzja, l-intervent ta' l-awtoritajiet regolatorji biex titħares il-kompetizzjoni u, l-introduzzjoni ta' aċċess downstream għas-servizzi tan-network li jissortjaw u li jibagħtu; kif ikun xieraq. Il-miżuri regolatorji ta' appoġġ addizzjonali li jitqiesu neċessarji fuq livell Komunitarju ġew riflessi f'din il-proposta.

Min-naħa tagħhom, huma l-Istati Membri dawk li għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri li jew huma marbuta mal-funzjonament tas-suq jew mhumiex parti mill-qafas Komunitarju. Kif indikat mill-Istudju Prospettiv u l-istudji settorjali, fost dawn il-miżuri jista' jkun hemm dawk maħsuba biex jilħqu iktar effiċjenza u li għandhom ikunu adottati mill-fornituri attwali tas-servizz universali, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tad-dħul tagħhom, u miżuri biex jistimolaw il-volum.

Skond il-proposta għal qafas postali ta' l-UE, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jagħżlu fost il-miżuri differenti dawk li jqisu aktar adatti għas-salvagwardja tas-servizz universali fil-kuntest ta' suq ġdid.

Miżuri oħra effikaċi f'termini ta' spejjeż għall-iżgurar tas-servizz universali (Artikoli 3 u 6)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva Postali stabbilixxa preferenza biex il-provvista tas-servizz universali ssir permezz ta' nomina obbligatorja minn qabel tal-fornitur(i) tas-servizz universali. Iż-żieda fil-kompetizzjoni u fl-għażliet fis-suq tfisser li jista' jkun hemm modi oħra ugwalment effikaċi biex tkun garantita l-provvista tas-servizz universali. Din il-proposta tipprovdi, permezz ta' l-emendi proposti għall-Artikoli 4 u 3(3), li l-Istati Membri għandhom il-possibilità li jagħżlu l-mekkaniżmi li jqisu l-iktar effiċjenti u xierqa biex jiggarantixxu d-disponibilità tas-servizz universali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ta' l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni, il-proporzjonalità u xkiel minimu għas-suq.

Dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiffaċilitaw il-provvista tas-servizz universali jew partijiet minnu, pereżempju, billi jħallu l-provvista tiegħu għall-forzi tas-suq jew jippermettu li l-Istati Membri jidentifikaw is-servizzi jew ir-reġjuni speċifiċi li fihom is-servizz universali ma jistax ikun garantit mill-forzi tas-suq, u jagħtu dawk is-servizzi b'mod li huwa effikaċi, f'termini ta' l-ispejjeż, permezz ta' kuntratti pubbliċi.

B'koerenza ma' aktar flessibilità għall-Istati Membri, biex dawn jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali b'modi oħrajn barra min-nomina minn qabel tal-fornitur(i) tas-servizz universali, din il-proposta tistabbilixxi, permezz ta' l-emenda ta' l-Artikolu 6, li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu l-aħjar mod kif jiggarantixxu li l-informazzjoni dwar is-servizzi universali tasal għand il-pubbliku.

It-tisħiħ u l-kjarifika tal-prinċipju li t-tariffa tas-servizz universali għandha tkun orjentata lejn l-ispejjeż (Artikolu 12, it-tieni inċiż , u l-Artikolu 2, paragrafu 20)

Il-prinċipju li s-servizzi għandhom ikunu orjentati lejn l-ispejjeż ġie tradott f'modi differenti fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-Direttiva 97/67/KE. Dan jista' jwassal għal differenzi fl-interpretazzjoni tad-Direttiva msemmija. L-użu tal-kunċett 'orjentament lejn l-ispejjeż', fil-verżjonijiet lingwistiċi fejn dan għadu mhux il-każ bħalissa, se jikkontribwixxi għall-applikazzjoni uniformi ta' dan il-prinċipju. Barra minn hekk, il-prinċipju li l-prezzijiet għandhom jistimolaw il-gwadanji fl-effiċjenza se jtejjeb l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi. L-Artikolu 12, it-tieni inċiż, tad-Direttiva Postali jawtorizza lill-Istati Membri jitbiegħdu mill-prinċipju li t-tariffi tas-servizzi universali għandhom ikunu orjentati lejn l-ispejjeż billi japplikaw tariffa nazzjonali uniformi, li tapplika indipendentement mid-distanza u spejjeż oħra għas-servizz, bil-għan li tkun garantita koeżjoni soċjali u territorjali.

Kif jenfasizzaw l-istudji settorjali, id-dispożizzjoni obbligatorja ta' tariffi uniformi f'kuntest totalment kompetittiv tista' twassal għal spejjeż ogħla u riskji għall-vijabilità ta' ċerti servizzi, billi l-fornitur tas-servizz universali jirriskja li jitlef negozju li jrendi profitt f'dawk l-oqsma suġġetti għal pressjoni kompetittiva. L-istudji settorjali juru wkoll li t-tariffa uniformi aktarx tinżamm mill-fornituri tas-servizz universali wara l-ftuħ totali tas-suq għal għadd kbir ta' servizzi.

F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-intervent regolatorju bil-għan li jiggarantixxu l-provvista finanzjarjament vijabbli tas-servizz universali. Billi l-fornituri tas-servizz universali jiġu offruti l-flessibilità meħtieġa biex jirreaġixxu għall-kompetizzjoni, kwalunkwe riskju għall-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz universali se jkun limitat. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi, permezz ta' l-emenda tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 12, li l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-uniformità tat-tariffi għal oġġetti, inklużi dawk għal destinazzjonijiet nazzjonali u fl-UE, suġġetti għal tariffi bil-biċċa (pereżempju t-tariffi mħallsa permezz ta' bolli postali), li huma l-aktar użati mill-konsumaturi u impriżi żgħar u li għalihom il-kompetizzjoni mistennija tkun limitata. It-tifsira tat-terminu 'tariffa bil-biċċa' hija inkluża fl-Artikolu 2, paragrafu 20.

L-emenda proposta tinkludi wkoll il-possibilità għall-Istati Membri li jimponu tariffi uniformi kull meta jkunu involuti interessi leġittimi oħra, bħal fil-każijiet fejn is-servizzi postali jintużaw għat-tixrid ta' l-istampa fl-assenza ta' mezzi oħra. Dan l-aspett jinsab f'iktar dettall fil-Premessa 24.

Finanzjament tas-servizz universali (Artikolu 7)

F'ċerti każijiet, wara l-adozzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament għas-salvagwardja tas-servizz universali, jista' jkun għadu neċessarju l-finanzjament ta' l-ispejjeż residwi tal-provvista tas-servizz universali f'ċerti Stati Membri. Permezz ta' l-Artikolu 7 l-ġdid, din il-proposta tiċċara l-alternattivi disponibbli għall-Istati Membri f'każijiet fejn ikun jinħtieġ finanzjament estern għas-servizz universali.

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar liema metodu ta' finanzjament jadatta ruħu l-aħjar għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin, jieħdu ħsieb li jevitaw kwalunkwe xkiel sproporzjonat għall-funzjonament tas-suq.

L-alternattivi ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 7 l-ġdid jinkludu kumpens pubbliku permezz ta' sussidji mill-istat (paragrafu 3) jew, indirettament, finanzjament permezz ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku (paragrafu 2). Billi diġà hemm corpus dettaljat ta' regoli u ġurisprudenza tal-Komunità li jirregolaw l-akkwist pubbliku u l-kumpens pubbliku għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, li japplika wkoll għas-settur postali, mhux meħtieġ li jiddaħħlu regoli ġodda f'dawn l-oqsma.

Fl-aħħarnett, il-paragrafi 3(b) u 4 ta' l-Artikolu 7 li huma proposti, ikomplu jipprevedu l-possibilità, stabbilita preċedentement fl-Artikolu 9 tad-Direttiva Postali, li jinħoloq fond ta' kumpens li jservi biex jikkompensa l-piż inġust li jġarrab/jġarrbu l-fornitur(i) tas-servizz universali għall-provvista tas-servizz. Sal-lum, l-esperjenza bil-fond ta' kumpens bħala mekkaniżmu għall-finanzjamenti tas-servizz postali universali hija limitata ferm. Madankollu, dan kien mistenni, billi ż-żona riżervata sostanzjali li għadha teżisti fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri tikkostitwixxi biċ-ċar sors ta' finanzjament. Minkejja dan, mingħajr iż-żona riżervata, aktarx li bosta Stati Membri se jerġgħu jikkunsidraw il-ħtieġa għal fond ta' kumpens, billi jagħmluh salvagwardja potenzjali li għandha tibqa' tinżamm. Il-paragrafi 3(b) u 4 ta' l-Artikolu 7, jenfasizzaw ukoll il-possibilità li tiġi solvuta kwalunkwe spiża residwa netta possibbli tas-servizz universali permezz ta' l-introduzzjoni ta’ tariffa imposta fuq il-fornituri tas-servizz u/jew il-konsumaturi.

