52006DC0574




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.10.2006

KUMM(2006) 574 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi ta’ l-UE {SEC(2006) 1247}

1. is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u s-sorveljanza tal-baġit fuq il-livell ta’ l-UE

Fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, id-daqs u l-istruttura ta' l-età tal-popolazzjoni ta’ l-Ewropa se tgħaddi minn bidliet drammatiċi minħabba rati ta’ fertilità baxxi, żieda kontinwa fil-għomor u l-irtirar mix-xogħol tal-ġenerazzjoni tal-‘baby boom’. Il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu se joħolqu sfidi ekonomiċi, baġitarji u soċjali kbar. Hu mistenni impatt sinifikanti fuq it-tkabbir ekonomiku u pressjonijiet sinifikanti biex jiżdied l-infiq pubbliku[1]. Dan se jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri li jżommu finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli għaż-żmien fit-tul. Dan huwa ta’ importanza partikolari għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, minħabba li f’xi pajjiżi l-iżbilanċi għoljin u d-dejn dejjem jikber qed iwasslu għal finanzi pubbliċi insostenibbli li jistgħu jkollhom impatt gravi fuq il-kundizzjonijiet makroekonomiċi għal pajjiżi oħra ta’ l-UEM. B’hekk, l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali jeħtieġ politiki konsistenti fiż-żmien, li jinvolvu li jiġu indirizzati l-iżbilanċi tal-baġit qabel ma jibda jinħass l-impatt baġitarju tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Kunsill Ewropew wara l-ieħor għaraf il-ħtieġa li jiġu indirizzati fuq livell Ewropew l-implikazzjonijiet tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. B’mod partikolari, il-Kunsill Ewropew ta’ Stokkolma ddeċieda, f’Marzu ta’ l-2001, li l-Kunsill għandu jirrevedi regolarment is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż il-piżijiet li mistennija jinħolqu mill-bidliet demografiċi li għad iseħħu. Fl-Istrateġija mġedda ta’ l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2006 saħaq dwar l-isfida importanti għall-finanzi pubbliċi li ġejja mill-popolazzjoni li qed tixjieħ, u ppropona li l-UE tkompli tappoġġa l-isforzi mill-Istati Membri sabiex jimmodernizzaw is-sistemi tal-ħarsien soċjali u jiżguraw is-sostenibbiltà tagħhom. Wara l-indikazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni u l-Kunsill issa qed jeżaminaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi bħala parti mis-sorveljanza baġitarja multilaterali regolari, u dan jirrifletti l-enfażi akbar fuq ir-rabta bejn strateġiji baġitarji għaż-żmien mezzan u kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali għaż-żmien fit-tul.

Fil-fatt, il-Kunsill ta’ l-ECOFIN, fir-rapport tiegħu ta’ l-20 ta’ Marzu 2005 dwar ir-riforma tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir Ekonomiku (PST), saħaq li fis-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji għandha tingħata biżżejjed attenzjoni lid-dejn u s-sostenibbiltà sabiex titħares is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, u għandha tissaħħaħ ir-rabta bejn it-tħassib dwar is-sostenibbiltà fit-tul u l-ippjanar baġitarju għaż-żmien mezzan.

Fl-2003, il-Kunsill ta’ l-ECOFIN ta mandat lill-Kumitat tal-Politika Ekonomika biex jippreżenta sett ġdid ta’ projezzjonijiet dwar l-infiq pubbliku marbuta ma' l-età, imsejsa fuq projezzjoni ġdida dwar il-popolazzjoni pprovduta mill-Eurostat u assunzjonijiet maqbula dwar varjabbli ekonomiċi ewlenin għall-25 Stat Membru kollha li jkopru l-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa, il-kura għaż-żmien fit-tul, l-edukazzjoni u l-benefiċċji għall-qgħad[2]. Dawn il-projezzjonijiet tlestew fi Frar 2006 u tħejjew flimkien mal-Kummissjoni (DĠ ECFIN) u l-Istati Membri flimkien mal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tixjiħ tal-Kumitat dwar il-Politika Ekonomika (EPC). Jipprovdu bażi komparabbli, trasparenti u robusta għall-valutazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet baġitarji tal-bidla demografika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi madwar l-Istati Membri.

Ir-rapport, inkluż il-projezzjonijiet, ġie approvat mill-Kunsill ECOFIN fl-14 ta’ Frar 2006 bħala bażi għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fil-kuntest tal-PST. Il-Kunsill qies ukoll dan ir-rapport bħala kontribut fid-dibattiti li għaddejjin dwar is-sistemi tal- welfare u l-estensjoni ta' kemm wieħed idum jaħdem, bħala segwitu għas- Summit ta’ Hampton Court ta’ Ottubru 2005, l-Istrateġija ta’ Liżbona, l-Istrateġija mġedda ta’ l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni dwar il-pensjonijiet. Barra minn hekk, fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni komprensiva tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri sa tmiem l-2006. Ir-rapport mehmuż ma’ din il-komunikazzjoni jwieġeb għal din l-istedina.

