52005DC0320




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.07.2005

KUMM(2005) 320 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 u l-qagħda li rriżultat mill-applikazzjoni tiegħu

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 u l-qagħda li rriżultat mill-applikazzjoni tieg ħu

Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar skema skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni [1] (minn hawn ’il quddiem: Regolament tal-Linja l-Ħadra) jipprovdi fl-Artikolu 11(1) li “ il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Kunsill fuq bażi annwali, u tagħmel dan mhux aktar minn sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament u l-qagħda li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li tehmeż ma’ dan ir-rapport proposti għal emendi jekk dan ikun meħtieġ ”.

Ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Jiddefinixxi t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-UE japplikaw fir-rigward tal-linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jwettaq kontrolli effettivi u f’żoni li fihom ma jagħmilx dan.

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2005.

1. Miżuri ta’ implimentazzjoni

Fis-7 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/604/KE dwar l-awtorizzazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ Torka-Ċiprijotta skond l-Artikolu 4(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 [2]

Fl-10 ta’ Awissu 2004, skond l-Artikolu 4(12) tar-Regolament tal-Linja l-Ħadra u wara konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolament tal-Linja, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1480/2004 li jistipula r-regoli speċifiċi dwar il-merkanzija li tasal minn żoni li ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern ta’ Ċipru għaż-żoni fejn il-Gvern iwettaq kontroll effettiv.[3] Dawn ir-regoli speċifiċi daħlu fis-seħħ fit-23 ta’ Awissu 2004. Minn dak in-nhar, ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra jaħdem bis-sħiħ għal dak li għandu x’jaqsam mal-merkanzija.

Fit-28 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ esperti fitosanitarji biex iwettqu spezzjonijiet fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern, kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004.

Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Kunsill adotta emendi għar-Regolament tal-Linja l-Ħadra għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-agrikultura u l-faċilitajiet għall-persuni li jaqsmu l-linja. [4]

Fit-18 ta’ April 2005, il-Kummissjoni adottat adattament għall-Anness I tar-Regolament tal-Linja l-Ħadra. Il-lista tal-punti li ta’ passaġġ ġiet estiża b’żewġ punti ta’ passaġġ oħra. Ledra Street u Zodia. [5]

Għalissa, il-Kummissjoni ma tipprevedix proposti oħra għal emendi għar-Regolament tal-Linja l-Ħadra.

2. Persuni li jaqsmu l-linja

Il-persuni qegħdin jaqsmu l-linja mingħajr problemi. Eluf ta’ Ċiprijotti minn kwalunkwe naħa jaqsmu l-linja kuljum. Hemm moviment ħieles taċ-ċittadini ta’ l-UE ikun x’ikun l-punt ta’ dħul tagħhom f’Ċipru. Ma ġie rrapurtat l-ebda inċident.

Minkejja l-kontrolli li qegħdin jitwettqu mir-Repubblika ta’ Ċipru fuq persuni li jaqsmu l-linja, qiegħed ikun aktar u aktar ovvju li teżisti rotta illegali sistematika min-naħa ta’ fuq għaż-żoni kkontrollati tal-gvern. Għaldaqstant, il-linja ma tistax titqies fuq it-tul sħiħ tagħha bħala koperta minn kontroll effettiv. F’ċerti żoni hu possibbli li taqsam il-linja mingħajr l-ebda kontrolli.

Eluf ta’ ċittadini li ġejjin minn pajjiżi terzi qasmu l-linja biex jimmigraw illegalment. Bosta minnhom talbu kenn politiku lir-Repubblika ta’ Ċipru li wassal għal żieda sinifikanti ta’ l-applikazzjonijiet ta’ kenn politiku. [6]

3. Merkanzija li taqsam il-linji

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ merkanzija, ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra ħadem bis-sħiħ mit-23 ta’ Awissu 2004 (qabbel man-Nru 1.).

3.1 Statistiki

Il-Kamra tal-Kummerċ Torka-Ċiprijotta dejjem għarfet fil-ħin lill-Kummissjoni it-tip, il-volum u l-valur tal-merkanzija li ħarġet flimkien ma’ dokumenti anċillari kull xahar.[7] Il-Kamra qiegħda taħdem b’mod effettiv u professjonali. Ġiet appoġġata minn esperti mill-Istati Membri.