Miżuri oħra inklużi f'din il-proposta

Awtorizzazzjoni u liċenzji (Artikolu 9)

L-Istati Membri jistgħu jkomplu jirrikorru għal awtorizzazzjonijiet u liċenzji individwali kull meta jkun ġustifikat u proporzjonat għall-għan mixtieq, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tad-Direttiva Postali. Madankollu, kif enfasizzat fit-tielet Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva Postali, jidher li jinħtieġ aktar armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet li jistgħu jiddaħħlu u l-prinċipji applikabbli għal dawn il-kondizzjonijiet u l-proċeduri, sabiex b'hekk jitnaqqsu l-ostakli inġustifikati għall-provvista tas-servizzi fis-suq intern.

Din il-proposta tipprevedi emenda għall-Artikolu 9, paragrafu 2, li ddaħħal il-lista li ġejja ta' kondizzjonijiet projbiti, imfassla abbażi ta' l-esperjenza prattika u minn studji settorjali:

- Limitu fl-għadd ta' liċenzji mogħtija. Din il-miżura ntużat f'industriji oħrajn f’għamla ta’ network fejn id-duplikazzjoni ta' l-infrastruttura ma hija la ekonomikament, la materjalment u lanqas soċjalment mixtieqa; dawn ir-raġunijiet ma japplikawx għas-settur postali.

- Ir-rekwiżit simultanju għal kontribut lejn mekkaniżmu ta' qsim u l-impożizzjoni ta' obbligi ta' servizz universali jew fil-qasam tal-kwalità għall-istess rekwiżiti ta' kwalità, disponibilità u rendiment. Fl-obbligi ta' servizz universali, l-ispejjeż antiekonomiċi tas-servizz jitqassmu bejn bosta kumpaniji, filwaqt li l-fond ta' kumpens jimponi taxxa fuq il-kumpaniji li tkun maħsuba biex tiffinanzja l-ispejjeż antiekonomiċi mġarrba minn kumpanija, u b'hekk l-applikazzjoni konġunta ma tkunx ġustifikata.

- Kondizzjonijiet doppji li japplikaw għal impriżi minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali oħra mhux speċifika għas-settur; dan se jillimita spejjeż amministrattivi mhux meħtieġa għall-fornituri tas-servizz postali.

- Kondizzjonijiet tekniċi jew operattivi sproporzjonati jew inġustifikati. Kwalunkwe kondizzjoni li l-għan tagħha jkun, pereżempju, li tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-posta, jew li tiffaċilita r-ritorn tal-posta mwassla f'indirizz ħażin tkompli tkun aċċettabbli.

Dawn il-projbizzjonijiet ma japplikawx għall-fornitur(i) tas-servizz universali nominat(i), li jista'/jistgħu jkun(u) suġġett(i) għal tip ieħor ta' regolamentazzjoni billi għandu/hom jilħaq/jilħqu għanijiet differenti jew jaħdem/jaħdmu skond bażi ġuridika differenti, pereżempju l-proprjetà pubblika.

Aċċess għall-infrastuttura u servizzi postali ewlenin (Artikolu 11a)

Fuq il-bażi ta' l-esperjenza ta' xi Stati Membri, din il-proposta tintroduċi Artikolu 11a ġdid biex jesiġi li l-Istati Membri jivvalutaw jekk, f'kuntest fejn jeżistu operaturi varji, għadd ta' elementi ta' l-infrastruttura jew servizzi postali:

- humiex indispensabbli għal jew jiffaċilitaw notevolment il-provvista ta' servizzi minn operaturi lesti li jikkompetu ma' fornitur(i) tas-servizz universali; u/jew

- jkunux ta' benefiċċju għall-utenti u l-konsumaturi billi jnaqqsu l-għadd ta' oġġetti indirizzati ħażin jew li ma jistgħux jintbagħtu lura lill-mittenti, jiggarantixxu kwalità tal-posta u l-ħarsien tar-rekwiżiti essenzjali għall-benefiċċju ta' l-operaturi u l-konsumaturi kollha.

Billi l-istatus ġuridiku u s-sitwazzjoni tas-suq ta' dawn l-elementi ta' l-infrastuttura jew is-servizzi postali jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor (eż. ikunu l-proprjetà esklussivament tal-fornitur tas-servizz universali jew offruti esklussivament minnu, ikunu proprjetà ta’ bosta operaturi jew offruti minnhom), qed jiġi propost li r-rekwiżit għall-Istati Membri jkun limitat għall-adozzjoni ta' deċiżjoni infurmata dwar il-ħtieġa u l-firxa tar-regolamentazzjoni, l-għażla ta' l-istrument regolatorju u kwalunkwe kumpens possibbli li jista' jkun meħtieġ.

L-Artikolu 11a ma jimmodifikax ir-regola ta' aċċess downstream għas-servizzi tan- network li jissortjaw u li jibagħtu. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' dan ta' l-aħħar, l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkonformaw mal-ħames inċiż ta' l-Artikolu 12, u jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jintroduċu miżuri oħra biex jiggarantixxu l-aċċess għan- network postali pubbliku f'kondizzjonijiet li huma trasparenti u mhux diskriminatorji.

Kontroll tal-kompetizzjoni ġusta (Artikoli 12, is-sitt inċiż, 14)

F'kuntest ta' kompetizzjoni totali, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-kompitu delikat li joffru lill-fornituri tas-servizz universali biżżejjed libertà biex jadattaw ruħhom għall-kompetizzjoni u, fl-istess ħin, jiggarantixxu monitoraġġ xieraq ta' l-imġiba ta' l-operatur li x'aktarx jiddomina, bil-għan li tiġi ssalvagwardjata kompetizzjoni effettiva.

Minħabba li dan il-kompitu se jeħtieġ valutazzjoni tal-kondizzjonijiet tas-suq, l-arranġamenti istituzzjonali u l-kapaċitajiet ta' kontroll ta' kull Stat Membru, jixraq li l-Istati Membri jiħallew liberi li jiddeċiedu dwar il-mekkaniżmi ta' regolamentazzjoni speċifiċi meħtieġa għall-kontroll ta' l-operatur responsabbli, filwaqt li jibqgħu jżommu bażi minima komuni neċessarja. Dan jiġġustifika, minn naħa, it-tħassir tar-rekwiżit impost lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw il- cross-subsidies permezz ta' regoli settorjali speċifiċi, u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tar-regoli rigward it-trasparenza tal-kontijiet.

Għal dak li għandu x'jaqsam mal- cross-subsidies , u l-assenza ta' żona riżervata bħala sors ċar ta' xkiel għall-kompetizzjoni li ġġustifikat ir-regoli attwali, din il-proposta tipprevedi li, permezz tat-tħassir tas-sitt inċiż ta' l-Artikolu 12, li se jkunu l-Istati Membri dawk li għandhom jiddeċiedu dwar l-aħjar mod kif jiggarantixxu li l-imġiba tal-fornitur tas-servizz universali, li sikwit ikun operatur dominanti f'suq, ma twassalx għal xkiel għall-kompetizzjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kontrolli ex ante (skond kif meħtieġ mid-Direttiva fis-seħħ) jew iserrħu fuq l-applikazzjoni ex post tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni, imwettqa mill-awtoritajiet għall-kompetizzjoni u/jew l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

Rigward ir-regoli dwar it-trasparenza tal-kontijiet applikabbli għall-fornitur(i) tas-servizz unversali, ir-rekwiżit adattat għal separazzjoni tal-kontabilità ta' l-ispejjeż għadu meħtieġ matul it-tranżizzjoni lejn suq kompetittiv. L-emendi proposti għall-Artikolu 14 jirriflettu s-sitwazzjoni l-ġdida fejn mhux se jibqa' jkun hemm żona riżervata. Billi l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jikkooperaw bejniethom għall-iżvilupp ta' l-aħjar prassi u ta' approċċi komuni f'dan il-qasam (eż. permezz tal-Kumitat tar-Regolaturi Postali Ewropej), mhux meħtieġ, skond il-prinċipji għal regolamentazzjoni aħjar, li jiddaħħlu fid-Direttiva dispożizzjonijiet iktar dettaljati u regoli li jorbtu fir-rigward ta' l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż fid-Direttiva.