2. l-approċċ ta’ l-ue għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi

Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi hija parti mis-sorveljanza baġitarja regolari ta’ l-UE. Tissejjes fuq il-projezzjonijiet ta' l-infiq tal-gvern għaż-żmien fit-tul f’rabta ma’ l-età u fuq l-istrateġiji baġitarji ppreżentati fil-Programmi ta’ Stabilità u Konverġenza. F’dan il-kuntest, il-qalba ta’ l-analiżi tikkonċerna l-konsistenza bejn il-miri tal-baġit għal qasir żmien saż-żmien mezzan u s-sostenibbiltà għaż-żmien fit-tul.

Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà fit-tul hija waħda b’ħafna aspetti. Tinvolvi li jiġi evitat li jkun hemm piż żejjed impost fuq il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, u li tiġi żgurata l-kapaċità tal-pajjiż li jaġġusta b’mod xieraq il-politika tal-baġit għaż-żmien mezzan u għaż-żmien fit-tul. Sabiex wieħed jistħarreġ jekk, skond il-politiki kurrenti u fid-dawl ta’ l-isfida baġitarja li joħolqu l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, il-finanzi tal-gvern humiex għaddejjin fuq triq sostenibbli, tinħtieġ perspettiva fit-tul ta’ l-impenji tal-gvern. Għal dan il-għan, ir-riżultati tat-projezzjonijiet komuni għaż-żmien fit-tul dwar l-infiq f’relazzjoni ma’ l-età, skond il-politiki u l-pożizzjoni tal-baġit kurrenti, huma l-kontributi ewlenin għas-sostenibbilità tal-finanzi pubbliċi.

Il-projezzjonijiet il-ġodda jipprovdu bażi komparabbli, trasparenti u robusta għall-valutazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet baġitarji tal-bidla demografika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi madwar l-Istati Membri. Kumplessivament, it-tbassir juri li l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ sfida baġitarja sinfikanti minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-biċċa l-kbira taż-żieda mbassra fl-infiq pubbliku se tkun fuq il-pensjonijiet u, fi grad anqas, fuq is-saħħa u l-kura fit-tul. L-iffrankar potenzjali mit-tnaqqis ta’ l-infiq pubbliku pprojettat għall-edukazzjoni u l-benefiċċji għall-qgħad x’aktarx li se jkun limitat. [3]. Fl-UE, l-infiq marbut ma’ l-età mistenni jiżdied b’madwar 4% tal-PGD sa l-2050, minkejja li din iċ-ċifra taħbi l-iżviluppi differenti għall-aħħar fost l-Istati Membri; dawn ivarjaw minn żieda ta’ 7% tal-PGD jew aktar fi ES, IE, LU, PT, CY, CZ, HU u SI għal tnaqqis bħala sehem tal-PGD fi EE, LV u PL[4].

Ibbażati fuq ix-xejriet ta' l-infiq imbassra, il-livelli ta' l-iżbilanċ u tad-dejn huma pprojettati għaż-żmien fit-tul. Is-sostenibbiltà tad-dejn toħroġ mil- limitu intertemporali tal-baġit Dan jimponi li l-passivi totali kurrenti tal-gvern, i.e. id-dejn pubbliku kurrenti u l-valur skontat ta’ l-infiq fil-ġejjieni, inkluż l-impatt baġitarju tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, għandu jkun kopert mill-valur skontat tad-dħul tal-gvern fil-ġejjieni. Jekk il-politiki kurrenti jimponu li l-limitu intertemporali tal-baġit jiġi rrispettat, il-politiki kurrenti huma sostenibbli.

Il-valutazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tmur lil hinn mit-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk il-politiki kurrenti humiex sostenibbli. Hija meħtieġa wkoll stima tad-daqs ta’ l-iżbilanċi tal-baġit sabiex wieħed jifhem l-isfida li jħabbtu wiċċhom magħha dawk li jfasslu l-politika. Din hija pprovduta minn indikaturi tal-lakuna tas-sostenibbiltà li jkejlu d-daqs ta’ aġġustament meħtieġ u permanenti tal-baġit (eż. tnaqqis kostanti ta’ nfiq pubbliku li mhuwiex marbut ma’ l-età bħala sehem mill-PGD jew żieda kostanti fid-dħul pubbliku bħala sehem mill-PGD) li jippermetti li l-limitu intertemporali tal-baġit tal-gvern jiġi rrispettat, biex b’hekk ikunu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli. L-indikaturi tas-sostenibbiltà jinqasmu fl-impatti ta’: (i) l-impatt tal-pożizzjoni baġitarja inizjali – il-pożizzjoni baġitarja kurrenti u l-livell tad-dejn; u, (ii) l-impatt baġitarju tat-tixjiħ għaż-żmien fit-tul – il-bidla projettata fl-infiq tal-gvern marbut ma’ l-età.