Kull xahar, l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru għarrfet lill-Kummissjoni bit-tip, il-volum u l-valur tal-merkanzija li, skond id-dokumenti anċillari, qasmet il-linja.[8] Dawn ir-rapporti jinkludu l-merkanzija li qasmet il-punti ta’ passaġġ ta’ Pergamos u Strovilia taħt l-awtorità taż-Żona ta’ Bażi ta’ Sovranità tal-Lvant.

Il-volum u l-valur tal-merkanzija li qasmet il-linja jibqgħu limitati. Tul il-perjodu ta’ rappurtar, il-Kamra ħarġet 862 dokument anċillari. Il-valur totali tal-merkanzija, li għalihom ħarrġu dokumenti, kien ta’ EUR 1,000,617.

Mhux id-dokumenti kollha ntużaw fil-perjodu ta’ rappurtar minħabba li t-tranżazzjonijiet ġew ikkanċellati jew li l-kunsinni ġew ipposponuti. F’bosta każi, il-volum/kwantità tal-merkanzija li qasam l-linja kien anqas mill-volum/kwantità msemmija fid-dokument anċillari. Il-valur tal-merkanzija li tassew qasmet il-linja ammonta għal EUR 818,133 skond ir-rapport tar-Repubblika ta’ Ċipru, jiġifieri fil-medja madwar EUR 99,000 kull xahar.[9] Bosta mill-merkanzija negozjata hi ħxejjex, prodotti tal-ġebel, ħwejjeġ tal-karti u għamara[10].

L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru rrifjutaw li l-merkanzija taqsam il-linja f’każijiet eċċezzjonali (pereżempju l-moviment tal-prodotti ta’ l-annimali bħall-ġobon halloumi u ħut frisk; ħobż pita minħabba n-nuqqas ta’ konformità mal-ħtiġijiet tat-tikkettar u ta’ l-imballaġġ).

Kif ipprovdut fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Linja l-Ħadra, l-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru applikaw tip tad-dazji tal-merkanzija agrikola li huma eliġibbli għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni jew miżuri ta’ indħil.

Il-merkanzija ma qasmitx il-linja li l-aħħar destinazzjoni tagħha ma kinetx ir-Repubblika ta’ Ċipru, fi kliem ieħor ma kienx hemm kummerċ bejn il-parti ta’ fuq ta’ Ċipru u l-Istati Membri ta’ l-UE oħra mil-linja.

3.2 Ostakoli

Ħafna ostakoli għall-kummerċ lil hinn mil-linja jkomplu jeżistu. Vetturi kummerċjali Torok Ċiprijotti bħax-xarabankijiet, trakkijiet, taxis, xarabankijiet żgħar u karrozzi mikrija ma jistgħux jiċċirkolaw b’mod ħieles fi ħdan il-ġżira. Ir-Repubbika ta’ Ċipru ma taċċettax iċ-ċertifikati tekniċi ta’ vetturi kumerċjali u l-liċenżji tas-sewqan professjonali maħruġa mill-awtoritajiet Torok Ċiprijotti.

Il-Kummerċ bejn il-parti ta’ fuq ta’ Ċipru u l-UE li jgħaddi miż-żoni kkontrollati mill-gvern ma jsirx minħabba bosta raġunijiet, pereżempju il-bżonn li kumpanija tiġi rreġistrata fiż-żoni kkontrollati mill-gvern ( inter alia minħabba l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni) u problemi ta’ trasport (peress li t-trakkijiet ma jistgħux jaqsmu u li l-liċenzji tas-sewqan mhumiex aċċettati).

3.3 Aktar faċilità għall-kummerċ

Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward dispożizzjonijiet għaċ-ċitru [11] kif ukoll għasel, ħut frisk u n-ngħam [12] li jaqsam il-linja, qegħdin jitħejjew.

F’Settembru 2004, esperti mill-Istati Membri f’isem il-Kummissjoni wettqu kontrolli qabel il-ħsad fuq l-għelejjel taċ-ċitru fil-parti ta’ fuq tal-gżira skond l- acquis Komunitarju rilevanti. Ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli kkonfermaw r-riżultati ta’ qabel ta’ Ottubru 2003 skond liema l-orġaniżmi li jagħmlu l-ħsara Xanthomonas campestris, Cercospora angolensis u Guignardia citricarpa ma ġewx individwati, li jissuġġerixxi li dawn l-organiżmi ma jinsabux fil-parti ta’ fuq ta’ Ċipru. Ix-xogħol ta’ stħarriġ se jissokta bħal attività ta’ kontroll kollaterali għajr spezzjonijiet u kontrolli ta’ msaġar u merkanzija maħsuba għall-kummerċ sabiex jaqsam il-linja.

