52011DC0571


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi

/* KUMM/2011/0571 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

WERREJ

1........... L-isfidi u l-opportunitajiet għall-Ewropa........................................................................... 1

2........... Nagħmlu l-Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi................................................................... 2

3........... Nibdlu l-ekonomija......................................................................................................... 3

3.1........ Konsum u produzzjoni sostenibbli................................................................................... 4

3.2........ Indawru l-iskart f’riżorsa................................................................................................. 7

3.3........ Nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni............................................................................ 8

3.4........ Is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-wasla għall-prezz it-tajjeb................................. 9

4........... Il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi.................................................................... 11

4.1........ Is-servizzi tal-ekosistemi............................................................................................... 11

4.2........ Il-bijodiversità.............................................................................................................. 12

4.3........ Il-minerali u l-metalli...................................................................................................... 13

4.4........ L-ilma.......................................................................................................................... 13

4.5........ L-arja........................................................................................................................... 14

4.6........ L-art u l-ħamrija........................................................................................................... 15

4.7........ Ir-riżorsi tal-baħar......................................................................................................... 16

5........... Is-setturi ewlenin........................................................................................................... 18

5.1........ Nindirizzaw l-ikel.......................................................................................................... 18

5.2........ Intejbu l-bini................................................................................................................. 19

5.3........ Niżguraw mobbiltà li tkun effiċjenti................................................................................ 20

6........... Il-governanza u l-monitoraġġ......................................................................................... 20

6.1........ Toroq ġodda għall-azzjonijiet marbutin mal-użu effiċjenti tar-riżorsi................................ 20

6.2........ Nappoġġaw l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-livell internazzjonali........................................... 23

6.3........ Intejbu l-benefiċċji mill-miżuri tal-UE favur l-ambjent..................................................... 24

7........... Konklużjoni.................................................................................................................. 24

Anness: L-użu effiċjenti tar-riżorsi - il-konnessjonijiet reċiproki bejn is-setturi u r-riżorsi u l-inizjattivi tal-politika tal-UE   26

1. L-isfidi u l-opportunitajiet għall-Ewropa

Għal diversi deċennji l-Ewropa gawdiet minn tkabbir fil-ġid u fil-benesseri, li kien ibbażat fuq użu intensiv tar-riżorsi. Iżda llum qed taffaċċja l-isfida doppja li tistimula t-tkabbir meħtieġ biex jiġu pprovduti l-impjiegi u l-benessri taċ-ċittadini tagħha, kif ukoll li tiżgura li l-kwalità ta’ dan it-tkabbir iwassal għal futur sostenibbli. Biex tilqa’ dawn l-isfidi u tbiddilhom f’opportunitajiet, l-ekonomija tagħna se jkollha bżonn bidla fundamentali fi żmien ġenerazzjoni – fis-sistemi tal-enerġija, tal-industrija, tal-agrikultura, tas-sajd u tat-trasport, u fl-imġiba tal-produtturi u tal-konsumaturi. Jekk inħejju għal dik il-bidla fil-ħin dovut, b’mod li jista’ jitbassar u li jkun ikkontrollat, inkunu nistgħu nkomplu niżviluppaw aktar il-ġid u l-benessri tagħna, filwaqt li nnaqqsu l-livelli tal-użu tagħna tar-riżorsi u l-impatt tagħhom.

Tul is-seklu 20, l-użu tal-fjuwils fossili fid-dinja żdied b’fattur ta’ 12, waqt li l-estrazzjoni tar-riżorsi materjali żdiedet b’34 darba. Fl-UE, illum il-ġurnata, kull persuna tuża 16-il tunnellata ta’ materjal fis-sena. Minn dawn, jinħlew 6 tunnellati, u nofshom jispiċċaw fil-miżbliet. Madankollu, ix-xejriet juru li l-era ta’ ħafna riżorsi li ma jiswewx wisq flus intemmet. In-negozji qed iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż li qegħdin dejjem jiżdiedu għall-materja prima u għall-minerali essenzjali, u l-iskarsezza ta’ dawn ir-riżorsi u l-volatilità tal-prezzijiet tagħhom qed jolqtu ħażin lill-ekonomija. Is-sorsi tal-minerali, tal-metalli u tal-enerġija, kif ukoll l-istokkijiet tal-ħut, tal-injam, tal-ilma, tal-ħamrija għammiela, tal-arja nadifa, tal-bijomassa u tal-bijodiversità, ilkoll jinsabu taħt pressjoni u l-istess jgħodd għall-istabbiltà tas-sistema tal-klima. Filwaqt li d-domanda għall-ikel, l-għalf u l-fibra tista’ tiżdied b’70 % sal-2050, 60 % mill-ekosistemi ewlenin tad-dinja li jgħinu biex jiġu prodotti dawn ir-riżorsi diġà ġew iddegradati jew qed jintużaw b’mod li mhuwiex sostenibbli. Jekk inkomplu nużaw ir-riżorsi bl-istess mod, b’kollox sal-2050 se jkollna bżonn ammont li jkun ikbar minn żewġ pjaneti biex isostnina, u mhux se nilħqu l-aspettattivi ta’ ħafna min-nies għal ħajja ta’ kwalità aħjar.

Is-sistema ekonomika tagħna għadha tinkuraġġixxi l-użu tar-riżorsi b’mod mhux effiċjenti, billi xi wħud minn dawn ir-riżorsi huma pprezzati f’livell li huwa inqas minn kemm jiswew verament. Il-Kunsill Kummerċjali Dinji għall-Iżvilupp Sostenibbli jistma li, sal-2050, se jkollna bżonn żieda ta’ bejn 4 u 10 darbiet fl-użu effiċjenti tar-riżorsi, u se jkun hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti diġà sal-2020. Minkejja li ċerti negozji dinamiċi għarfu l-benefiċċji ta’ użu iktar produttiv tar-riżorsi, ħafna intrapriżi u konsumaturi għadhom ma rrealizzawx il-kobor u l-urġenza tal-bidliet meħtieġa. Il-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi tagħmel ħafna sens f’termini ta’ negozju u għandha tgħin il-kompetittività u l-profitabbiltà tan-negozji. Għalhekk, din hija parti integrali tal-aġenda tal-UE għall-kompetittività globali. Tgħin ukoll sabiex tiżgura rkupru sostenibbli mill-kriżi ekonomika u tista’ tagħti spinta lill-impjiegi.

Il-bidla se tkun teħtieġ qafas politiku li joħloq kundizzjonijiet ekwi li permezz tagħhom ikunu ppremjati l-innovazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, joħolqu opportunitajiet ekonomiċi u jiżguraw provvista aħjar permezz tal-iddisinnjar mill-ġdid tal-prodotti, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi ambjentali, aktar użu mill-ġdid, riċiklaġġ u użu ta’ ċerti materjali flok oħrajn u ffrankar tar-riżorsi. Id-diżakkoppjament tat-tkabbir mill-użu tar-riżorsi u l-ftuħ ta’ dawn is-sorsi ġodda ta’ tkabbir, jeħtieġu koerenza u integrazzjoni fil-politiki li jiffurmaw l-ekonomija u l-istili ta’ ħajja tagħna. L-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima diġà wittiet it-triq fl-għajnuna lejn id-diżakkoppjar tat-tkabbir mill-użu tal-karbonju.

L-istrateġija “Ewropa 2020” u l-inizjattiva ewlenija tagħha “Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”[1] poġġew lill-UE fit-triq lejn din il-bidla. Din l-inizjattiva talbet li jkun hemm pjan direzzjonali “sabiex jiġu ddefiniti l-għanijiet għall-perjodu medju taż-żmien u fit-tul u l-mezzi meħtieġa biex dawn jintlaħqu”. Dan il-Pjan direzzjonali jissejjes fuq l-inizjattivi l-oħra li jiffurmaw parti mill-inizjattiva ewlenija, b’mod partikolari il-kisbiet ta’ politika lejn ekonomika b’livell baxx tal-karbonju u jikkumplimentahom, u jqis il-progress li sar fl-Istrateġija Tematika tal-2005 għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali[2] u fl-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli. Il-Pjan direzzjonali għandu jitqies ukoll fil-kuntest tal-isforzi dinjin sabiex issir il-bidla lejn ekonomija ekoloġika[3]. Huwa jissejjes ħafna fuq għadd ta’ sorsi, li r-referenza għalihom hija mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah, fosthom fuq ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-istat tal-ambjent Ewropew u l-prospetti tiegħu.