L-indikaturi tas-sostenibbiltà jipprovdu bażi soda għall-identifikazzjoni tad-daqs u ta' l-għajn ewlenija tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri ta' l-UE. Sabiex tintlaħaq valutazzjoni kumplessiva tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, tqiesu fatturi oħrajn li jippermettu kwalifkazzjoni aħjar tal-valutazzjoni fir-rigward ta’ minn fejn ir-riskji ewlenin x’aktarx joħorġu. Dan jinkludi fatturi marbuta ma’ żviluppi f’qasir żmien u għat-tul u ma’ xejriet baġitarji għat-tul.

- l-istokk kurrenti tad-dejn tal-gvern huwa bla dubju l-aktar fattur importanti minħabba li: (i) pajjiżi b’dejn għoli huma aktar sensittivi għal xokkijiet ta’ qasir żmien/żmien mezzan għat-tkabbir ekonomiku u għall-bidliet fir-rati ta’ l-imgħax; (ii) livell għoli ta’ dejn jista’ jwassal għal rata ta’ imgħax ogħla milli mistenni skond il-projezzjonijiet u jżid aktar ir-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; u, (iii) pajjiżi b’dejn għoli għandhom iżommu bilanċi attivi primarji kbar għal żmien twil sabiex inaqqsu l-livell tad-dejn, li jista’ jkun disponibbli biex wieħed isostnih minħabba pressjonijiet baġitarji kompetittivi oħra;

- l-għanijiet għaż-żmien mezzan (GħŻM/MTO) u l-iżviluppi tal-baġit fiż-żmien fil-qosor jipprovdu informazzjoni dwar id-drirezzjoni tal-politiki fiskali Hemm xenarju mbassar fejn wieħed jassumi li kull pajjiż jilħaq l-għan għaż-żmien mezzan fl-2010. Dan ma jfissirx li l-Kummissjoni tistenna lill-istati Membri kollha jilħqu dan l-għan sa l-2010; xi wħud diġà laħquh waqt li oħrajn jistgħu ma jaslux għalih sa l-2010. Dan iservi biex wieħed juri sa liema punt, f’bosta każi, il-konsolidazzjoni baġitarja tista tikkontribwxxi għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, l-aħħar tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprovdi l-iżviluppi baġitarji għaż-żmien fil-qosor fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, u juri jekk hemmx riskji marbuta mal-pjanijiet għall-baġit ta’ l-Istati Membri għaż-żmien fil-qosor;

- testijiet tas-sensittività jipprovdu informazzjoni dwar kemm huma robusti r-riżultati fir-rigward tal-bidliet għall-parametri ewlenin. Pereżempju, l-elastiċità ta’ l-iskema tal-pensjonijiet għax-xokkijiet esterni mhix l-istess fil-pajjiżi differenti. Barra minn hekk, hemm xi inċertezza dwar id-daqs ta’ l-isfida tas-sostenibbiltà fl-UE, u assunzjonijiet diversi dwar il-muturi ewlenin ta’ l-infiq jistgħu jkollhom impatt kbir. Fil-ġejjieni, l-infiq tal-gvern jista' jikber b'mod aktar rapidu milli implikat mill-bidla demografika weħidha. Fl-imgħoddi, fatturi oħrajn bħaż-żieda fl-għoti tas-servizzi pubbliċi u l-kwalità ogħla tagħhom ikkontribwew għax-xejriet ta’ infiq dejjem jiżdied eż. fis-saħħa.

- fil-ġejjieni jistgħu jinħolqu tipi differenti ta’ pressjoni baġitarja jekk il-pensjonijiet medji jiċkienu ħafna aktar minn tal-lum f’konfront mad-dħul medju . Dan jista’ jkun il-każ jekk, pereżempju, il-fatt li ma jkunx hemm biżżejjed pensjonijiet ikabbar ir-riskju tal-faqar għall-persuni kbar fl-età u dan jissarraf fi nfiq pubbliku soċjali akbar, jew jekk il-pensjonijiet privati jkunu anqas milli mistenni u għalhekk il-gvern ikollu jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas. Tnaqqis fil-livell relattiv tal-pensjonijiet jista’ għalhekk jimplika riskji differenti għall-finanzi pubbliċi jekk ma jkunx hemm miżuri li jippermettu dħul xieraq għall-irtirar tal-pensjonanti tal-ġejjieni;

- bidliet fid-dħul tal-gvern bħala sehem mill-PGD fuq medda ta' żmien fit -tul għandhom impatt fuq żviluppi tal-baġit fil-ġejjieni. Pereżempju, jekk il-bolla tkun eżenti mit-taxxa filwaqt li l-pensjoni mħallsa tkun soġġetta għat-tassazzjoni, it-taxxi fuq il-pensjonijiet bħala sehem mill-PGD jista’ jiżdiedu fuq il-medda taż-żmien fit-tul jekk il-pajjiżi jkunu akkumlaw assi kbar fi skemi ffinanzjati tal-pensjonijiet u dawn l-iskemi jkunu għadhom ma mmaturawx;

- ratio għoli tat-taxxa kurrenti iħalli inqas wisa' għall-immanuvrar għall-użu taż-żidiet tat-taxxa biex jiffinanzjaw l-infiq pubbliku addizzjonali meta mqabbel ma’ ratio tat-taxxa aktar baxx.