Tisħiħ tal-ħarsien tal-konsumaturi (Artikoli 12, l-ewwel inċiż, 19, 22, 22a)

F'konformità mar-regoli fis-seħħ applikabbli għal oqsma oħra tas-settur tas-servizzi u bil-għan li l-konsumatur jitħares aktar f'suq f'evoluzzjoni, din il-proposta tipprevedi, permezz ta' emenda ta' l-Artikolu 19, li twessa' l-applikazzjoni tal-prinċipji minimi dwar il-proċeduri ta' lment lil hinn mill-fornitur(i) tas-servizz universali.

L-interessi tal-konsumatur jitħarsu aħjar permezz ta': 1) iż-żieda fl-interoperabilità bejn l-operaturi, minħabba l-aċċess għal ċerti elementi ta' infrastruttura u servizzi, kif previst fl-Artikolu 11a l-ġdid propost, kif spjegat hawn fuq f'aktar dettall; 2) ir-rekwiżit għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-korpi għall-ħarsien tal-konsumatur inklużi fl-emenda proposta għall-Artikolu 22, it-tieni paragrafu u; 3) il-kjarifika tar-rwol u s-setgħat ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex jimmonitorjaw u jissorveljaw is-servizz universali fl-Artikolu 22, it-tielet paragrafu, u l-Artikolu 22a, l-ewwel paragrafu.

Fl-aħħar, fid-dawl ta' l-importanza tas-servizzi postali għal persuni għomja u b'vista mnaqqsa bħala konsumaturi tas-servizzi postali, qed jiġi propost li fl-Artikolu 12, l-ewwel inċiż, jiġi kkonfermat li l-proċess tal-ftuħ tas-suq ma għandux inaqqas il-provvista kontinwa ta' ċerti servizzi b'xejn għall-persuni għomja u b'vista mnaqqsa introdotti mill-Istati Membri skond l-obbligi internazzjonali applikabbli stabbiliti fil-qafas ta' l-Unjoni Postali Universali.

Eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni (Artikolu 21)

Il-Kumitat imwaqqaf mid-Direttiva Postali huwa inkarigat li jassisti l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni u, partikolarment, bl-emenda ta' l-Anness 1 dwar l-għanijiet tal-kwalità tas-servizzi fir-rigward tas-servizzi transkonfinali intra-Komunitarji, u l-adozzjoni ta' kondizzjonijiet standardizzati għall-kejl tal-kwalità (ara l-Artikolu 16 tad-Direttiva).

Billi l-funzjonijiet regolatorji ta' dan il-Kumitat jikkonċernaw l-emendar ta' elementi mhux essenzjali tad-Direttiva, jixraq li r-regoli li jmexxuh jiġu alinjati mal-proċedura regolatorja introdotta dan l-aħħar fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[6], li tagħti lill-Parlament Ewropew mekkaniżmi addizzjonali biex jeżamina dawn il-miżuri.

Awtoritajiet nazzjonali regolatorji (Artikolu 22)

Ir-rwol ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji aktarx li jibqa' kruċjali, partikolarment f'dawk l-Istati Membri fejn it-tranżizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha mhux lesta. Bil-għan li titjieb l-effikaċja tal-funzjonament ta' dawn il-korpi, u abbażi ta' l-esperjenza f'oqsma simili rregolati u t-taħdidiet fil-Kumitat Ewropew ta' Regolaturi Postali kif ukoll studji settorjali varji, din il-proposta tistabbilixxi dawn l-emendi għall-Artikolu 22:

- Separazzjoni stutturali bejn il-funzjonijiet regolatorji u l-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew il-kontroll ta' operatur. Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, partikolarment fir-rigward tal-funzjonijiet assoċjati mal-proprjetà fejn jista' jkun hemm kunflitt ta' interess ċar fil-gvern, bil-ħsieb li jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Dan ir-rekwiżit, li jeżisti f'industriji ta' network oħrajn, ma jinvolvix neċessarjament il-ħolqien ta' strutturi amministrattivi ġodda, iżda jeħtieġ li jkun hemm separazzjoni ċara u stabbli tal-funzjonijiet eżerċitati minn korpi pubbliċi differenti (Artikolu 22, l-ewwel paragrafu).

- Trasparenza fl-allokazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali li jeżerċitaw il-funzjonijiet regolatorji. Minħabba l-involviment frekwenti ta' korpi nazzjonali differenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji, qed jiġi propost li jiġi obbligat li tiddaħħal aktar trasparenza, u għalhekk ċarezza, fl-allokazzjoni ta' xogħolhom. Billi l-ħidmiet tal-korpi responsabbli mir-regolamentazzjoni tas-settur, mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u mill-ħarsien tal-konsumaturi spiss jissovrapponu fuq ta' xulxin, qed jiġi propost li dawn il-korpi jiġu obbligati li jikkooperaw bil-għan li jiggarantixxu aħjar it-tlestija effikaċi ta' xogħolhom (Artikolu 22, l-ewwel u t-tieni paragrafu).

- Konferma tad-dritt ta' appell kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tal-validità termporanja tagħhom, sabiex tiggarantixxi ċarezza fis-suq matul il-proċess tal-ftuħ tas-suq u mingħajr preġudizzju għall-qsim tal-kompetenzi ta' l-Istati Membri fi ħdan is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom u lid-drittijiet ta' l-entitajiet ġuridiċi jew persuni fiżiċi skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 22, it-tielet paragrafu).

- Żieda fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji ta' l-UE, bil-għan li joffru sostenn ġuridiku u impuls lix-xogħol imwettaq attwalment mill-korpi eżistenti, pereżempju l-Kumitat tar-Regolaturi Postali Ewropej u l-Kumitat tad-Direttiva Postali, fil-promozzjoni ta' l-aħjar prassi u l-armonizzazzjoni ta' prassi regolatorja fis-suq intern mingħajr ma jkun neċessarjament meħtieġ il-ħolqien ta' strutturi amministrattivi ġodda (Artikolu 22, it-tieni paragrafu).

Għoti ta' tagħrif lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji (Artikolu 22a)

L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom il-ħtieġa li jiġbru tagħrif mill-parteċipanti fis-suq sabiex iwettqu xogħolhom b'mod effikaċi. Il-problema tan-nuqqas ta' setgħat speċifiċi għall-ġbir ta' tagħrif mill-operaturi postali ġie kostantement enfasizzat mill-Kumitat Ewropew tar-Regolaturi Postali, il-korpi statistiċi u mill-istudji settorjali bħala ostaklu gravi għall-infurzar tad-Direttiva u tar-regoli nazzjonali ta' implimentazzjoni. Din il-proposta tipprovdi għall-introduzzjoni ta' Artikolu 22a ġdid li jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji s-setgħa li jiġbru tagħrif kull meta jkun proporzjonat u ġustifikat, inkluż għal finijiet statistiċi.

Reviżjoni u rappurtaġġ dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (Artikolu 23)

Din il-proposta tipprevedi ż-żamma ta' monitoraġġ u rappurtaġġ regolari dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Kunsill u l-Parlament bil-għan li tantiċipa kwalunkwe miżuri regolatorji ulterjuri li jistgħu ikunu neċessarji biex jiggarantixxu s-servizz universali u/jew il-proċess tal-ftuħ tas-suq. Fuq il-bażi ta' l-esperjenza ta' l-imgħoddi, qed tiġi proposta emenda għall-Artikolu 23 biex jittawwal il-perjodu ta' rappurtar minn sentejn għal tliet snin. Dan il-perjodu ta' rappurtar iqis ir-ritmu ta' l-iżviluppi tas-suq u l-aspetti soċjali ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva, u jipprovdi biżżejjed żmien biex fuqu tissejjes kwalunkwe rakkomandazzjoni għal miżuri ta' politika.

Tneħħija tad-dispożizzjoni dwar l-iskadenza (Artikoli 26, 27)

Skond id-deċiżjoni għat-tneħħija tad-drittijiet speċjali u esklussivi fl-2009 (Artikolu 7, l-ewwel paragrafu), din il-proposta tipprovdi għar-revoka tad-dispożizzjoni attwali dwar l-iskadenza fl-Artikoli 26, it-tieni paragrafu, u 27 tad-Direttiva Postali.

Koerenza u regolamentazzjoni aħjar (Artikoli 1, 2, 9, 10, 11)

Din il-proposta tipprevedi għadd ta' emendi bil-għan li jtejbu ċ-ċarezza ġuridika u l-koerenza tad-Direttiva Postali.