2. Nagħmlu l-Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi

Infasslu l-pjan direzzjonali

Il-Viżjoni: Sal-2050 l-ekonomija tal-UE se tkun kibret b’mod li jirrispetta l-limiti tar-riżorsi u l-limiti tal-pjaneta, u b’hekk se tkun qed tikkontribwixxi għall-bidla ekonomika dinjija. L-ekonomija tagħna se tkun waħda kompetittiva u inklużiva u se tkun tipprovdi standard għoli ta’ ħajja b’ħafna inqas impatti fuq l-ambjent. Ir-riżorsi kollha se jkunu mmaniġġati b’mod sostenibbli, mill-materja prima sal-enerġija, l-ilma, l-arja, l-art u l-ħamrija. Il-passi ewlenin marbutin mat-tibdil fil-klima se jkunu ntlaħqu, filwaqt li l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema li jissejsu fuqha se jkunu ġew protetti, vvalutati u rrestawrati b’mod sostanzjali.

Il-mod kif nilħqu din il-viżjoni huwa permezz ta’ żvilupp li juża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Dan jippermetti lill-ekonomija toħloq iktar affarijiet b’inqas materjali, tagħti valur akbar b’inqas materja prima, tuża r-riżorsi b’mod sostenibbli u tnaqqas l-impatti tagħhom fuq l-ambjent. Fil-prattika, dan jeżiġi li l-istokkijiet tal-assi ambjentali kollha li minnhom tibbenefika l-UE jew li minnhom iġġib il-provvisti dinjin tagħha, ikunu sikuri u mmaniġġati fil-limiti tal-produzzjoni massima sostenibbli tagħhom. Se jeżiġi wkoll li ma jkun hemm kważi l-ebda skart residwu u li l-ekosistemi jkunu ġew irrestawrati u r-riskji sistemiċi għall-ekonomija mill-ambjent ikunu nftehmu u ġew evitati. Se tkun meħtieġa sensiela ġdida ta’ innovazzjonijiet.

Dan il-Pjan direzzjonali jistipula l-miri importanti, li juru x’hemm bżonn biex inkunu fit-triq lejn użu effiċjenti tar-riżorsi u tkabbir sostenibbli. Imbagħad kull taqsima tiddeskrivi l-azzjonijiet li huma meħtieġa fuq perjodu taż-żmien qasir sabiex dan il-proċess jinbeda.

Il-Pjan direzzjonali jipprovdi qafas li jispjega kif il-politiki jintrabtu ma’ xulxin u kif jissejsu fuq xulxin, u li fih jistgħu jitfasslu u jiġu implimentati b’mod koerenti l-azzjonijiet fil-ġejjieni. Ir-rabtiet reċiproki bejn is-setturi u r-riżorsi ewlenin u l-inizjattivi tal-politika tal-UE marbutin magħhom, huma deskritti fil-qosor fit-Tabella mogħtija fl-Anness. Se jitħejjew valutazzjonijiet tal-impatt għall-azzjonijiet sinifikanti kollha u kull mira potenzjali qabel ma jitressqu proposti dettaljati[4].

It-twettiq tal-progress u l-kejl tiegħu

Se jkun hemm bżonn ta’ indikaturi b’saħħithom u li jinftehmu faċilment biex jipprovdu sinjali u jitkejjel il-progress li jkun qed isir biex intejbu l-użu effiċjenti tar-riżorsi.

Dan il-Pjan direzzjonali jipproponi triq ġdida għall-azzjonijiet marbutin mal-użu effiċjenti tar-riżorsi, bi proċess li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, sabiex dawn jiddiskutu u jaqblu dwar l-indikaturi u l-miri sa tmiem l-2013. Dan il-proċess huwa deskritt f’aktar dettall fil-kapitolu 6.

Sabiex jitnieda dan il-proċess, huma fformulati b’mod provviżorju[5] żewġ livelli ta’ indikaturi:

(1) indikatur ewlieni provviżorju, imsejjaħ “il-Produttività tar-Riżorsi”, li għandu jkejjel l-għan prinċipali ta’ dan il-pjan direzzjonali, jiġifieri li tittejjeb il-prestazzjoni ekonomika filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali;

(2) għadd ta’ indikaturi kumplimentari marbutin ma’ riżorsi naturali ewlenin bħall-ilma, l-art, il-materjali u l-karbonju, li se jqisu l-konsum globali ta’ dawn ir-riżorsi min-naħa tal-UE.

Negħlbu l-ostakli

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ifittxu li jneħħu l-ostakli li qed iżommu lura l-użu b’mod effiċjenti tar-riżorsi u b’hekk joħolqu s-sett it-tajjeb ta’ inċentivi għal deċiżjonijiet tajbin marbutin mal-produzzjoni u l-konsum. Dan se jkun jeħtieġ:

– li jiġu indirizzati s-swieq u l-prezzijiet, it-taxxi u s-sussidji li ma jirriflettux il-kosti reali tal-użu tar-riżorsi u li jżommu lill-ekonomija fi triq li mhijiex sostenibbli;

– li jiġu nkuraġġiti ħsibijiet iktar innovattivi u iktar fit-tul fl-oqsma tan-negozju, tal-finanzi u tal-politika li jwasslu biex jiġu adottati prattiki ġodda sostenibbli u li jistimulaw żviluppi fl-innovazzjoni u jiżviluppaw regolazzjoni li hija kosteffiċjenti u li taħseb għall-futur;

– li titwettaq riċerka sabiex nimlew in-nuqqasijiet fl-għarfien u fil-ħiliet tagħna u nipprovdu l-għarfien u t-taħriġ it-tajjeb;

– li jiġi ttrattat it-tħassib dwar il-kompetittività internazzjonali u li jitfittex li jintlaħaq kunsens mal-imsieħba internazzjonali sabiex kulħadd jimxi f’direzzjoni waħda.

3. Nibdlu l-ekonomija

Jekk inpoġġu l-ekonomija fit-triq li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, dan se jwassal għal iktar kompetittività u għal sorsi ġodda ta’ tkabbir u tal-impjiegi permezz tal-iffrankar tal-kosti minħabba aktar effiċjenza, il-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet u minħabba użu aħjar tar-riżorsi tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom. Dan jeħtieġ politiki li jagħrfu d-dipendenza reċiproka bejn l-ekonomija, il-benessri u l-kapital naturali u li jfittxu li jneħħu l-ostakli għall-użu b’mod iktar effiċjenti tar-riżorsi, filwaqt li jipprovdu bażi ġusta, koerenti, flessibbli u li tista’ titbassar sabiex in-negozji jkunu jistgħu jaħdmu.

Sors: l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

3.1. Konsum u produzzjoni sostenibbli

3.1.1. Intejbu l-prodotti u nibdlu x-xejriet tal-konsum

Il-bidla fix-xejriet tal-konsum tax-xerrejja privati u pubbliċi se tgħin biex ir-riżorsi jibdew jintużaw b’mod effiċjenti u ħafna drabi tista’ tiġġenera ffrankar dirett nett tal-ispejjeż. Imbagħad tista’ tgħin ukoll biex tiżdied id-domanda għal servizzi u prodotti li jużaw ir-riżorsi b’mod iktar effiċjenti. Hemm bżonn ta’ tagħrif preċiż, ibbażat fuq l-impatti tal-użu tar-riżorsi tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom u fuq il-kosti għall-użu tar-riżorsi, sabiex tingħata gwida għad-deċiżjonijiet dwar il-konsum. Il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw l-ispejjeż billi huma stess jevitaw milli jarmu l-affarijiet, u billi jixtru prodotti li jdumu tajbin ħafna jew li jistgħu jissewwew jew jiġu rriċiklati faċilment. Mudelli ġodda tan-negozju, li fihom il-prodotti jinkrew minflok ma jinxtraw, jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi b’inqas użu tar-riżorsi matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom.