Madankollu, meta jitqiesu dawn il-fatturi, wieħed ikollu jaffrontahom b’mod kawt minħabba li mhumiex neċċessarjament kwantifikabbli; barra minn hekk, tista’ ma tkunx disponibbli informazzjoni komprensiva.

Sabiex tiġi indikata l-importanza relattiva tar-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għaż-żmien fit-tul, tintuża kategorizzazzjoni fuq tliet livelli, introdotta mill-Kummissjoni u mill-Kunsill fir-rawnd ta’ l-2005/06 tal-valutazzjoni tal-programmi ta’ stabilità u konverġenza: riskju baxx / medju / għoli . Din il-klassifikazzjoni tagħraf li popolazzjoni li qed tixjieħ tirrappreżenta sfida baġitarja għaż-żmien fit-tul għall-pajjiżi kollha, i.e. riskju baxx ma jfissirx li ma hemm l-ebda riskju. F’xi każijiet, anki l-pajjiżi b’riskju baxx iħabbtu wiċċhom ma’ lakuna mhux negliġibbli fis-sostenibbiltà. Jeħtieġ li dawn il-pajjiżi jindirizzaw l-isfida ta’ soċjetà li qed tixjieħ permezz ta’ riformi addizzjonali u/jew billi jtejbu l-qagħda baġitarja tagħhom. Fil-fatt, hemm xi inċertezza fir-rigward ta’ l-iżviluppi fl-infiq projettat għall-ġejjieni; jekk l-infiq marbut ma’ l-età huwa influwenzat ukoll minn fatturi oħra għajr il-bidla demografika, li ġiet osservata fl-imgħoddi, l-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali jista’ jkun sfida akbar. Fl-istess ħin, il-klassifikazzjoni tipprovdi distinzjoni ċara tal-grad tar-riskju li l-Istati Membri ta’ l-UE jistgħu jħabbtu wiċċhom miegħu fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Dan, flimkien ma’ l-analiżi ta’ l-għejun ewlenin tar-riskji, huwa importanti fit-termini ta’ l-identifikazzjoni tar-rispons politiku x-xieraq.

3. valutazzjoni kumplessiva tar-riskji għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubblċi fl-ue

Fl-għexieren tas-snin li ġejjin, l-UE se jkollha quddiema sfida konsiderevoli fid-dawl tal-poloazzjonijiet li qed jixjieħu. Fuq il-medda taż-żmien fit-tul, hemm impatt ewlieni tat-tixjiħ fuq l-infiq pubbliku, li huwa influwenzat partikolarment minn żieda sinifikanti fin-nefqa fuq il-pensjonijiet. Sabiex tiġi affrontata din l-isfida baġitarja, l-UE teħtieġ timplimenta miżura ta’ riforma strutturali sabiex trażżan ix-xejriet ta’ l-infiq għaż-żmien fit-tul u żżid it-tkabbir ekonomiku potenzjali, eż. billi tgħolli r-rati ta’ l-impjieg jew inkella l-età ta’ l-irtirar effettiv. Barra minn hekk, il-konsolidazzjoni baġitarja hija meħtieġa sabiex jinħoloq spazju għall-immanuvrar fiskali qabel ma’ l-impatt baġitarju tat-tixjiħ jibda jħalli l-effett tiegħu. Fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ riforma u konsolidazzjoni baġitarja, l-analiżi tikxef li lakuna tas-sostenibbiltà konsiderevoli ta’ madwar 3½% tal-PGD, i.e. il-lakuna bejn il-pożizzjoni strutturali tal-baġit fl-2003 u pożizzjoni sostenibbli, tidher sew fl-UE sew fiż-żona ta’ l-euro.

Jekk ma jittiħdux miżuri biex tingħalaq din il-lakuna, ir-relazzjoni bejn id-dejn tal-gvern u l-PGD hija pprojettata li tibqa’ fuq is-60% għall-għexieren ta’ snin li ġejjin għall-UE kollha kemm hi u lejn l-2020, ipprojettata li tibda togħla b’mod konsiderevoli, u tilħaq kważi 200% tal-PGD fl-2050.