- Artikolu 1, it-tieni inċiż: l-emenda proposta hija koerenti ma' l-emenda għall-Artikolu 7 biex tirrifletti li s-servizzi postali jistgħu ma jibqgħux aktar riżervati;

- Artikolu 2, paragrafu 6: l-emenda proposta tiċċara l-ambitu ta' applikazzjoni tad-Direttiva, u partikolarment, tispeċifika li d-Direttiva tapplika għall-fornituri kollha tas-servizz postali u mhux għall-fornituri tas-servizz universali biss;

- Artikolu 2, paragrafu 8: l-emenda proposta hija koerenti ma' l-emenda għall-Artikolu 7, billi l-kunċett ta' posta diretta ntuża biss b'rabta mas-servizzi li jistgħu jkunu riżervati;

- Artiklu 9, paragrafu 5: l-emenda proposta hija koerenti ma' l-emenda għall-Artikolu 7, billi l-kunċett ta' posta diretta ntuża biss b'rabta mas-servizzi li jistgħu jkunu riżervati;

- Titolu tal-Kapitolu 4: l-emenda proposta għat-titolu tal-Kapitolu 4 hija koerenti ma' l-emenda għall-Artikolu 7 biex tirrifletti li d-differenza bejn servizzi postali riżervati u dawk mhux riżervati m'għadhiex teżisti skond din il-proposta;

- Artikolu 10: l-emenda proposta tirrifletti l-enumerazzjoni l-ġdida tat-Trattat tal-KE, kif ukoll li d-differenza bejn servizzi postali riżervati u dawk mhux riżervati m'għadhiex teżisti skond din il-proposta;

- Artikolu 11: l-emenda proposta tirrifletti l-enumerazzjoni l-ġdida tat-Trattat tal-KE;

- Artikolu 12, il-ħames inċiż: jitħassar it-terminu 'privati' billi l-fatt li klijent ikun pubbliku jew privat ma għadux relevanti u jista' jkun qarrieqi;

- Artiklu 26 paragrafu 1: it-tħassir propost ta' l-Artikolu 26(1) huwa koerenti ma' l-emenda għall-Artikolu 7 biex jirrifletti li s-servizzi postali ma jistgħux jibqgħu riżervati u li għalhekk, ma jistgħux jiddaħħlu miżuri aktar 'liberali'.

Bil-għan li tkun iffaċilitata traspożizzjoni koerenti tal-qafas regolatorju adattat, il-Kummissjoni bi ħsiebha tissorvelja u tiddiskuti ma' l-Istati Membri dwar l-aħjar mod ta' traspożizzjoni, implimentazzjoni u infurzar tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-Direttiva.

2006/0196 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 97/67/KE, dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55 u l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni[7],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[9],

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[10],

Billi:

1. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 1994 dwar l-iżvilupp tas-servizzi postali Komunitarji[11], il-Kunsill identifika bħala waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika postali Komunitarja, ir-rikonċiljazzjoni tal-ftuħ gradwali u kkontrollat tas-suq postali għal kompetizzjoni, b'garanzija sostenibbli tal-provvista tas-servizz universali.

2. Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz[12], stabbiliet qafas regolatorju għas-settur postali f'livell Komunitarju, inklużi miżuri biex jiġi garantit servizz universali u jiġu stabbiliti limiti massimi għas-servizzi postali li Stati Membri jistgħu jirriservaw għall-fornitur(i) tas-servizz universali tagħhom bl-iskop li jinżamm is-servizz universali, li għandhom jitnaqqsu b'mod gradwali u progressiv, u skeda biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ulterjuri tas-suq għall-kompetizzjoni, għall-iskopijiet tal-ħolqien tas-suq uniku fis-servizzi postali.

3. L-Artikolu 16 tat-Trattat tal-KE jenfasizza r-rwol li għandhom is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta' l-Unjoni kif ukoll ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni ta' koeżjoni soċjali u territorjali. Dan ikompli biex jgħid li għandha tingħata attenzjoni biex dawn is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta' prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom.

4. Il-miżuri f'dan il-qasam għandhom ikunu maħsuba b'tali mod li l-kompiti li l-Artikolu 2 tat-Trattat tal-KE jassenja lill-Komunità, jiġifieri, li tippromwovi fil-Komunità kollha l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli ta' l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta' impjieg u ta' ħarsien soċjali, it-tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta' kompetittività u konverġenza fl-operazzjoni ekonomika, it-titjib tal-livell ta' l-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri jikkostitwixxu għanijiet li għandhom jintlaħqu.

5. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar ir-reviżjoni intermedja ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, il-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 tenna l-importanza tat-tlestija s-suq intern bħala strument għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' iktar impjiegi ta' kwalità aħjar, u r-rwol importanti li għandhom is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali f'ekonomija dinamika u kompetittiva. Dawn il-konklużjonijiet jibqgħu applikabbli għas-servizzi postali, bħala strument essenzjali ta' komunikazzjoni, kummerċ, u koeżjoni soċjali u territorjali.

6. Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2006 enfasizzat l-importanza soċjali u ekonomika ta' servizzi postali effiċjenti u r-rwol importanti tagħhom fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, u indikat li miżuri ta' riforma adottati s'issa ġġeneraw żviluppi pożittivi sinifikanti fis-settur postali, flimkien ma' aktar kwalità, aktar effiċjenza u orjentament aħjar lejn il-ħtiġijiet tal-klijent.

7. Skond id-Direttiva 97/96/KE, twettaq studju prospettiv li jistma, għal kull Stat Membru, l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq postali intern fl-2009. Il-Kummissjoni għamlet ukoll reviżjoni dettaljata tas-settur postali Komunitarju, inkluż il-kummissjonar ta' studji dwar l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi fis-settur u kkonsultat estensivament ma' partijiet interessati.

8. Skond l-istudju prospettiv, l-għan bażiku għas-salvagwardja tal-provvista sostenibbli ta' servizz universali li taqbel mal-kondizzjonijiet ta' kwalità definiti mill-Istati Membri skond id-Direttiva 97/67/KE jista' jkun żgurat fil-Komunità kollha sa l-2009 mingħajr il-ħtieġa ta' żoni riżervati.

9. Bil-ftuħ gradwali u progressiv tas-swieq postali għall-kompetizzjoni, il-fornituri tas-servizz universali kellhom biżżejjed żmien biex iwettqu miżuri ta' modernizzazzjoni u u ristrutturar meħtieġa biex jiggarantixxu l-vijabilità tagħhom għat-tul fil-kondizzjonijiet il-ġodda tas-suq, kif ukoll ippermetta lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi ta' regolamentazzjoni tagħhom għal ambjent iżjed miftuħ. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japprofittaw mill-perjodu tat-traspożizzjoni kif ukoll miż-żmien neċessarju għall-introduzzjoni ta' kompetizzjoni effettiva, biex ikomplu, jekk ikun il-każ, bil-modernizzazzjoni u r-restrutturar tal-fornituri tas-servizz universali.

10. L-istudju prospettiv juri li ż-żona riżervata ma għandhiex tikkostitwixxi s-soluzzjoni ppreferuta għall-finanzjament tas-servizz universali. Din il-valutazzjoni tqis l-interess tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fit-tlestija tas-suq intern u l-potenzjal tagħha biex tiġġenera tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi, kif ukoll tiggarantixxi d-disponibilità ta' servizz effiċjenti ta' interess ekonomiku ġenerali għall-konsumaturi kollha. Għaldaqstant, jixraq li d-data ta' l-1 ta' Jannar 2009 tkun ikkonfermata bħala l-aħħar pass fit-tlestija tas-suq intern tas-servizzi postali.

11. Hemm għadd ta' forzi għal bidla fis-settur postali, speċjalment id-domanda u l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-klijenti, it-tibdil organizzattiv, l-awtomatizzazzjoni u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, sostituzzjoni b'mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi u l-ftuħ tas-suq.

12. Il-ftuħ komplet tas-swieq postali se jgħinhom jestandu d-daqs globali tagħhom; se tkompli tikkontribwixxi wkoll biex l-impjiegi jibqgħu sostenibbli u ta' kwalità fi ħdan il-fornituri tas-servizz universali kif ukoll se tiffaċilita l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'operaturi oħrajn, f'dawk li daħlu fis-suq għall-ewwel darba u fis-setturi ekonomiċi assoċjati. Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-kompetenzi ta' l-Istati Membri biex jirregolaw il-kundizzjonijiet ta' l-impjiegi fis-settur tas-servizzi postali.

13. Barra minn hekk, iż-żieda fil-kompetittività għandha tippermetti li s-settur postali jiġi integrat b'metodi alternattivi ta' komunikazzjoni u tippermetti titjib fil-kwalità tas-servizz provdut lil konsumaturi li kull ma jmur qed isiru aktar esiġenti.