Is-suq intern u l-istrumenti bbażati fuq is-suq għandhom rwol importanti fl-istabbiliment tal-qafas għas-swieq biex dawn jippremjaw prodotti li jkunu iktar ekoloġiċi. Approċċ li juża miżuri kemm volontarji kif ukoll obbligatorji – bħal dak mogħti fl-inizjattivi tal-UE marbutin mas-swieq ewlenin u fid-Direttiva tal-UE dwar l-Ekodisinn – għandhom jitqiesu għal firxa usa’ ta’ prodotti u servizzi u għandhom jinkludu iktar kriterji li huma ta’ rilevanza għar-riżorsi.

Madankollu, ntwera li, f’ċerti każijiet, l-iffrankar tal-kosti li jsiru għat-titjib tal-effiċjenza ta’ teknoloġija, jistgħu jwasslu lin-nies biex jikkunsmaw iktar. Dan il-fenomenu, li huwa magħruf bħala “l-effett ta’ konsegwenza”, għandu jkun antiċipat u għandu jitqies meta tiġi żviluppata l-politika u jiġu stabbiliti l-miri.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi se jkollhom l-inċentivi t-tajbin biex jagħżlu l-prodotti u s-servizzi li jużaw ir-riżorsi bl-iktar mod effiċjenti, permezz ta’ sinjali xierqa mill-prezzijiet u tagħrif ambjentali ċar. L-għażliet tax-xiri tagħhom se jqanqlu lill-kumpaniji biex ikunu innovattivi u biex jipprovdu prodotti u servizzi li jkunu jużaw ir-riżorsi b’mod iktar effiċjenti. Se jkunu stabbiliti standards minimi marbutin mal-prestazzjoni ambjentali sabiex jitneħħew mis-suq il-prodotti li jniġġsu l-aktar u li jużaw ir-riżorsi bl-inqas mod effiċjenti. Se jkun hemm domanda għolja tal-konsumaturi għal prodotti u servizzi li jkunu iktar sostenibbli.

3.1.2. Nixprunaw il-produzzjoni effiċjenti

L-Ewropa għandha l-ogħla rata ta’ importazzjonijiet netti ta’ riżorsi għal kull persuna u l-ekonomija miftuħa tagħha tiddependi ħafna fuq il-materja prima impurtata u fuq l-enerġija impurtata. L-aċċess sikur għar-riżorsi sar kwistjoni ekonomika dejjem aktar strateġika, filwaqt li l-impatti soċjali u ambjentali negattivi li jista’ jkun hemm f’pajjiżi terzi saru kwistjoni oħra ta’ tħassib. Fl-2007, fl-ekonomija tal-UE l-ammont totali tal-materjal li ntuża direttament kien jammonta għal aktar minn 8 biljun tunnellata. Nistgħu nnaqqsu dan l-ammont filwaqt li nżidu l-produzzjoni u l-kompetittività[6]. Barra minn hekk, jekk intejbu l-użu mill-ġdid tal-materja prima permezz ta’ iktar simbjożi industrijali (fejn l-iskart ta’ ċerti impriżi jintuża bħala riżorsa għal impriżi oħrajn), fl-UE jistgħu jiġu ffrankati EUR 1.4 biljun fis-sena u jista’ jinħoloq bejgħ li jammonta għal EUR 1.6 biljun[7].

Għalkemm ħafna impriżi diġà ħadu azzjoni sabiex jibdew jużaw ir-riżorsi b’mod iktar effiċjenti, għad fadal lok għal ħafna titjib. Dan japplika l-iktar għal oqsma tan-negozju li mhumiex dawk ewlenin, pereżempju f’każijiet fejn l-użu effiċjenti tal-enerġija jew tal-ilma mhumiex daqshekk importanti għall-attività tal-impriża. Ħafna jonqsu milli jaħlu inqas fuq l-użu tar-riżorsi fit-tul minħabba perspettiva fuq medda taż-żmien qasir li hija inkuraġġita mill-prattiki attwali tar-rappurtar dwar il-kumpaniji. L-impriżi li diġà qed jinvestu fl-użu effiċjenti tar-riżorsi għandhom bżonn jibbenefikaw mill-iżviluppi fl-għarfien u fl-innovazzjoni.

L-iskambju tal-informazzjoni dwar il-modi kif wieħed jista’ jasal għal użu iktar effiċjenti tar-riżorsi bejn l-imsieħba fil-ktajjen tal-valur u bejn settur u ieħor, inklużi l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, jista’ jevita l-iskart, jixpruna l-innovazzjoni u joħloq swieq ġodda.

Li wieħed jevita, kull fejn ikun possibbli, l-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi u jippromwovi kimika ekoloġika, jista’ jgħin biex jiġu protetti riżorsi ewlenin bħall-ħamrija u l-ilma u jagħmel lil riżorsi oħrajn, bħall-materjali, riżorsi li jistgħu jiġu rriċiklati jew użati mill-ġdid b’mod iktar sikur u eħfef u b’inqas spejjeż. L-approċċ għall-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi promoss permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), se jgħin biex jiġu identifikati l-opportunitajiet li hemm fil-bidla ta’ sustanzi kimiċi perikolużi b’sustanzi alternattivi li huma iktar sikuri u li huma vijabbli teknoloġikament u ekonomikament.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, se jkunu fis-seħħ inċentivi tas-suq u tal-politika li jippremjaw l-investimenti tan-negozji favur l-effiċjenza. Dawn l-inċentivi stimulaw innovazzjonijiet ġodda f’metodi tal-produzzjoni li jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti li jkunu qed jintużaw b’mod wiesa'. Il-kumpaniji kollha u dawk li jinvestu fihom se jkunu jistgħu jkejlu l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tar-riżorsi u jqabbluhom mal-livelli ta’ referenza. It-tkabbir ekonomiku u l-benessri se jkunu diżakkoppjati mir-riżorsi mdaħħlin fil-prodotti u primarjament jirriżultaw miż-żidiet fil-valur tal-prodotti u tas-servizzi marbutin magħhom.

Sabiex tippromwovi iktar konsum u produzzjoni sostenibbli, il-Kummissjoni:

· se ssaħħaħ ir-rekwiżiti dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (l-APE) għall-prodotti li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent; se tivvaluta jekk l-APE jistax jintrabat ma’ proġetti ffinanzjati mill-UE; u se tippromwovi l-akkwist konġunt u n-netwerks tal-uffiċjali tal-akkwist pubbliku sabiex jiġi appoġġat l-APE (fl-2012);

· se tistabbilixxi approċċ metodoloġiku komuni sabiex l-Istati Membri u s-settur privat ikunu jistgħu jivvalutaw, juru u jqabblu mal-livelli ta’ referenza l-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, tas-servizzi u tal-kumpaniji, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatti ambjentali tul iċ-ċiklu ta’ ħajja (“l-impronta ambjentali”) (fl-2012);

· se tindirizza l-impronta ambjentali tal-prodotti, billi tibni fuq validazzjoni li għaddejja bħalissa u li għandha titlesta fl-2012 u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, fosthom billi tistabbilixxi rekwiżiti skont id-Direttiva dwar l-ekodisinn, sabiex ikun xprunat l-użu effiċjenti tar-riżorsi materjali tal-prodotti (pereżempju kemm ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid jew jiġu rkuprati jew irriċiklati, il-kontenut irriċiklat u kemm ikunu jifilħu jintużaw) u billi jitwessa’ l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ekodisinn għal prodotti li ma jkollhomx x’jaqsmu mal-enerġija (fl-2012);

· se tiżgura li jkun hemm fehim aħjar tal-imġiba tal-konsumaturi u se tagħti tagħrif aħjar dwar l-impronta ambjentali tal-prodotti, fosthom billi tipprevjeni l-użu ta’ talbiet li jqarrqu bil-konsumatur u billi tirfina l-iskemi tat-tikkettar ekoloġiku (fl-2012);

· se tappoġġa l-użu tan-netwerks u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-aġenziji li jkunu qed imexxu skemi għall-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi (fuq bażi kontinwa).