Ir-rikonċiljazzjoni ta’ l-isfida għall-politika għaż-żmien fit-tul mal-proċess ta’ formulazzjoni tal-politika għaż-żmien mezzan kienet element importanti fir-riforma tal-Patt ta’ Tkabbir Ekonomiku u Stabilità fl-2005. Bħala parti mil-PST l-ġdid, ġew introdotti l-għanijiet baġitarji għaż-żmien mezzan li jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi għall-pajjiżi, ir-relazzjoni bejn id-dejn u l-PGD u l-potenzjal tal-pajjiżi għat-tkabbir ekonomiku.

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għad għandhom żbilanċi ‘l fuq mill-MTO tagħhom u biħsiebhom jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom fis-snin li ġejjin. Sabiex jiġi illustrat l-impatt ta’ titjib fuq iż-żmien mezzan tal-pożizzjoni tal-baġit fuq is-sostenibbiltà fit-tul, ġie analizzat xenarju alternattiv li fih wieħed jassumi li l-Istati Membri kollha jkunu laħqu l-MTO tagħhom sa l-2010. Skond din l-assunzjoni, il-lakuni tas-sostenibbiltà fl-UE u fiż-żona ta’ l-euro se jkunu ta’ madwar 1½% tal-PGD. Fir-rigward ta’ l-implikazzjonijiet għad-dejn fiż-żona ta’ l-euro, jekk l-MTO jintlaħqu fl-2010, ir-relazzjoni bejn id-dejn u l-PGD hija pprojettata li tkun madwar 80% tal-PGD fl-20050, mqabbla ma' qrib il-200% tal-PGD jekk il-pożizzjoni tal-baġit tibqa’ mhux mibdula. Għall-UE kollha kemm hi, ir-relazzjoni bejn id-dejn u l-PGD hija pprojjettata li tkun taħt is-60% tal-valur ta’ referenza sa l-ewwel snin ta’ l-2040ijiet.

L-isfida baġitarja fit-tul li joħolqu l-popolazzjonijiet qed jixjieħu tista’ għalhekk titnaqqas, anzi titnaqqas b’aktar min-nofs, jekk l-Istati Membri jilħqu l-MTO tagħhom fl-2010 mqabbla mas-sitwazzjoni tal-baġit fl-2005. Dan juri biċ-ċar li l-konsolidazzjoni fiskali għaż-żmien mezzan tista’ tikkontribwixxi b’mod sinfikanti għat-tnaqqis ta’ l-isfida tas-sostenibbiltà fiskali fl-UE u ż-żona ta’ l-euro. Madankollu, din mhix biżżejjed biex tilqa’ għal kollox għal din l-isfida. Jekk ma jiġux affrontati l-iżviluppi sottostanti li jimplika t-tixjiħ, sa l-2050 ir-relazzjoni bejn id-dejn u l-PGD tkun baqgħet tikber f’bosta pajjiżi.

L-iżgurar tas-sostenibbiltà fiskali għaż-żmien fit-tul ikun jeħtieġ konsolidazzjoni addizzjonali tal-baġit, partikolarment fin-nuqqas ta' aktar miżuri ta’ riforma li jrażżnu ż-żieda sinifikanti fl-infiq marbuta ma’ l-età għaż-żmien fit-tul bi gradi varji fl-Istati Membri. Bosta Stati Membri rriformaw is-sistema tagħhom tal-pensjonijiet f’dawn l-aħħar snin, partikolarment DE, FR, u AT u anki b’riformi aktar bikrin eż. IT u SE, li juri implimentazzjoni determinata ta’ miżuri ta’ riforma, li f’bosta każi kienu diffiċli, li naqqsu ż-żieda projettata fl-infiq fuq il-pensjonijiet. Madankollu, iż-żidiet fl-infiq ipprojettati huma xorta waħda sinfikanti fl-UE. Barra minn hekk, riformi sinfikanti fil-pensjonijiet li jkollhom suċċess dejjiemi għandhom jimxu id f’id ma’ ħajjiet ta’ ħidma itwal li jippermettu akkumulazzjoni akbar ta’ drittijiet tal-pensjoni u li għalhekk ikollhom impatt pożittiv fuq il-livell tal-pensjonijiet fir-rigward tal-paġi fil-ġejjieni; il-kisba ta’ dan tista’ madankollu teħtieġ riformi strutturali oħra.