14. L-iżviluppi fis-swieq tal-komunikazzjoni ġirien kellhom impatt varju fuq ir-reġjuni differenti tal-Komunità, u s-segmenti differenti tal-popolazzjoni u l-użu tas-servizzi postali. Il-koeżjoni territorjali u soċjali għandha tinżamm, u filwaqt li jitqies li l-Istati Membri jistgħu jadattaw xi karatteristiċi speċifiċi tas-servizz għad-domanda lokali billi japplikaw il-flessibilità li toffrilhom id-Direttiva 97/67/KE, jixraq li jinżamm bis-sħiħ is-servizz universali u r-rekwiżiti ta' kwalità assoċjati miegħu stabbiliti fid-Direttiva msemmija. Jeħtieġ, biex il-ftuħ tas-swieq postali jkompli jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi kollha, u partikolarment għall-impriżi żgħar u medji, li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jissorveljaw l-iżviluppi fis-suq. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri regolatorji xierqa, disponibbli skond id-Direttiva, biex jiggaranttixxu li l-aċċessibilità tas-servizzi postali tkompli tissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi, billi jiżguraw, jekk ikun il-każ, numru minimu ta' servizzi fl-istess punt ta' aċċess.

15. Id-Direttiva 97/67/KE stabbiliet preferenza biex il-provvista ta' servizz universali ssir permezz ta' nomina tal-fornituri tas-servizz universali. L-iżvilupp ta' aktar kompetizzjoni u għażla tfisser li l-Istati Membri għandhom ikollhom aktar flessibilità fil-possibilità li jagħżlu l-mekkaniżmi li jqisu l-iktar effiċjenti u xierqa biex jiggarantixxu d-disponibilità tas-servizz universali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji ta' oġġettività, trasparenza, non-diskriminazzjoni, proporzjonalità u xkiel minimu għas-suq meħtieġa biex jiżguraw il-provvista libera tas-servizzi postali fis-suq intern. L-Istati Membri jistgħu japplikaw waħda jew bosta mill-għażliet li ġejjin: provvista tas-servizz universali mill-forzi tas-suq, nomina ta' impriża jew impriżi biex joffru elementi differenti tas-servizz universali jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju u permezz ta' kuntratti pubbliċi.

16. Huwa importanti li l-konsumaturi jinżammu totalment infurmati dwar is-servizzi universali offruti u li l-impriżi li joffru servizzi postali jkunu jafu bid-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur(i) tas-servizz universali. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-konsumaturi jinżammu totalment infurmati bil-karatteristiċi tas-servizzi offruti u l-aċċessibilità tagħhom. Għaldaqstant, jixraq li, b'koerenza ma' aktar flessibilità għall-Istati Membri, biex dawn jiggarantixxu l-provvista tas-servizz universali b'modi oħrajn barra min-nomina tal-fornitur(i) tas-servizz universali, lill-Istati Membri titħallielhom flessibilità biex jiddeċiedu kif din l-informazzjoni tasal għand il-pubbliku.

17. Fid-dawl ta' l-istudji mwettqa u bil-għan li jitqanqal il-potenzjal sħiħ tas-suq intern tas-servizzi postali, jixraq li jintemm l-użu taż-żoni riżervati u d-drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi garantit il-finanzjament tas-servizz universali.

18. Il-finanzjament estern ta' l-ispejjeż residwi netti għad jista' jkun meħtieġ għal xi Stati Membri. Għalhekk, jixraq li jiġu speċifikati biċ-ċar, safejn hu neċessarju u ġustifikat adegwatament, l-alternattivi disponibbli għall-finanzjament tas-servizz universali, filwaqt li lill-Istati Membri titħallielhom l-għażla tal-mekkaniżmi finanzjarji li għandhom jintużaw. Dawn l-alternattivi jinkludu l-użu ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku u, kull meta l-obbligi ta' servizz universali jinvolvu spejjeż netti u jirrappreżentaw piż inġust għall-impriża nnominata, kumpens pubbliku u qsim ta' l-ispejjeż bejn il-fornituri u/jew konsumaturi, f'modi trasparenti u permezz ta' kontribuzzjonijiet lejn fond ta' kumpens. L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi oħra ta' finanzjament permessi mid-Dritt Komunitarju, pereżempju billi jiddeċiedu li l-profitti maqlugħa minn attivitajiet oħra tal-fornituri tas-servizz universali barra mill-ambitu tas-servizzi universali għandhom imorru, totalment jew parzjalment, għall-finanzjament ta' l-ispejjeż netti tas-servizz universali, dejjem sakemm dawn ikunu kompatibbli ma' din id-Direttiva.

19. Sabiex jiġu ddeterminati liema impriżi jistgħu jkunu meħtieġa biex jikkontribwixxu għal fond ta' kumpens, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk is-servizzi offruti minn dawn l-impriżi, mill-perspettiva tal-konsumatur, jistgħux jitqiesu bħala sostitut għas-servizz universali, billi jittieħed kont tal-karatteristiċi tagħhom, inkluż aspetti li jġibu magħhom valur miżjud, u l-użu li għalih huma maħsuba. Biex dawn is-servizzi jitqiesu bħala sostitut, ma għandhomx neċessarjament ikopru l-karatteristiċi kollha tas-servizz universali, pereżempju kunsinna ta' kuljum jew kopertura nazzjonali totali. Sabiex jiġi rispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità, fid-determinazzjoni tal-kontribut, mitlub lil dawn l-impriżi, għall-ispejjeż tal-provvista tas-servizz universali fi Stat Membru, l-Istati Membri għandom jużaw kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji, bħas-sehem ta' dawn l-impriżi mill-attivitajiet fl-ambitu tas-servizz universali f'dan l-Istat Membru.

20. Il-prinċipji ta' trasparenza, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità msemmija fid-Direttiva 97/67/KE għandhom ikomplu jiġu applikati għal kwalunkwe mekkaniżmu ta' finanzjament u kwalunkwe deċiżjoni f'dan il-qasam tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti, oġġettivi u verfikabbli. B'mod partikolari, l-ispiża netta tas-servizz universali għandha tkun ikkalkolata, taħt ir-responsabilità ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja, bħala d-differenza bejn l-ispejjeż netti ta' impriża nominata li hija suġġetta għall-obbligi tas-servizz universali u impriża oħra li mhijiex suġġetta għall-obbligi tas-servizz universali. Fil-kalkolu għandu jitqies kull element relevanti ieħor, inkluż kwalunkwe benefiċċju tas-suq li taqla' impriża nominata biex tipprovdi servizz universali, id-dritt għal profitt raġonevoli u l-inċentivi għall-effiċjenza f'termini ta' spejjeż.

21. L-Istati Membri għandhom jiħallew jużaw sistema ta' awtorizzazzjonijiet u ta' liċenzji individwali kull darba li jkun neċessarju u proporzjonat għall-għan mixtieq. Madankollu, kif enfasizzat fit-tielet Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE, aktar armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet li jistgħu jiddaħħlu tidher neċessarja biex tnaqqas l-ostakli inġustifikati għall-provvista tas-servizzi fis-suq intern. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jippermettu lill-impriżi jagħżlu bejn l-obbligu li jipprovdu servizz jew jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta' dan is-servizz mogħti minn impriża oħra, iżda ma għandux ikun iktar permess li jiġi impost, minn naħa, ir-rekwiżit simultanju li tikkontribwixxi f'mekkaniżmu ta' qsim ta' l-ispejjeż, u min-naħa l-oħra, l-impożizzjoni ta' obbligi ta' servizz universali jew fil-qasam tal-kwalità li huma maħsuba li jaqdu l-istess għan. Jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat li wħud mid-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet u l-liċenzji ma għandhomx japplikaw għall-fornituri tas-servizz universali nominati.

22. F'kuntest fejn bosta impriżi postali joffru servizzi fi ħdan il-qasam tas-servizz universali, jixraq li li l-Istati Membri kollha jkunu meħtieġa li jivvalutaw jekk ċerti elementi ta' l-infrastruttura postali jew ċerti servizzi ġeneralment offruti mill-fornituri tas-servizz universali għandhomx ikunu miftuħa għal operaturi oħrajn li joffru servizzi simili, sabiex tkun promossa kompetizzjoni effettiva u/jew jitħarsu l-utenti u l-konsumaturi billi l-kwalità globali tas-servizz postali tkun garantita. Billi l-istatus ġuridiku u s-sitwazzjoni tas-suq ta' dawn l-elementi jew servizzi jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu biss obbligati jadottaw deċiżjoni infurmata dwar il-ħtieġa, il-firxa u l-għażla ta' l-istrument regolatorju, inkluż, jekk ikun il-każ, għal dak li għandu x'jaqsam mal-qsim ta' l-ispejjeż. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jadottaw miżuri biex jiggarantixxu aċċess għan- network postali pubbliku f'kondizzjonijiet ta' trasparenza u non-diskriminazzjoni.