Mill-2012 ’il quddiem, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri għandhom jivvalutaw:

· l-għażliet biex jiżdiedu l-inċentivi tas-suq għall-prodotti li jkunu ġenwinament favur l-ambjent;

· il-miżuri biex ir-responsabbiltà tal-produttur titwessa’ għaċ-ċiklu kollu ta’ ħajja tal-prodotti li jkun jagħmel (fosthom permezz ta’ mudelli ġodda tan-negozju, permezz ta’ gwida dwar l-iskemi ta' teħid lura u riċiklaġġ u l-appoġġ għas-servizzi ta’ tiswija);

· l-azzjonijiet li jtejbu kemm jista’ jkun l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-fażi tal-ippakkjar.

L-Istati Membri għandhom:

· idaħħlu fis-seħħ inċentivi li jistimolaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji biex ikejlu l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi, iqabbluha mal-livelli ta’ referenza u jtejbuha b’mod sistematiku (fuq bażi kontinwa);

· jgħinu lill-kumpaniji jaħdmu flimkien sabiex l-iskart u l-prodotti sekondarji li jipproduċu jibdew jintużaw bl-aħjar mod (pereżempju billi jisfruttaw is-simbjożi industrijali) (fuq bażi kontinwa);

· jiżguraw li l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jingħataw pariri u appoġġ sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jtejbu l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi u l-użu sostenibbli tal-materja prima (fuq bażi kontinwa);

· jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni biex jiżguraw li, sal-2020, is-Sustanzi ta’ Tħassib Serju Ħafna kollha rilevanti jitpoġġew fuq il-Lista tal-Kandidati tad-Direttiva dwar ir-REACH (fuq bażi kontinwa).

3.2. Indawru l-iskart f’riżorsa

Kull sena, fl-Unjoni Ewropea narmu 2.7 biljun tunnellata ta’ skart. Minn dan, 98 miljun tunnellata huma skart perikoluż. Bħala medja, 40 % biss mill-iskart solidu tagħna jintuża mill-ġdid jew jiġi rriċiklat, il-bqija jintefa’ kollu fil-miżbliet jew jinħaraq. B’mod ġenerali, fl-UE l-ġenerazzjoni tal-iskart qiegħda f’livell stabbli, iżda f’ċerti flussi tal-iskart, bħal dak mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini, il-ħama tad-dranaġġ u l-iskart tal-baħar, għadna qed noħolqu dejjem iżjed skart. L-iskart tat-tagħmir elettriku u elettroniku biss huwa mistenni jiżdied b’madwar 11 % bejn l-2008 u l-2014.

F’ċerti Stati Membri iktar minn 80 % tal-iskart huwa rriċiklat. Dan juri l-possibbiltà li l-iskart jintuża bħala wieħed mir-riżorsi ewlenin tal-UE. Il-fatt li wieħed itejjeb il-ġestjoni tal-iskart ifisser li jkun hemm użu aħjar tar-riżorsi u jista’ jiftaħ swieq ġodda u joħloq impjiegi ġodda, kif ukoll jinkuraġġixxi inqas dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-materja prima u inqas impatti fuq l-ambjent.

Jekk irridu nagħmlu l-iskart riżorsa li tista’ terġa’ tintuża fl-ekonomija bħala materja prima, allura rridu nagħtu ħafna iktar prijorità lill-użu mill-ġdid u lir-riċiklaġġ. Diversi politiki flimkien se jgħinu biex joħolqu ekonomija li tirriċikla kollox, bħad-disinn tal-prodotti li jintegra approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja, kooperazzjoni aħjar mill-partijiet interessati kollha tas-suq fil-katina tal-valur, proċessi aħjar tal-ġbir, qafas regolatorju xieraq, inċentivi għall-prevenzjoni tal-iskart u għar-riċiklaġġ tiegħu, kif ukoll investimenti pubbliċi f’faċilitajiet moderni għat-trattament tal-iskart u għar-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, l-iskart se jiġi mmaniġġat bħala riżorsa. L-iskart li kull individwu jiġġenera qed jonqos b’mod assolut. Ir-riċiklaġġ u l-użu huma għażliet ekonomikament attraenti għall-partijiet interessati mis-settur pubbliku u mis-settur privat minħabba l-ġbir separat li jsir kullimkien u l-iżvilupp ta’ swieq funzjonali għall-materja prima sekondarja. Iktar materjali, fosthom materjali li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent u l-materja prima kruċjali, se jkunu qed jiġu rriċiklati. Il-liġijiet dwar l-iskart se jkunu implimentati bis-sħiħ. It-trasport illegali tal-iskart se jkun inqered għal kollox. L-irkupru tal-enerġija se jkun limitat għall-materjali li ma jistgħux jiġu rriċiklati, ir-rimi fil-miżbliet se jkun spiċċa kważi għal kollox u se jkun żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja.

Il-Kummissjoni:

· se tistimula s-suq tal-materjali sekondarji u d-domanda għall-materjali rriċiklati permezz ta’ inċentivi ekonomiċi u billi tiżviluppa kriterji ta’ tmiem l-iskart (fl-2013/l-2014);

· se tirrevedi l-miri li diġà jeżistu għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ, l-irkupru u t-tneħħija tar-rimi fil-miżbliet, sabiex nimxu lejn ekonomija msejsa fuq l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, li ma jkollha kważi l-ebda skart residwu (fl-2014);

· se tivvaluta l-introduzzjoni ta’ rati minimi għall-materjal irriċiklat u ta’ kriterji dwar kemm il-materjali jkunu jifilħu jintużaw u kemm jistgħu jerġgħu jintużaw u t-twessigħ tar-responsabbiltà tal-produttur għall-prodotti ewlenin (fl-2012);

· se tivvaluta l-oqsma li fihom il-liġijiet dwar id-diversi flussi tal-iskart ikunu jistgħu jiġu allinjati sabiex tiżdied il-koerenza (fl-2013/l-2014);

· se tkompli taħdem, fl-UE u mal-imsieħba internazzjonali, sabiex jinqered għal kollox it-trasport illegali tal-iskart, b’attenzjoni speċjali tingħata lill-iskart perikoluż;

· se tiżgura li l-fondi pubbliċi mill-baġit tal-UE jagħtu prijorità lil attivitajiet li qegħdin iktar ’il fuq fil-ġerarkija tal-iskart kif iddefinita fid-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart (pereżempju billi tingħata prijorità lill-impjanti tar-riċiklaġġ minflok lir-rimi tal-iskart) (fl-2012/l-2013);

· se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-ġbir u t-trattament tal-iskart fost l-Istati Membri u se tiżviluppa miżuri sabiex jiġi miġġieled b’mod iktar effettiv il-ksur tar-regoli tal-UE dwar l-iskart (fl-2013/l-2014).

L-Istati Membri għandhom:

· jiżguraw li l-acquis tal-UE dwar l-iskart, fosthom il-miri minimi, jkun implimentat għal kollox permezz tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart (fuq bażi kontinwa).

3.3. Nappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni

Il-bidla għal ekonomija ekoloġika b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju se tkun teħtieġ innovazzjoni sinifikanti, minn bidliet żgħar imsejsa fuq xulxin għal żviluppi teknoloġiċi ewlenin.