Valutazzjoni għall-Istati Membri ta’ l-UE

Filwaqt li l-impatt baġitarju tal-popolazzjoni li qed tixjieħ hija għajn ta’ tħassib għall-Istati Membri kollha ta’ l-UE, iċ-ċifri aggregati ta’ l-UE jaħbu varjetà konsiderevoli. Hemm varjazzjoni kbira madwar l-UE fil-grad tar-riskji u minn fejn prinċiplament ikunu ġejjin. Kumplessivament, fost il-25 Stat Membru ta’ l-UE, sitt pajjiżi huma vvalutati li huma ta’ riskju għoli , għaxra ta’ riskju medju u disgħa ta’ riskju baxx , li kumplessivament jikkonferma l-valutazzjonijiet tal-programmi ta’ stabilità u ta’ konverġenza li twettqu fix-xhur bikrin ta’ l-2006. Il-karatteristiċi ewlenin ta’ l-isfidi għas-sostenibbiltà li se jħabbtu wiċċhom magħhom jistgħu jitqassru kif ġej:

Pajjiżi ta’ riskju għoli

Il-grupp ta’ pajjiżi b’riskju għoli (CZ, EL, CY, HU, PT and SI) huwa kkaratterizzat minn żieda sinifikanti ħafna fl-infiq marbut ma’ l-età għaż-żmien fit-tul, u dan juri biċ-ċar li se jkunu strettament meħtieġa miżuri biex irażżnu dan l-infiq. Barra minn hekk, CZ, HU, EL, CY and PT għandhom żbilanċi enormi u f’xi każi anki livell għoli ta’ dejn, partikolarment fil-Greċja. Hija għalhekk meħtieġa u urġenti l-konsolidazzjoni baġitarja sabiex dawn il-pajjiżi jnaqqsu r-riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Pajjiżi ta’ riskju medju

Il-grupp intermedju ta’ pajjiżi (BE, DE, ES, FR, IE, IT, LU, MT, SK and UK) jikkonsistu minn pajjiżi b’karatteristiċi differenti ħafna, iżda tidher distinzjoni relattivament netta bejn: (i) pajjiżi bi spiża kbira għat-tixjiħ u fejn jistgħu jkunu meħtieġa miżuri biex jitrażżnu dawn l-ispejjeż, iżda li attawlament għandhom pożizzjonijiet baġitarji relattivament sodi (ES, IE, LU); u, (ii) pajjiżi li għandhom bżonn jikkonsolidaw, għalkemm bi gradi differenti, il-finanzi pubbliċi tagħhom għaż-żmien mezzan iżda li għalihom l-ispejjeż marbuta mat-tixjiħ mhumiex daqshekk ta’ tħassib, spiss bħala riżultat ta' riformi li jkunu saru fis-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom (SK, IT, DE, FR, UK and MT); fi ħdan dan il-grupp, is-sitwazzjoni fl-Italja trid tiġi enfasizzata, fejn hija meħtieġa konsolidazzjoni baġitarja sabiex jiġi żgurat tnaqqis regolari u bla skossi tal-livell tad-dejn li bħalissa huwa għoli ħafna. Il-Belġju għandu xi karatteristiċi miż-żewġ gruppi ; iż-żamma ta’ bilanċ b’saħħtu hija meħtieġa sabiex jitnaqqas il-livell għoli ħafna tad-dejn kif ukoll biex jagħmel tajjeb għaż-żieda kbira fl-infiq marbut ma' l-età, li huwa ogħla mill-medja ta’ l-UE. Madankollu, anki jekk jinżamm għal perjodu twil ta’ żmien, il-bilanċ attiv primarju għoli li hemm bħalissa mhuwiex biżżejjed biex ikopri għal kollox l-ispiża relattivament għolja għall-popolazzjonijiet li qed jixjieħu għaż-żmien fit-tul. Mhemmx dubju li l-miżuri bil-għan li jrażżnu ż-żidiet projettati fl-infiq għall-pensjonijiet sejrin jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riskji għas-sostenibbiltà.

Pajjiżi ta’ riskju baxx

Il-pajjiżi ta’ riskju baxx (DK, EE, LV, LT, NL, AT, PL, FI u SE) ġeneralment l-aktar li rnexxielhom ilaħħqu mal-problema tat-tixjiħ, li jirriżulta minn pożizzjoni baġitarja b’saħħitha (bilanċi attivi kbar, tnaqqis tad-dejn u /jew akkumulazzjoni ta’ l-assi) u/jew riformi komprensivi tal-pensjonijiet, li xi kultant jinkludu ċaqliqa lejn skemi tal-pensjonijiet privati. Dan ma jfissirx li f'dawn il-pajiżi mhemmx riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi Fil-fatt, is-sitwazzjoni tagħhom tiddependi mill-implimentazzjoni b'suċċess ta’ riformi b’konsegwenzi mifruxa, li naqqsu b’mod sinifikanti l-impatt baġitarju fit-tul tat-tixjiħ (EE, LV, LT, AT, PL and SE) u żammew, u f’xi każi saħħew, il-pożizzjoni baġitarja. Pajjiżi oħra bi spiża pprojettata relattivament għolja tat-tixjiħ, partikolarment fuq il-pensjonijiet, jista' jkollhom bżonn ukoll jikkundsidraw riformi strutturali bil-għan li jiġu mmodifikati f’xi żmien ix-xejriet baġitarji pprojetati għaż-żmien fit-tul, jekk ma tinżammx għaż-żmien fit-tul il-pożizzjoni baġitarja b’saħħitha li hemm bħalissa (DK, NL u FI), anki jekk l-aġġustament kumplessiv li jkun meħtieġ ikun ta’ grad inqas minn pajjiżi b’riskju medju u għoli.