23. Fid-dawl ta' l-importanza tas-servizzi postali għal persuni għomja u b'vista mnaqqsa, jixraq li jiġi konfermat li l-proċess tal-ftuħ tas-suq ma għandux inaqqas il-provvista kontinwa ta' ċerti servizzi b'xejn għall-persuni għomja u b'vista mnaqqsa introdotti mill-Istati Membri skond l-obbligi internazzjonali applikabbli.

24. F'kuntest ta' kompetizzjoni totali, huwa importanti, kemm għall-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz universali kif ukoll biex jiġi limitat ix-xkiel għas-suq, li t-tbegħid mill-prinċipju li l-prezzijiet jirriflettu l-kondizzjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali normali jseħħ biss sabiex jitħarsu l-interessi pubbliċi. Biex dan isir, jeħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jkunu awtorizzati li jżommu tariffi uniformi għall-tariffa postali bil-biċċa, li hu s-servizz użat l-iktar ta' spiss mill-konsumaturi u l-impriżi żgħar u medji. L-Istati Membri individwali jistgħu wkoll jkomplu japplikaw tariffi uniformi għal xi oġġetti postali oħra, għal raġunjiet marbuta mal-ħarsien ta' l-interess pubbliku ġenerali, bħall-aċċess għall-kultura jew il-koeżjoni soċjali u reġjonali.

25. Fid-dawl ta' l-ispeċifiċitajiet nazzjonali involuti fir-regolamentazzjoni tal-kondizzjonijiet li fihom il-fornitur tas-servizz universali responsabbli għandu jopera f'kuntest totalment kompetittiv, jixraq li l-Istati Membri jitħallew liberi li jiddeċiedu l-aħjar mod kif jimmonitorjaw il- cross-subsidies .

26. Fid-dawl tat-tranżizzjoni lejn suq totalment kompetittiv, jixraq li l-Istati Membri jkomplu jkunu meħtieġa li jibqgħu jżommu l-obbligu li l-fornituri tas-servizz universali jżommu kontijiet separati u trasparenti, suġġetti għall-adattamenti meħtieġa. Dan l-obbligu għandu jipprovdi l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, l-awtoritajiet għall-kompetizzjoni u l-Kummissjoni bit-tagħrif meħtieġ għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-servizz universali u għall-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet ġusti tas-suq sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom għall-applikazzjoni armonizzata ta' dawn ir-regoli billi jkomplu jiżviluppaw kriterji ta' referenza u linji gwida f'dan il-qasam.

27. F'konformità mar-regoli fis-seħħ f'oqsma oħra tas-settur tas-servizzi u bil-għan li l-konsumatur jitħares aktar, jixraq li titwessa' l-applikazzjoni tal-prinċipji minimi dwar il-proċeduri ta' lment lil hinn mill-fornituri tas-servizz universali. Bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-proċeduri f'dan il-qasam, jeħtieġ li d-Direttiva tinkoraġixxi l-użu ta' proċeduri ta' soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta' Marzu 1998 rigward il-prinċipji applikabbli għall-korpi involuti fis-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim tal-konsumaturi[13] u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' April 2001 rigward il-prinċipju għall-korpi extraġudizzjarji involuti fis-soluzzjoni konsenswali tat-tilwim tal-konsumaturi[14]. Il-ħarsien tal-konsumaturi għandu wkoll ikompli jissaħħaħ permezz ta' l-interoperabilità ta' l-operaturi minħabba l-aċċess għal ċerti elementi ta' infrastruttura u servizzi, kif ukoll ir-rekwiżit għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u l-korpi għall-ħarsien tal-konsumatur.

28. Jixraq li d-dispożizzjoni dwar is-setgħat ta' implimentazzjoni tiġi aġġustata biex tirrifletti l-emendi li saru għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[15].

29. Ir-rwol ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji aktarx li jibqa' kruċjali, partikolarment f'dawk l-Istati Membri fejn it-tranżizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha mhux lesta. Skond il-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji b'hekk jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din il-ħtieġa ta' l-indipendenza hija bla ħsara għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligi kostituzzjonali ta' l-Istati Membri u għall-prinċipju tan-newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tal-proprjetà stipulata fl-Artikolu 295 tat-Trattat. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom ikunu mogħnija bir-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tan-numru ta' impjegati, għarfien espert, u mezzi finanzjarji, għat-twettiq tax-xogħol tagħhom.

30. Minħabba li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji sikwit jinvolvi korpi nazzjonali differenti, jixraq li tiddaħħal trasparenza fl-allokazzjoni tal-kompiti u li l-korpi responsabbli għar-regolamentazzjoni tas-settur, għall-applikazzjoni tal-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-kwistjonijiet dwar il-konsumatur, jiġu obbligati jikkooperaw bejniethom bil-għan li jiggarantixxu aħjar it-tlestija effikaċi ta' xogħolhom.

31. Kwalunkwe parti li hija s-suġġett ta' deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali regolatorja għandu jkollha d-dritt ta' appell lil korp li jkun indipendenti minn dik l-awtorità. Dan il-korp jista' jkun qorti. Din il-proċedura ta' appell hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi fi ħdan is-sistemi nazzjonali ġudizzjarji u għad-drittijiet ta' entitajiet ġuridiċi jew persuni fiżiċi skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sakemm jintemmu dawn il-proċeduri, jeħtieġ li tkun żgurata l-validità temporanja tad-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex tiggarantixxi s-sigurtà ġuridika u tas-suq.

32. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom, fejn meħtieġ, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom mal-korpi regolatorji ta' l-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni fit-twettiq ta' xogħolhom skond din id-Direttiva. Dan għandu jippromwovi l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi postali u jgħin biex tintlaħaq koerenza fl-applikazzjoni, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, partikolarment meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt Komunitarju tagħti l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji setgħat diskrezzjonali konsiderevoli għall-applikazzjoni tar-regoli kkonċernati. Din il-kooperazzjoni tista' ssir, fost oħrajn, fil-Kumitat imwaqqaf mid-Direttiva 97/67/KE jew f'grupp li jlaqqa' r-regolaturi Ewropej. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu liema korpi huma l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.

33. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom il-ħtieġa li jiġbru tagħrif mill-parteċipanti fis-suq sabiex iwettqu xogħolhom b'mod effikaċi. Il-talbiet għal tagħrif għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jimponu piż żejjed fuq l-impriżi. Jista' jkun hemm il-ħtieġa wkoll li dak it-tagħrif jinġabar mill-Kummissjoni, biex tippermettilha taqdi l-obbligi kollha tagħha skond id-dritt Komunitarju.

34. Sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jibqgħu infurmati dwar l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi postali, il-Kummissjoni għandha regolarment tissottometti rapporti lil dawk l-istituzzjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE.

35. Sabiex ikun ikkonfermat il-qafas regolatorju għas-settur, għandha titħassar id-data ta' skadenza tad-Direttiva 97/67/KE.

36. Ladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, partikolarment il-kisba ta' suq intern għas-servizzi postali, is-salvagwardja ta' livell komuni ta' servizzi universali għall-konsumaturi kollha u l-iffissar ta' prinċipji armonizzati għar-regolamentazzjoni tas-servizzi postali, ma jistgħux jintlaħħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għar-raġunijiet ta' firxa u effetti ta' l-azzjoni, jintlaħħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

37. Id-Direttiva 97/67/KE għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens.

38. Din id-Direttiva hija koerenti ma' strumenti Komunitarji attwali oħra li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi. F'każ ta' kunflitt mad-Direttiva ma' dispożizzjoni ta' strument Komunitarju ieħor, partikolarment id-Direttiva [2006/../KE] dwar is-Servizzi fis-suq intern, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jipprevalu u japplikaw bis-sħiħ għas-settur postali.

39. Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li jinsabu fit-Trattat. Sa fejn il-mekkaniżmi ta' finanzjament ikunu jinvolvu għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta’ l-għajnuna Statali, fi kwalunkwe forma, skond it-tifsira fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, din id-Direttiva tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri biex jirrispettaw ir-regoli fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fit-Trattat.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 97/67/KE hija emendata kif ġej:

40. Fl-Artikolu 1, it-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

'- il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi postali,'

41. L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

42. il-punt 6 jinbidel b’dan li ġej:

'6. oġġett postali: oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha ser jinġarr mill-fornitur tas-servizz postali. Minbarra l-oġġetti ta' korrispondenza, dawk l-oġġetti jinkludu wkoll, pereżempju, kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b'valur kummerċjali jew mingħajru;

43. il-punt 8 jitħassar

44. jiżdied il-punt li ġej:

'20. servizzi pprovduti b'tariffa bil-biċċa: servizzi postali li għalihom it-tariffa hija stabbilita skond it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-fornituri tas-servizz universali għat-trasport ta' oġġetti postali individwali.'

45. Fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(3), it-test introduttorju jinbidel b’dan li ġej:

Għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li s-servizz universali huwa garantit kull jum tax-xogħol u mhux anqas minn ħamest ijiem fil-ġimgħa, ħlief f'ċirkostanzi jew kondizzjonijiet ġeografiċi meqjusa bħala eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, u li din tinkludi bħala minimu:'

46. L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

'Artikolu 4

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-provvista tas-servizz universali tkun garantita u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-passi li jkun ħa sabiex jissodisfa dan l-obbligu. Il-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 21 għandu jiġi infurmat u għandu jissorvelja l-evoluzzjoni tal-miżuri stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw il-provvista tal-servizz universali.

2. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnominaw impriża waħda jew aktar bħala fornituri tas-servizz universali għal parti jew it-totalità tat-territorju nazzjonali u għal elementi differenti tas-servizz universali. Kull meta jagħmlu hekk, għandhom jistabbilixxu skond id-dritt Komunitarju l-obbligi u d-drittijiet assenjati lilhom u jippubblikawhom. Partikolarment, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet li fihom jingħata s-servizz universali jissejsu fuq il-prinċipji ta' l-oġġettività, in-non-diskriminazzjoni, il-proporzjonalità u ta' xkiel minimu għas-suq, u li n-nomina bħala fornituri tas-servizz universali ta' impriża tkun limitata fiż-żmien. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-identità tal-fornitur(i) tas-servizz universali li huma jinnominaw.

47. Fl-Artikolu 5(2), 'Artikoli 36 u 56' jinbidel għal 'Artikoli 30 u 46'.

48. L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

'Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li l-konsumaturi u l-impriżi li jipprovdu servizzi postali regolarment jingħataw tagħrif dettaljat u aġġornat biżżejjed dwar il-karatteristiċi partikolari tas-servizzi universali offruti, b'referenza speċjali għall-kondizzjonijiet ġenerali ta' aċċess għal dawk is-servizzi kif ukoll il-prezzijiet u l-livelli ta' l-istandard ta' kwalità. Dan it-tagħrif għandu jiġi ppubblikat b'mod approprjat.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-mod kif it-tagħrif jiġi kkomunikat li għandu jkun ippubblikat skond l-ewwel subparagrafu.'

49. Fil-Kapitolu 3, it-titolu jinbidel kif ġej:

'KAPITOLU 3

Finanzjament tas-servizzi universali'

50. L-Artikolu 7 jinbidel kif ġej:

'Artikolu 7

1. B'effett mill-1 ta' Jannar 2009, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet speċjali jew esklussivi għat-twaqqif u l-provvista tas-servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-provvista tas-servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat tal-KE.

2. L-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu l-provvista tas-servizzi universali billi jipprovdu dawn is-servizzi skond ir-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

3. Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta' servizz universali stabbiliti minn din id-Direttiva jinvolvu spejjeż netti u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) tas-servizz universali, jista':

(a) Idaħħal mekkaniżmu maħsub biex jikkompensa lill-impriża/i affettwata/i mill-fondi pubbliċi;

(b) Jaqsam l-ispejjeż netti ta' l-obbligi ta' servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew il-konsumaturi.

4. Jekk l-ispejjeż netti jinqasmu skond il-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu joħolqu fond ta' kumpens li jista' jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew permezz ta' tariffi applikati lill-konsumaturi, u amministrat għal dan l-iskop minn korp indipendenti mill-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma' l-obbligi tas-servizz universali. Dawk is-servizzi biss imniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b'dan il-mod.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità jiġu rispettati fit-twaqqif tal-fond ta' kumpens u meta jiġi ffissat il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafi 3 u 4. Id-deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, verifikabbli u magħrufa mill-pubbliku.'

51. Fil-Kapitolu 4, it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

'KAPITOLU 4

Kondizzjonijiet li jirregolaw il-provvista tas-servizzi postali u aċċess għan- network '

52. L-Artikolu 9 jinbidel kif ġej:

'Artikolu 9

1. Għal servizzi li huma barra l-ambitu tas-servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

2. Għal servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali kif definit fl-Artikolu 3, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri ta' awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mal-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi salvagwardat is-servizz universali.

L-għoti ta' l-awtorizzazzjonijiet jista':

- fejn xieraq, ikun suġġett għall-obbligi ta' servizz universali,

- jekk meħtieġ, jimponi rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibilità u l-prestazzjoni tas-servizzi relevanti,

- fejn xieraq, ikun suġġett għal obbligu li jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lill-mekkaniżmi ta' qsim imsemmija fl-Artikolu 7.

Għajr għall-każ ta’ impriżi li ġew nnominati bħala fornituri tas-servizz universali skond l-Artikolu 4, l-għoti ta' awtorizzazzjonijiet ma jistax:

- ikun limitat fin-numru,

- għall-istess rekwiżiti fil-qasam tal-kwalità, id-disponibilità u r-rendiment, jimponi fuq fornitur tas-servizz obbligi tas-servizzi universali, rekwiżiti ta’ kwalità, disponibilità u rendiment u, fl-istess ħin, l-obbligu li jagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji lil mekkaniżmu ta' qsim,

- jirdoppja l-kondizzjonijiet li japplikaw għal impriżi minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali oħra mhux speċifika għas-settur,

- jimponi kondizzjonijiet tekniċi u operattivi barra minn dawk meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta' din id-Direttiva.

3. Il-proċeduri, l-obbligi u r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli, mhux diskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, disponibbli għall-pubbliku minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għal rifjut totali jew parzjali ta' awtorizzazzjoni jiġu kkomunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta' appell.'

53. Il-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

'1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jagixxu fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi ta' l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri li għalihom issir referenza fl-Artikolu 9 li jirregolaw il-provvista kummerċjali lill-publiku tas-servizzi postali.'

54. Fl-Artikolu 11, 'Artikoli 57(2), 66 u 100a' jinbidel għal 'Artikoli 47(2), 55 u 95'.

55. Jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej:

'Artikolu 11a

Kull meta jkun meħtieġ, biex jitħares l-interess tal-konsumaturi u/jew tiġi promossa kompetizzjoni effettiva, u fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-kondizzjonijiet ta' aċċess għal dawn l-elementi li ġejjin ta' infrastruttura jew servizzi postali jkunu trasparenti u mhux diskriminatorji: sistema ta' kodiċi postali, database ta' l-indirizzi, kaxxi postali, kaxxi ta' ġbir u ta' kunsinna, informazzjoni dwar il-bidla fl-indirizz, servizz ta' twassil mill-ġdid, servizz ta' ritorn lill-mittenti.'

56. L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

57. l-ewwel inċiż jinbidel b’dan li ġej:

'- il-prezzijiet għandhom ikunu jistgħu jintlaħqu u għandhom ikunu tali li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess għas-servizzi provduti. L-Istati Membri jistgħu jibqgħu jżommu jew idaħħlu servizz postali b'xejn għall-persuni għomja jew b'vista mnaqqsa,'

58. It-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

'- il-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispejjeż u jistimolaw il-gwadanji fl-effiċjenza; kull meta jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati ma' l-interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi tiġi applikata għat-territorju kollu tagħhom u/jew għat-territorji ta' Stat Membri oħra, għal servizzi pprovduti b'tariffa bil-biċċa u għal oġġetti oħra,'

59. L-aħħar sentenza tal-ħames inċiż tinbidel b’dan li ġej:

'Kwalunkwe tariffa minn dawn għandha wkoll tkun disponibbli għal klijenti li jimpustaw f'kondizzjonijiet simili,'

60. Is-sitt inċiż jitħassar.

61. L-Artikolu 14 jinbidel b’dan li ġej:

'Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri sabiex jiżguraw li l-kontabilità tal-fornituri tas-servizz universali ssir skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2. Il-fornituri tas-servizz universali għandhom iżommu kontijiet separati fis-sistemi ta' kontabilità interna tagħhom biex jiddistingwu biċ-ċar bejn dawk is-servizzi u l-prodotti li jirċievu jew jagħtu kontribut lill-kumpens finanzjarju għall-ispejjeż netti tas-servizz universali u dawk is-servizzi u l-prodotti li le. Din il-kontabilità separata għandha tippermetti lill-Istati Membri li jikkalkolaw l-ispejjeż netti tas-servizz universali. Dawn is-sistemi ta' kontabilità interna għandhom jitħaddmu fuq il-bażi ta' prinċipji ta' kontabilità ta' l-ispejjeż applikati koerentement u ġustifikati oġġettivament.