L-esperti fitosanitarji indipendenti wettqu għadd ta’ attivitajiet ta’ stħarriġ fil-parti ta’ fuq ta’ Ċipru sabiex titwitta t-triq għall-kummerċ tal-patata, li tista’ tibda bil-ħsad tar-Rebbiegħa ta’ l-2006, sakemm ma jkun hemm ebda problema serja fuq is-saħħa tal-pjanti.

4. Is-servizzi

Skond it-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, is-servizzi ma ġewx ipprovduti lil hinn mil-linja tul il-perjodu kkonċernat.

5. Konklużjoni

Bil-miżuri ta’ implimentazzjoni li ttieħdu tul il-perjodu kkonċernat, l-iskema skond l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni taħdem bis-sħiħ.

Ir-Regolament wera li kien qafas legali stabbli għall-eluf ta’ Ċiprijotti li jaqsmu l-linja kuljum kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ l-UE li jistgħu jiċċaqilqu b’mod ħieles fi ħdan Ċipru. Dan isaħħaħ ir-rapporti bejn iż-żewġ komunitajiet fuq il-gżira u jaffettwa b’mod pożittiv l-iżvilupp tat-turiżmu. Madankollu, l-imigrazzjoni illegali mal-linja toħloq tħassib.

Il-volum u l-valur tal-merkanzija li taqsam il-linja jibqgħu limitati. Ostakoli prattiċi jxekklu ammont sostanzjali ta’kummerċ li jaqsam il-linja. Il-Kamra tal-Kummerċ Torka-Ċiprijotta ssodisfat l-obbligi tagħha b’mod effettiv u professjonali.

Il-ftuħ imħaffef ta’ żewġ punti ta’ passaġġ ikollu effett pożittiv fuq l-iżvilupp tal-kummerċ u jikkontribwixxi għal integrazzjoni akbar tal-gżira.

Ma kien hemm l-ebda kummerċ bejn il-parti ta’ fuq ta’ Ċipru u l-Istati Membri ta’ l-UE l-oħra minn din il-linja.

ANNEX I

Overview table summarizing the monthly reports of the Turkish Cypriot Chamber of Commerce according to Article 8 of Commission Regulation No 1480/2004

August 2004 – April 2005

1 | August/2004 | 3.883 € |

2 | September/2004 | 48.265 € |

3 | October/2004 | 72.102 € |

4 | November/2004 | 86.547 € |

5 | December/2004 | 153.029 € |

6 | January/2005 | 53.166 € |

7 | February/2005 | 148.050 € |

8 | March/2005 | 117.177 € |

9 | April/2005 | 135.914 € |

TOTAL | 818.133 € |

ANNEX III Value of goods for which accompanying documents were issued by the TCCC

[pic]

ANNEX IV Development of most traded goods

[pic]

[1] ĠU L 161, 30.4.2004, P. 128 kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE)293/2005 tas-17 ta’ Frar 2005, ĠU L 50, 23.2.2005, p. 1.

[2] ĠU L 272, 20.8.2004, p.12.

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004 ta’ l-10 ta’ Awissu 2004 (ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3.

[4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 293/2005 tas-17 ta’ Frar 2005, ĠU L 50, 23.2.2005, p. 1.

[5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 601/2005 tat-18 ta’ April 2005, ĠU L 99, p. 10.

[6] Fil-perjodu taħt ir-rapport 10,992 ċittadin ta’ pajjiżi terzi applikaw għal kenn politiku fir-Repubblika ta’ Ċipru skond il-Ministeru ta’ l-Intern tagħha. Hu meqjus li għallinqas 50% ta' dawk li jfittxu kenn politiku qasmu l-linja illegalment.

[7] Tabella ta’ rendikont b’taqsira tar-rapporti ta’ kull xahar fl-Anness 1.

[8] Tabella dwar l-oġetti li qasmu l-linja tinsab fl-Anness II.

[9] Għall-iżvilupp tal-kummerċ qabbel iċ-ċart fl-Anness III.

[10] For the development of these goods cf. chart in Annex IV.

[11] Imsejjes fuq l-Artikolu 4(2) sottoparagrafu 2 (emendat).

[12] Imsejjes fuq l-Artikolu 4(9) (emendat).