4. l-iżgurar ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli: sfida politika wiesgħa għall-ue

L-analiżi tikxef li l-impatt tat-tixjiħ fuq il-baġit huwa sfida politika ewlenija fl-UE. Tikkonferma li hija xierqa u li għandha tiġi segwita l-istrateġija bi tliet ponot li ġiet deċiża mill-Kunsill Ewropew ta’ Stokkolma fl-2001 sabiex wieħed ikun jista’ jlaħħaq ma’ l-isfida ekonomika u baġitarja li jponu l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu i.e. it-tnaqqis tad-dejn b'rata mgħaġġla, iż-żieda fl-impjiegi u fil-produttività u r-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet, tas-saħħa u tal-kura fit-tul.

L-ewwelnett, l-Istati Membri jeħtieġu jiksbu aktar malajr u jsostnu pożizzjonijiet baġitarji sottostanti sodi sabiex jitnaqqas id-dejn pubbliku b’pass aktar mgħaġġel qabel ma jibda jinħass l-impatt sħiħ tat-tixjiħ. Fil-fatt, l-analiżi tas-sostenibbiltà turi li l-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi lejn l-Mtos u ż-żamma ta’ din il-pożizzjoni sejra tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex ittaffi parti mill-ispejjeż tal-baġit għaż-żmien fit-tul marbuta mat-tixjiħ fl-UE u se żżomm milli jkunu hemm żieda rapida u qawwija tar-relazzjoni bejn id-dejn u l-PGD. Barra minn hekk, finanzi pubbliċi sodi huma prerekwiżit għal rati ta’ imgħax baxxi u tkabbir ekonomiku stabbli li jispiċċa jikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

It-tieni, hemm il-ħtieġa li jogħlew ir-rati ta’ l-impjiegi, l-aktar fost in-nisa u l-ħaddiema akbar fl-età, u għandhom jittieħu passi xierqa biex tikber il-provvista u l-użu tax-xogħol. L-analiżi f’dan ir-rapport turi li jekk ir-rati ta’ l-impjieg jikbru aktar milli pprojettat, dan jikkontribwixxi konsiderevolment għas-sostenibbiltà fiskali. Fil-fatt, f’bosta pajjiżi, benefiċċji sostanzjali jistgħu jittieħdu permezz tat-tnaqqis ulterjuri tal-qgħad strutturali. L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ miżuri politiċi bħal dawn u t-tkattir tal-produttività , f’konformità ma’ l-għanijiet ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona, jgħollu aktar ir-rati ta’ tkabbir tal-PGD, itejbu l-istandards ta’ l-għixien tal-ġejjieni, u joħolqu aktar spazju għar-rijallokazzjoni tal-baġit fil-ġejjieni. Barra minn hekk, il-projezzjonijiet komuni għaż-żmien fit-tul juru li jista’ jkun hemm xi ffrankar baġitarju limitat li jkun ġej minn tnaqqis ipprojettat fl-infiq fuq l-edukazzjoni, fid-dawl tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu. Madankollu, fid-dawl tal-ħtieġa li tittejjeb il-produttività fil-ġejjieni, l-Istati Membri jitgħu jikkunsidraw jużaw dan l-iffrankar biex jimmodernizzaw is-sistemi edukattivi tagħhom, inkluż l-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja, jinvestu biex jgħollu l-livelli tal-kisbiet edukattivi, u jtejbu l-mod kif jaħdmu s-sistemi edukattivi, konformi ma’ l-impenji ta’ Liżbona biex tinbena ekonomija u soċjetà msejsa fuq l-għarfien.