Fl-istess ħin għandna bżonn ta’ bażi tal-għarfien iktar komprensiva u iktar kredibbli dwar kif is-sistemi naturali jirreaġixxu għall-pressjonijiet differenti li aħna nitfgħuhom taħthom. Ir-riċerka bażika u dik applikata għandha tidentifika l-isfidi u tmexxi l-azzjonijiet, fosthom ir-riċerka magħmula fil-kuntest tax-xjenzi soċjali sabiex jiġi żviluppat il-fehim tagħna tal-imġiba.

Sabiex tingħata din l-ispinta lir-riċerka u lill-innovazzjoni, jeħtieġ li jkun implimentat is-sett it-tajjeb ta’ inċentivi sabiex is-settur privat ikun jista’ jinvesti aktar f’riċerka u innovazzjoni li jkunu jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti. Il-miżuri marbutin mad-domanda se jgħinu biex joħolqu l-inċentivi għall-innovazzjoni ekoloġika billi jibnu s-swieq għaliha. Hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet ċari ta’ qafas sabiex tiżdied iċ-ċertezza tal-investituri u biex il-kumpaniji li jkunu qed jinvestu f’affarijiet ekoloġiċi li huma meqjusa bħala iktar riskjużi jew li l-qligħ minnhom ikun se jdum iktar ma jittieħed ikollhom aċċess aħjar għall-finanzi.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, l-iżviluppi xjentifiċi u l-isforzi kontinwi tal-innovazzjoni se jkunu tejbu drammatikament il-mod kif nifhmu, nimmaniġġaw, innaqqsu l-użu, nużaw mill-ġdid, nirriċiklaw, nibdlu u nħarsu u nivvalutaw ir-riżorsi. Dan se jkun sar possibbli permezz ta’ żidiet sostanzjali fl-investimenti, permezz tal-koerenza hija u tiġi indirizzata l-isfida tas-soċjetà marbuta mal-użu effiċjenti tar-riżorsi, mat-tibdil fil-klima u mar-reżistenza, u permezz ta’ qligħ li jkun ġej mill-ispeċjalizzazzjoni u mill-kooperazzjoni intelliġenti fi ħdan iż-żona Ewropea tar-riċerka.

Flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri:

· se jistabbilixxu qafas xieraq u sett ta’ inċentivi biex tingħata spinta lill-investiment tas-settur privat fir-riċerka u l-innovazzjoni favur użu effiċjenti tar-riżorsi (fuq bażi kontinwa).

Il-Kummissjoni:

· se tiżviluppa “Sħubijiet għall-Innovazzjoni” sabiex tilħaq il-miri għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, pereżempju għall-ilma, il-materja prima u l-agrikultura produttiva u sostenibbli (mill-2011 ’il quddiem);

· se tiżviluppa inizjattivi teknoloġiċi konġunti jew tipi oħra ta’ sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll inizjattivi għall-ipprogrammar konġunt li jiġbru flimkien l-isforzi nazzjonali tar-riċerka fl-oqsma tal-użu effiċjenti tar-riżorsi (fuq bażi kontinwa);

· se tindirizza l-ostakli għall-innovazzjoni ekoloġika (fl-2011);

· se tiffoka l-fondi tar-riċerka tal-Unjoni (l-Orizzonti tal-UE għall-2020) dwar l-għanijiet ewlenin tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, billi tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi għal: enerġija, trasport u bini sostenibbli; ġestjoni tar-riżorsi naturali; preservazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi u tal-bijodiversità; agrikoltura aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u bijoekonomija usa’; estrazzjoni tal-materjali b'mod ekoloġiku; riċiklaġġ, użu mill-ġdid, sostituzzjoni tal-impatt ambjentali jew tal-materjali skarsi, prodotti tal-plastik b’disinn aktar intelliġenti, kimika ekoloġika u b'inqas impatt u li jkunu bijodegradabbli

L-Istati Membri għandhom:

· jiffukaw il-fondi tar-riċerka pubblika fuq l-għanijiet ewlenin tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi (fuq bażi kontinwa).

3.4. Is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-wasla għall-prezz it-tajjeb

Il-prezzijiet tas-suq huma l-ħaġa li tiggwida, b’mod ewlieni, l-għażliet tax-xiri u d-deċiżjonijiet dwar l-investiment, iżda dawn mhux bil-fors ikunu jirriflettu l-ispejjeż reali tal-użu tar-riżorsi u l-impatti ambjentali tagħhom. Barra minn hekk, jista’ jkun li l-gvernijiet jgħawġu apposta l-prezzijiet permezz tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, li jagħtu vantaġġ lil ċerti konsumaturi, utenti jew produtturi, sabiex jiġi ssupplimentat id-dħul tagħhom jew jonqsulhom l-ispejjeż imma li, huma u jagħmlu dan, jiddiskriminaw kontra prattiki ambjentali tajbin[8].

3.4.1. It-tneħħija gradwali tas-sussidji li mhumiex effiċjenti

Is-sussidji li jista’ jkollhom impatti negattivi fuq l-ambjent, b’mod partikulari fl-oqsma tal-fjuwils fossili, tat-trasport u tal-ilma, huma stmati li jiswew għadd globali totali ta’ USD 1 triljun fis-sena. Is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent iwasslu għal livelli ogħla ta’ skart, ta’ emissjonijiet u ta’ estrazzjoni tar-riżorsi jew iwasslu għal impatti negattivi fuq il-bijodiversità. Huma jistgħu jżommu fis-seħħ prattiki li mhumiex effiċjenti u ma jippermettux lin-negozji jinvestu f’teknoloġiji ekoloġiċi. It-tali sussidji jistgħu jkunu ta’ tipi differenti. Eżempji tagħhom huma t-tnaqqis fit-taxxa u l-eżenzjonijiet mit-taxxa.

Li wieħed jimxi lil hinn mis-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent jista’ jwassal għal benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali u jippermetti li jkun hemm aktar kompetittività. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011[9], l-Istati Membri diġà ġew mistiedna jeliminaw is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent sabiex jappoġġaw il-konsolidament tal-baġit. Fil-proċess tat-tneħħija tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, jista’ jkun hemm bżonn ta’ arranġamenti oħrajn li jtaffu l-effetti tal-proċess għas-setturi ekonomiċi, ir-reġjuni u l-ħaddiema l-iktar affettwati, jew biex tiġi ttrattata l-povertà tal-enerġija, kif ukoll għandu jitqies l-impatt tal-ispustament possibbli tal-produzzjoni lejn pajjiżi oħrajn.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent se jkunu tneħħew gradwalment filwaqt li jitqies kif xieraq l-impatt fuq in-nies fil-bżonn.

3.4.2. Il-wasla għall-prezz it-tajjeb u l-bidla fid-direzzjoni tal-piż tat-taxxa

Is-suq diġà qed jindika l-iskarsezza ta’ ċerti riżorsi permezz ta’ prezzijiet dejjem jogħlew tal-prodotti bażiċi u n-negozji qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar mal-bżonn urġenti li jadattaw ruħhom sabiex iżommu ruħhom kompetittivi, l-iktar fil-kuntest internazzjonali. Madankollu, jista’ jkun li l-kost tal-aspetti esterni jibqa’ ma jiġix indirizzat u li għal għadd ta’ riżorsi, it-tali sinjali jaslu tard wisq biex inkunu nistgħu nevitaw l-isfruttament mhux sostenibbli tagħhom. L-inċidenza ġenerali tat-tassazzjoni ħafna drabi jkollha impatt fuq il-prezzijiet b’mod li tiffavorixxi l-użu tar-riżorsi minflok ma żżid l-impjiegi fl-ekonomija.