3. Is-sistemi ta' kontabilità li għalihom jirreferi l-paragrafu 2 għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jallokaw spejjeż bil-mod li ġej:

(a) spejjeż li jistgħu jiġu direttament assenjati għal servizz jew prodott partikolari għandhom jiġu assenjati b'dan il-mod;

(b) l-ispejjeż komuni, jiġifieri l-ispejjeż li ma jistgħux jiġu assenjati direttament lil servizz jew prodott partikolari, għandhom jiġu allokati kif ġej:

(i) kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta' analiżi diretta ta' l-oriġini ta' l-ispejjż infushom;

(ii) meta l-analiżi diretta ma tkunx possibbli, il-kategoriji ta' l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta' rbit dirett ma' kategorija oħra ta' spejjeż jew grupp ta' kategoriji ta' spejjeż li għalihom assenjazzjoni jew allokazzjoni diretta hija possibbli; l-irbit indirett għandu jkun ibbażat fuq il-bażi ta' strutturi ta' spejjeż kumparabbli;

(iii) meta la l-miżuri diretti u l-anqas dawk indiretti ta' allokazzjoni ta' l-ispejjeż ma jinstabu, il-kategorija ta' l-ispejjeż għandha tiġi allokata fuq il-bażi ta' allokatur ġenerali kkalkolat bl-użu tal-proporzjon ta' l-ispejjeż kollha direttament jew indirettament assenjati jew allokati, minn naħa waħda, lil kull wieħed mis-servizzi universali u, min-naħa l-oħra, lis-servizzi l-oħra.

4. Sistemi oħra ta' kontabilità ta' l-ispejjeż jistgħu jiġu applikati biss jekk ikunu kompatibbli mal-paragrafu 2 u jkunu ġew approvati mill-awtorità nazzjonali regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minn qabel bl-applikazzjoni tagħhom.

5. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jiżguraw li l-konformità ma' waħda mis-sistemi ta' kontabilità ta' l-ispejjeż deskritti fil-paragrafi 3 jew 4 tiġi verifikata minn korp kompetenti li jkun indipendenti mill-fornitur tas-servizz universali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dikjarazzjoni dwar il-konformità tiġi ppubblikata perjodikament.

6. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha żżomm disponibbli, sa livell adegwat ta' dettall, tagħrif dwar is-sistemi ta' kontabilità ta' l-ispejjeż applikati minn fornitur tas-servizz universali, u għandha tibgħat dak it-tagħrif lill-Kummissjoni fuq talba.

7. Fuq talba, it-tagħrif dettaljat tal-kontabilità li jirriżulta minn dawn is-sistemi għandu jsir disponibbli b'mod kunfidenzjali lill-awtorità nazzjonali regolatorja u lill-Kummissjoni.

8. Meta Stat Membru ma jkunx waqqaf mekkaniżmu ta' finanzjament għall-provvista tas-servizz universali, kif permess mill-Artikolu 7, u meta l-awtorità nazzjonali regolatorja tkun sodisfatta li ebda wieħed mill-fornituri nominati tas-servizz universali f'dak l-Istat Membru ma jkun irċieva assistenza mill-Istat, moħbija jew xort'oħra, u li l-kompetizzjoni fis-suq hija totalment effettiva, l-awtorità nazzjonali regolatorja tista' tiddeċiedi li ma tapplikax ir-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tgħarraf lill-Kummissjoni qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni bħal dik.’

62. L-Artikolu 19 jinbidel b’dan li ġej:

'Artikolu 19

Stati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri trasparenti, sempliċi u mhux għaljin isiru disponibbli minn impriżi li jipprovdu servizzi postali biex jiġu ttrattati lmenti ta' utenti, partikolarment f'każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew non-konformità ma' standards ta' kwalità ta' servizz (inklużi proċeduri biex jiġi determinat min hu responsabbli f'każijiet fejn ikun involut iktar minn operatur wieħed).

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jassiguraw li l-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b'mod ġust u malajr bi provvediment, meta tkun ġustifikata, għal sistema ta' rimbors u/jew kumpens.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu l-iżvilupp ta' sistemi extraġudizzjarji indipendenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn l-impriżi ta' servizzi postali u l-konsumaturi.

Mingħajr preġudizzju għall-possibilitajiet l-oħra ta' appell jew mezzi għal rikors skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi, waqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, flimkien ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta' l-utenti u/jew konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l-ilmenti tal-konsumatur lill-impriża li tipprovdi servizzi fl-ambitu tas-servizz universali ma jkunux ġew solvuti b'mod sodisfaċenti.

Skond l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi universali u, fejn ikun il-każ, l-impriżi li jipprovdu servizzi fl-ambitu tas-servizz universali, jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is-sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta' lmenti u l-mod li bih ikunu ġew ittrattati.'

63. L-Artikolu 21 jinbidel b’dan li ġej:

'Artikolu 21

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5a u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

64. L-Artikolu 22 jinbidel b’dan li ġej:

'Artikolu 22

1. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità nazzjonali regolatorja waħda jew aktar għas-settur postali li tkun ġuridikament separata mill-operaturi postali u topera b'mod indipendenti minnhom. L-Istati Membri li jżommu l-proprjetà jew il-kontroll ta' impriżi li jipprovdu servizzi postali għandhom jassiguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji mill-attivitajiet assoċjati mal-proprjetà jew il-kontroll.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji li jkunu nnominaw biex iwettqu x-xogħol li jirriżulta minn din id-Direttiva. Dawn għandhom jippubblikaw ix-xogħlijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji f'forma faċilment aċċessibbli, b'mod partikolari fejn dawk ix-xogħlijiet huma assenjati lill-aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jassiguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur, dwar kwistjonijiet ta' interess komuni.

2. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandu jkollhom bħala xogħol partikolari li jiżguraw konformità ma' l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b'mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta' sorveljanza u regolamentazzjoni biex jiżguraw il-provvista tas-servizz universali. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mill-qrib u għandhom joffru assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mekkaniżmi effikaċi jeżistu fil-livell nazzjonali li permezz tagħhom kull utent jew impriża li tipprovdi servizzi postali li tkun milquta minn deċiżjoni ta' l-awtorità nazzjonali regolatorja jkollha d-dritt ta' appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta' l-appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Sakemm jinqata' dak l-appell, id-deċiżjoni ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa' valida sakemm il-bord ta' l-appell ma jiddeċidix xort'oħra.'

65. Wara l-Artikolu 22, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

'KAPITOLU 9a

Għoti ta' tagħrif'

66. Jiddaħħal l-Artikolu 22a li ġej:

'Artikolu 22a

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu servizzi postali jagħtu t-tagħrif kollu, inkluż dak finanzjarju u tagħrif dwar il-provvista tas-servizz universali, meħtieġ għall-iskopijiet li ġejjin:

(a) sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, jew ma' deċiżjonijiet meħuda skond din;

(b) għal finijiet statistiċi definiti b'mod ċar.

2. L-impriżi għandhom jipprovdu dak it-tagħrif malajr fuq talba u fil-limiti ta' żmien u fil-livell ta' dettall rikjest mill-awtorità nazzjonali regolatorja. It-tagħrif mitlub mill-awtorità għandu jkun proporzjonat mat-twettiq ta' xogħolha. L-awtorità nazzjonali regolatorja għandha tagħti raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba għal dak it-tagħrif.'

67. L-Artikolu 23 jinbidel kif ġej:

'Artikolu 23

Kull tliet snin, fl-ewwel okkażjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluża l-informazzjoni xierqa dwar żviluppi fis-settur, partikolarment li jikkonċernaw aspetti ekonomiċi, soċjali, xejriet ta' l-impjiegi u teknoloġiċi, kif ukoll dwar il-kwalità tas-servizz. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat fejn xieraq bi proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.'

68. L-Artikolu 26 jitħassar.

69. L-Artikolu 27 jitħassar.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tkun imħarsa din id-Direttiva sa l-31 ta' Diċembru 2008 mill-aktar tard. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma jadottaw fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C 48, 16.2.1994, p. 3.

[2] Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar ir-regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14), kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji, (ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21).

[3] COM (2006) 596,

[4] SEC (2006) 1291.

[5] COM (2006) 595.

[6] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p.23), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta' Lulju 2006 (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).

[7] ĠU C , , p. .

[8] ĠU C , , p. .

[9] ĠU C , , p. .

[10] ĠU C , , p. .

[11] ĠU C 48, 16.2.1994, p. 3.

[12] ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p.1).

[13] ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31.

[14] ĠU L 109, 4.4.2001, p. 56.

[15] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).