It-tielet, l-Istati Membri jridu jikkunsidraw riformi xierqa tas-sistemi tal-pensjonijiet, tas-saħħa u tal-kura fit-tul sabiex jiżguraw li huma finanzjarjament vijabbli fil-konfront tat-tixjiħ filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw l-għanijiet politiċi essenzjali ta’ l-adegwatezza u l-aċċess. Ir-riformi riċenti tal-pensjonijiet f’madwar nofs l-Istati Membri ta' l-UE 15 u f'bosta Stati Membri ġodda naqqsu l-impatt tat-tixjiħ fuq il-baġit u qed jgħinu biex jgħollu l-età effettiva ta' l-irtirar. Fil-fatt, l-analiżi turi li riformi riċenti fil-pensjonijiet eż. fil-Ġermanja, Franza u l-Awstrija, kif ukoll riformi aktar bikrija, bħal fl-Italja u l-Iżvezja, ikkontribwew b’mod sinfikattiv biex itejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, iż-żieda fl-impjiegi ttejjeb il- welfare ; issaħħaħ is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-pensjonijiet, iddewwem il-bidu ta’ żidiet fl-infiq, iżżid il-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjonijiet, u tista' tiġġenera iffrankar addizzjonali għall-baġit. Barra minn hekk, iż-żieda fl-impjiegi, partikolarment ta’ ħaddiema ta' età avvanzata, hija ta' importamza ewlenija għal pajjiżi fejn hemm iprojettat tnaqqis sinfikanti fir- ratio tal-benefiċċji, i.e. pensjonijiet medji ogħla mill-PGD għal kull ħaddiem, minħabba li jonqos ir-riskju ta’ pensjonijiet possibbilment inadegwati fil-ġejjieni. F’riformi riċenti tal-pensjonijiet, xi Stati Membri introduċew rabta bejn il-benefiċċji tal-pensjoni u l-istennija ta’ l-għomor ma’ l-irtitar u jidher li dawn il-miżuri jaqsmu aħjar ir-riskju demografiku. Dan jagħti inċentiv importanti għall-estensjoni ta’ kemm wieħed idum jaħdem. Barra minn hekk, l-analiżi tas-sostenibbiltà turi li jista’ jsir iffrankar baġitarju konsiderveoli fuq in-nefqa għas-saħħa jekk iż-żieda pprojettata fl-istennija ta’ l-għomor għaż-żmien fit-tul tkun akkumpanjata minn żieda fis-snin ta’ ħajja sana u titjib fl-istatus tas-saħħa. Miżuri li jtejbu l-qagħda tas-saħħa ta’ poplazzjoni jistgħu għalhekk jikkontribwixxu biex itaffu l-ispiża għat-tixjiħ u jtejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Minbarra l-implimentazzjoni rigoruża tal-finanzi pubbliċi fuq il-medda taż-żmien mezzan lejn l-MTO u/jew iż-żamma ta’ pożizzjoni tal-baġit tali li tnaqqas ir-riskji għas-sostenibbiltà, huwa meħtieġ sforz determinat sabiex jitjieb il-mod kif jaħdmu l-ekonomiji ta’ l-UE u sabiex is-sistemi pubbliċi jiġu adattati biex jaffrontaw aħjar l-isfidi kbar li għad iħabbtu wiċċhom magħhom. Il-politiki li jsejsu din l-istrateġija bi tliet ponot huma parti integrali mill-istrateġija ta’ Liżbona minħabba li ż-żieda fir-rata ta’ l-impjiegi u t-tħaddim ta’ politiki makro- u mikro- ekonomiċi sodi jwasslu għat-tkabbir ekonomiku u l-ġid. Tagħqida xierqa ta’ dawn il-politiki f’dawn it-tliet oqsma se tiddependi fuq ir-raġunijiet ewlenin li jsostnu l-isfida tas-sostenibbiltà u l-prijoritajiet politiċi li l-Istati Membri fasslu għalihom infushom.

* * *

[1] Cfr. Economic Policy Committee and European Commission (DG ECFIN), (2006), ‘The impact of ageing on public expenditure: projections for the EU25 Member States on pensions, health-care, long-term care, education and unemployment transfers (2004-2050)’, European Economy, Special Reports No 1, 2006.

[2] Il-projezzjonijiet tal-baġit għaż-żmien fit-tul isiru fuq il-bażi ta’ ‘l-ebda bidla fil-politika’ u ma jinkludux l-effetti ta’ politiki addizzjonali li jistgħu jsaħħu eż. it-tkabbir eknomiku, u jkollhom impatt benefiku fuq il-projezzjonijiet baġitarji.

[3] L-iffrankar baġitarju mbassar li jsir minn fuq in-nefqa fuq l-edukazzjoni qed iseħħ skond politiki kurrenti. F’konformità ma’ l-impenji ta’ Liżbona biex tinbena ekonomija bbażata fuq l-għarfien, flus iffrankati bħal dawn jistgħu jiġu allokati mill-ġdid lil oqsma edukattivi li jrendu sew f’termini soċjo-ekonomiċi u fiskali, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006.

[4] Għall-Greċja ma kienu disponibbli l-ebda projezzjonijiet dwar il-pensjonijiet fl-eżerċizzju tal-projezzjonijiet komuni ġodda u għalhekk iż-żieda fl-infiq marbut ma’ l-età hija ssottovalutata. Fl-eżerċizzju tal-projezzjonijiet komuni ġodda ta’ l-2001, l-infiq għall-pensjonijiet fil-Greċja kien imbassar li se jogħla bi 12.4% tal-PGD bejn l-2005 u l-2050, u b’10.2% fl-aġġornament ta’ l-2002 tal-programm Grieg ta’ stabilità.