L-istrumenti bbażati fuq is-suq għandhom rwol importanti fil-korrezzjoni tan-nuqqasijiet tas-suq, pereżempju billi jintroduċu taxxi ambjentali, miżati, skemi ta’ permessi li jistgħu jiġu nnegozjati, inċentivi fiskali favur konsum li jkun aktar favur l-ambjent u strumenti oħrajn. Il-politiki l-ġodda għandhom jgħinu biex ikunu allinjati l-prezzijiet tar-riżorsi li ma jkunux ingħataw il-valur ix-xieraq tagħhom fis-suq, bħall-ilma, l-arja nadifa, l-ekosistemi, il-bijodiversità u r-riżorsi tal-baħar. Jista’ jkun hemm bżonn li dawn ikunu jiffurmaw parti minn approċċ usa’ li jinvolvi r-regolazzjoni, pereżempju f’każijiet fejn ir-riżorsi jkunu oġġetti ta’ wirt komuni.

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011[10] u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2011[11] diġà qed jenfasizzaw il-fatt li t-tassazzjoni trid tinbidel biex flok tibqa’ ffukata fuq ix-xogħol tibda tixpruna t-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi. F’dan il-kuntest għandhom rwol importanti “ir-riformi ekoloġiċi tat-taxxa”, li jikkonsistu fil-fatt li wieħed iżid is-sehem tat-taxxi ambjentali, filwaqt li jnaqqas dak ta’ oħrajn. It-tassazzjoni ambjentali tista’ tallinja wkoll l-isforzi favur il-konsolidament fiskali mal-iffaċilitar tar-ristrutturar sabiex naslu għal ekonomija li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Madankollu, mill-1999 lil hawn, b’mod ġenerali, is-sehem medju tat-tassazzjoni ambjentali mid-dħul totali mit-taxxa fl-UE kien qed jonqos, u fl-2009 dan laħaq livell ta’ 6.3 %[12].

Xi Stati Membri kisbu, permezz ta’ passi varji ta’ riformi fit-taxxa ambjentali, sehem ta’ aktar minn 10 % f’taxxi totali mid-dħul mit-taxxa ambjentali, filwaqt li fl-istess ħin żammew id-dħul fiskali u tejbu l-kompettività u l-effiċjenza enerġetika. Dan juri li huwa possibbli li t-tassazzjoni tkun aktar fuq attivitjiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent fi ħdan qafas ekonomiku sod. Madankollu, biex tkun il-bidla fis-sinjali tal-prezzijiet meħtieġa għall-inkoraġġiment ta' iktar investiment fl-użu effiċjenti tar-riżorsi tkun imkejla b’mod aktar effiċjenti, jista’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ indikatur addizzjonali, bar-rata effettiva tat-taxxa fuq it-tniġġis ambjentali jew l-użu tar-riżorsi.

Il-pass ewlieni: Sal-2020 bidla kbira fit-tassazzjoni li għandha tintaxxa inqas ix-xogħol u timxi lejn tip ta’ tassazzjoni ambjentali, inkluż permezz ta’ aġġustamenti regolari f’rati reali, se twassal għal żieda sostanzjali fis-sehem tat-taxxi ambjentali fid-dħul pubbliku skont l-aqwa prassi tal-Istati Membri.

Sabiex tindirizza l-kwistjonijiet tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u ta’ sinjali aħjar mill-prezzijiet, il-Kummissjoni:

· se timmonitorja, permezz tas-Semestru Ewropew, l-azzjonijiet ta’ segwitu tal-Istati Membri għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż dwar riforma fiskali li tiffavorixxi l-bidla mit-taxxi fuq ix-xogħol għat-taxxi fuq l-impatti ambjentali u t-tneħħija gradwali tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent mill-2012 ’il quddiem;

· se tippromwovi l-iskambju regolari tal-aħjar prattiki u r-reviżjonijiet bejn il-pari dwar ir-riforma tas-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u dwar l-istrumenti bbażati fuq is-suq bejn l-Istati Membri, b’mod partikulari fil-kuntest tal-Forum dwar l-istrumenti bbażati fuq is-suq u tal-Grupp tal-Politika tat-Tassazzjoni (fuq bażi kontinwa);

· se tivvaluta kif ġiet implimentata l-għajnuna mill-istat għal miżuri mmirati lejn iż-żieda tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u sa fejn l-għanijiet tal-użu effiċjenti tar-riżorsi għandhom ikunu msaħħa fir-reviżjonijiet tal-linji gwida rilevanti dwar l-għajnuna mill-istat mill-2013;

· se tkompli taħdem biex ittejjeb l-indikaturi dwar l-użu tat-taxxi fuq it-tniġġis u fuq ir-riżorsi.

L-Istati Membri għandhom:

· jidentifikaw is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent li huma l-iktar importanti skont metodi stabbiliti (sal-2012);

· iħejju pjanijiet u skedi taż-żmien sabiex ineħħu gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u jirrappurtaw dwarhom fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom (sal-2012/l-2013);

· jibdlu t-tassazzjoni minn waħda ffukata fuq ix-xogħol għal waħda ffukata fuq l-impatti ambjentali, (fuq bażi kontinwa);

· jirrevedu l-politiki u l-istrumenti fiskali tagħhom bil-għan li jiġi appoġġat, b’mod iktar effettiv, l-użu effiċjenti tar-riżorsi u, f’dan il-kuntest, jaħsbu dwar inċentivi li jappoġġaw l-għażliet tal-konsumaturi u l-azzjonijiet tal-produtturi li jkunu favur l-użu effiċjenti tar-riżorsi (sal-2013).

4. Il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi 4.1. Is-servizzi tal-ekosistemi

Il-prosperità ekonomika u l-benessri tagħna jiddependu fuq il-kapital naturali tagħna, fosthom l-ekosistemi li jagħtuna sensiela ta’ prodotti u servizzi essenzjali – mill-ħamrija għammiela sal-artijiet u l-ibħra produttivi, mill-ilma ħelu u l-arja nadifa sad-dakkir, il-kontroll tal-għargħar u r-regolazzjoni tal-klima. Ħafna minn dawn is-servizzi tal-ekosistemi jintużaw kważi bħallikieku l-provvista tagħhom mhijiex limitata. Huma jiġu ttrattati bħala prodotti li huma “b’xejn”, il-valur ekonomiku tagħhom mhuwiex meqjus sewwa fis-suq u għalhekk qed ikomplu jiġu eżawriti jew jitniġġsu iktar. Dan qed jhedded is-sostenibbiltà fit-tul u r-reżistenza tagħna għax-xokkijiet ambjentali.

F’dawn l-aħħar 50 sena, 60 % mis-servizzi tal-ekosistemi tad-dinja ġew iddegradati . Fl-UE, 88 % mill-istokkijiet tal-ħut ġew mistada ferm iktar mil-limiti tal-produzzjoni massima sostenibbli tagħhom u 11 % biss mill-ekosistemi protetti jinsabu fi stat favorevoli.

L-iżgurar ta’ provvista fit-tul tal-prodotti u s-servizzi essenzjali tal-ekosistemi jfisser li rridu nagħtu l-valur it-tajjeb lill-kapital naturali tagħna. L-investiment fil-kapital naturali, bħal dak fl-infrastruttura ekoloġika, ħafna drabi jwassal għal qligħ akbar milli dak f’alternattivi mibnija jew immanifatturati, bi spejjeż inqas għoljin fil-bidu.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistemi se jkunu mogħtija l-valur it-tajjeb tagħhom u se jitqiesu kif xieraq mill-awtoritajiet pubbliċi u min-negozji.

Il-Kummissjoni:

· se tippromwovi l-użu ta’ strumenti finanzjarji u bbażati fuq is-suq innovattivi u tesplora l-potenzjal usa’ tagħhom, inkluż l-istabbiliment possibbli ta’ faċilità tal-finanzjament tal-bijodiversità u pagamenti għal servizzi dwar l-ekosistemi, biex tindirizza l-isfidi għall-ekosistemi u l-bijodiversità fuq il-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, b'mod partikolari f'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u permezz ta’ Sħubijiet Pubbliċi-Privati (fuq bażi kontinwa);

· se tressaq proposti sabiex jitrawwem l-investiment fil-kapital naturali u jittieħed il-potenzjal kollu għat-tkabbir u l-innovazzjoni tal-infrastruttura ekoloġika u tal-“ekonomija tar-restawr” permezz ta’ Komunikazzjoni dwar l-infrastruttura ekoloġika (fl-2012) u inizjattiva biex ma jkun hemm l-ebda telf nett (fl-2015).

Flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom:

· jiddeskrivu l-qagħda tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom (sal-2014);

· jivvalutaw il-valur ekonomiku tagħhom u jippromwovu l-integrazzjoni ta’ dawn il-valuri fis-sistemi tal-kontabbiltà u tar-rappurtar fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali (fuq bażi kontinwa);

· jaħdmu mal-partijiet interessati sabiex in-negozji jiġu nkuraġġiti jivvalutaw kemm jiddependu fuq is-servizzi tal-ekosistemi, filwaqt li jibnu fuq il-Pjattaforma tal-UE għall-bijodiversità u n-negozji (fuq bażi kontinwa).

4.2. Il-bijodiversità

Ħafna mill-ekosistemi tagħna jissejsu fuq il-bijodiversità, li hija vitali għar-reżistenza tagħhom. It-telf tal-bijodiversità jista’ jdgħajjef l-ekosistema, jikkomprometti l-għoti tas-servizzi tal-ekosistemi u jagħmel l-ekosistema ħafna iktar vulnerabbli għax-xokkijiet ambjentali. Ir-restawr tal-ekosistemi li jkunu ġew iddegradati jiswa ħafna flus u xi kultant il-bidliet li jkunu saru ma jkunux jistgħu jitreġġgħu lura.

Ġie stmat li, sal-2050, l-opportunitajiet globali tan-negozju li jiddependu fuq il-bijodiversità u fuq l-ekosistemi li jissejsu fuqha jista’ jkollhom valur ta’ bejn USD 800 biljun u USD 2 300 biljun fis-sena. Madankollu, fil-prattika, fil-livell operattiv, fit-teħid tad-deċiżjonijiet il-valur tal-bijodiversità għadu qed jibda jitqies issa. Jekk irridu nżommu l-bijodiversità, din għandha ssir ħaġa komuni.

L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-bijodiversità għall-2020 tistabbilixxi l-għodod ewlenin tal-politika sabiex niksbu dan l-għan u sabiex jitreġġgħu lura x-xejriet fit-telf tal-bijodiversità li rajna f’dawn l-aħħar ġenerazzjonijiet.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, se jkunu twaqqfu t-telf tal-bijodiversità fl-UE u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi u, safejn ikun possibbli, il-bijodiversità se tkun ġiet irrestawrata.

Il-Kummissjoni:

· se ssaħħaħ, b’mod sinifikanti, l-isforzi tagħha biex tintegra l-ħarsien tal-bijodiversità u l-azzjonijiet favur l-ekosistemi fil-politiki l-oħra tal-Komunità, speċjalment f’dawk dwar l-agrikultura u s-sajd (fuq bażi kontinwa).

Flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri:

· se jaħdmu biex jilħqu l-għanijiet tal-Israteġija għall-Bijodiversità billi jintegraw il-valur tas-servizzi tal-ekosistemi fit-tfassil tal-politika (fuq bażi kontinwa).

4.3. Il-minerali u l-metalli

Iktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi naturali, bħall-metalli u l-minerali, hija aspett essenzjali tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Ir-riskji speċifiċi tagħhom, fosthom is-sigurtà tal-provvista, huma ttrattati fl-Inizjattiva dwar il-Materja Prima, kif ukoll fil-politiki dwar il-klima u l-enerġija mogħtija fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewlenija għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, u għalhekk mhux se jiġu diskussi f’ħafna dettall f’din it-taqsima, minkejja li l-interazzjoni tal-użu tagħhom mar-riżorsi l-oħrajn hija rikonoxxuta.

Aħna u nimxu lejn ġestjoni tal-materjali sostenibbli li hija bbażata verament fuq il-konsum, jiġifieri lejn “ekonomija ċirkolari”, li fiha l-iskart isir riżorsa, se naslu wkoll għal użu iktar effiċjenti tal-minerali u tal-metalli. Il-passi deskritti fit-taqsima 3 ta’ dan il-pjan direzzjonali se jkollhom impatt dirett fuq l-effiċjenza tar-riżorsi tal-minerali u tal-metalli, permezz ta’ miżuri sabiex jitqiesu aktar l-impatti tul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott u sabiex jiġi evitat l-iskart u jkun hemm iktar riċiklaġġ u użu mill-ġdid, permezz ta’ riċerka u innovazzjoni mtejbin u permezz ta’ miżuri oħrajn sabiex jittejbu l-istrutturi tas-suq.

4.4. L-ilma

L-ilma huwa riżors importanti ħafna għas-saħħa tal-bniedem u huwa essenzjali għall-agrikultura, it-turiżmu, l-industrija, it-trasport u l-enerġija. In-nuqqas ta' disponibbiltà tal-ilma jkollu impatt kruċjali fuq l-enerġija mill-impjanti idroelettriċi u fuq it-tkessiħ tal-impjanti nukleari u tal-impjanti termali tal-elettriku.

L-istatus ambjentali tajjeb u s-saħħa taċ-ċittadini jiddependu fuq il-kwalità u d-disponibbiltà ta’ ilma frisk. Madankollu, dawn qed jonqsu. It-tibdil fil-klima mistenni jżid in-nuqqas tal-ilma kif ukoll l-intensità u l-frekwenza tal-għargħar. Ħafna mill-baċiri tax-xmajjar u mill-ilmijiet fl-Ewropa nbidlu minħabba l-estrazzjoni tal-ilma, it-tinxif tal-artijiet mgħaddrin u l-bini tad-digi, li ħafna drabi wasslu għal kwalità baxxa tal-ilma b'effetti ekoloġiċi negattivi kbar, impatti possibbli fuq is-saħħa u spazju limitat għall-ħabitats naturali.

20 % sa 40 % tal-ilma fl-Ewropa jinħela u l-effiċjenza fl-użu tal-ilma tista’ tittejjeb b’40 % permezz tat-titjib teknoloġiku biss[13]. Approċċ imtejjeb għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma jeħtieġ koordinazzjoni mill-qrib mal-politiki tal-agrikultura, tat-trasport, tal-iżvilupp reġjonali u tal-enerġija, kif ukoll ipprezzar effettiv u ġust tal-ilma kif inhu meħtieġ mid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma. Il-bidliet fl-ekosistemi, fl-użu tal-artijiet, fix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum tal-ilma u tal-użu mill-ġdid jistgħu jnaqqsu l-iskarsezza tal-ilma u jiżguraw li l-ilma jkun ta’ kwalità tajba b’mod kosteffiċjenti.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, il-Pjanijiet kollha għall-Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma se jkunu ilhom li ġew implimentati. Fl-2015 se jkun intlaħaq stat tajjeb tal-ilmijiet fil-baċiri kollha tax-xmajjar tal-UE, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità, mal-kwantità u mal-użu tal-ilma. L-impatti tan-nixfiet u tal-għargħar se jkunu tnaqqsu kemm jista’ jkun u se jkun hemm għelejjel adattati għalihom, ħamrija li żżomm iktar ilma fiha u tisqija effiċjenti. Se nkunu niddependu fuq l-għażliet alternattivi għall-provvista tal-ilma biss meta l-opportunitajiet kollha l-oħra għall-iffrankar li jkunu irħas ikunu ttieħdu. L-estrazzjoni tal-ilma għandha tibqa’ f’livell li jkun inqas minn 20 % tar-riżorsi disponibbli tal-ilma li huma rinnovabbli.

Il-Kummissjoni: · se tkompli tintegra l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-politika dwar l-ilma, u pjan iddettaljat sabiex l-ilma tal-Ewropa jiġi ssalvagwardjat se jiddefinixxi strateġija kosteffiċjenti (xogħol li diġà għaddej); · se tivvaluta l-Pjanijiet għall-Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar tal-Istati Membri sabiex tidentifika l-oqsma fejn ikun għad hemm bżonn ta’ iktar azzjonijiet (fl-2011); · se tivvaluta u tipproponi (fl-2012): – miri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma u miżuri aħjar għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma (pereżempju l-kejl intelliġenti bil-miter, rekwiżiti obbligatorji għat-tagħmir li juża l-ilma, linji gwida għall-użu mill-ġdid tal-ilma, it-tnaqqis tat-tnixxijiet fl-infrastruttura tal-ilma, l-iffrankar tal-ilma fit-tisqija, eċċ.); – ġestjoni aħjar tad-domanda permezz ta’ strumenti ekonomiċi (l-ipprezzar, l-allokazzjoni tal-ilma) u l-użu ta’ skemi tat-tikkettar u taċ-ċertifikazzjoni li jkejlu l-impatt fuq iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ prodott u l-kontenut virtwali tal-ilma tal-prodotti; – kandidat għal Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-ilma. L-Istati Membri għandhom: · jistabbilixxu miri għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma għall-2020 fil-livell tal-baċiri tax-xmajjar, b’miżuri xierqa li jikkumplimentawhom, ibbażati fuq metodu komuni tal-UE li jqis is-sitwazzjonijiet differenti fis-setturi ekonomiċi u fiż-żoni ġeografiċi kollha.

4.5. L-arja

L-arja nadifa hija riżorsa prezzjuża. Fiż-żoni bl-ikbar densità tal-popolazzjoni tal-UE, diversi standards marbutin mal-kwalità tal-arja qed jinqabżu bil-kbir, l-iktar minħabba s-sustanzi li jniġġsu li joħolqu l-ikbar ammont ta’ problemi bħall-materja tal-partikoli, l-ożonu fil-livell tal-art u d-dijossidu tan-nitroġenu. Minkejja l-isforzi l-kbar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-sustanzi li jniġġsu, il-konċentrazzjonijiet attwali ta’ partikoli fini jwasslu għal 500 000 mewta qabel il-waqt kull sena fl-UE u fil-pajjiżi ta’ madwarha[14]. Studji oħrajn urew li l-għadd ta’ ġranet tax-xogħol li ntilfu minħabba mard ikkawżat mit-tniġġis tal-arja huwa ikbar mill-għadd ta’ ġranet tax-xogħol meħtieġa sabiex jitħallsu l-miżuri addizzjonali biex jitnaqqsu s-sustanzi li jniġġsu.

L-ekosistemi u l-agrikultura jsofru wkoll, b’mod sinifikanti, minn impatti ta’ affarijiet imxerrda bl-arja bħall-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ħsara lill-ħxejjex ikkawżata mill-ożonu. L-ispiża ekonomika annwali għall-2020 ġiet stmata li se tkun ta’ EUR 537 biljun[15].

Implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti u standards ġodda bbażati fuq ix-xjenza se jgħinu biex jiġu indirizzati dawn il-problemi u biex jiggwidaw l-innovazzjoni. Bi żminijiet xierqa ta’ tmexxija, u permezz ta’ azzjonijiet oħra f’dan il-pjan direzzjonali, pereżempju permezz ta’ tnaqqis fl-iskart, permezz ta’ metodi tal-produzzjoni iktar effiċjenti u permezz ta’ azzjoni fil-politika agrikola u fis-settur tat-trasport, dawn jistgħu jiżguraw benefiċċji għall-kwalità tal-arja mill-bidla għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Il-pass ewlieni: Sal-2020 se jkunu ntlaħqu l-istandards temporanji tal-UE marbutin mal-kwalità tal-arja, fosthom dawk fiż-żoni urbani l-iktar imniġġsin, u dawk l-istandards se jkunu ġew aġġornati u se jkunu ġew iddefiniti miżuri addizzjonali sabiex inkomplu nersqu lejn l-għan aħħari li nilħqu livelli tal-kwalità tal-arja li ma jkollhomx impatti sinifikanti fuq is-saħħa u fuq l-ambjent.

Il-Kummissjoni: · se twettaq reviżjoni komprensiva tal-politiki kollha tal-UE marbutin mat-tniġġis tal-arja (sal-2013); · se tipproponi strateġija aġġornata li tmur lil hinn mill-2020, li tivvaluta l-ambitu għall-użu ta’ standards marbutin mal-kwalità tal-arja u mal-emissjonijiet u ta’ miżuri oħrajn biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-sorsi ewlenin (fl-2013); · se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ miżuri eżistenti li jgħinu biex jiġu solvuti problemi persistenti fil-kwalità tal-arja. L-Istati Membri għandhom: · iżidu r-rata ta’ implimentazzjoni tagħhom tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kwalità tal-arja (fuq bażi kontinwa).

4.6. L-art u l-ħamrija

Fl-UE, ta’ kull sena jittieħdu iktar minn 1 000 kilometru kwadru ta’ art għad-djar, għall-industrija, għat-toroq jew għal finijiet ta’ rikreazzjoni. Madwar nofs dan l-ammont jiġi, fil-fatt, “issiġġillat”[16]. Id-disponibbiltà tal-infrastruttura tvajra ħafna bejn ir-reġjuni, iżda, b’kollox, kull għaxar snin ngħattu erja tal-wiċċ li hija daqs Ċipru. Jekk irridu nilħqu stat fejn ma tittieħed ebda art netta sal-2050, u nimxu ma’ linja dritta, se jkollna nnaqqsu t-teħid tal-art għal medja ta’ 800 kilometru kwadru kull sena fil-perjodu mill-2000 sal-2020. F’ħafna reġjuni, il-ħamrija tgħawret b’mod li ma jistax jitreġġa’ lura jew inkella għandha kontenut baxx ta’ materja organika. It-tniġġis tal-ħamrija wkoll huwa problema serja.

L-art kważi dejjem tintuża b’kompromess bejn id-diversi ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali (pereżempju l-ħtiġijiet għad-djar, għall-infrastruttura tat-trasport, għall-produzzjoni tal-enerġija, għall-agrikultura u għall-ħarsien tan-natura). Id-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art huma impenji li jittieħdu fit-tul li diffiċli jitreġġgħu lura jew li jiswew ħafna biex isir dan. Dal-ħin, dawn id-deċiżjonijet ħafna drabi jittieħdu mingħajr analiżi sewwa, minn qabel, tat-tali impatti, pereżempju permezz ta’ Valutazzjoni Ambjentali Strateġika. Ir-riformi fil-politika tal-UE dwar l-agrikultura, l-enerġija, it-trasport u l-koeżjoni se jipprovdu l-opportunità li jiġu stabbiliti l-qafas u l-inċentivi t-tajba biex dan l-għan jintlaħaq mill-awtoritajiet pubbliċi u mis-sidien tal-artijiet.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, il-politiki tal-UE se jkunu jqisu l-impatt dirett u indirett tagħhom fuq l-użu tal-art fl-UE u fid-dinja, u r-rata tat-teħid tal-art se tkun miexja fit-triq it-tajba bl-għan li, sal-2050, ma tkun qed tittieħed ebda art netta; l-erożjoni tal-ħamrija se tkun tnaqqset, il-materja organika fil-ħamrija se tkun żdiedet u x-xogħol ta’ rimedju fis-siti mniġġsin se jkun miexi sewwa.

Il-Kummissjoni:

· se tiżviluppa aktar il-bażi tal-għarfien xjentifiku dwar il-materjal li għandu x’jaqsam mal-ħajja, dwar l-effetti u x-xejriet fl-użu tal-art u dwar l-ippjanar tal-ispazju, fosthom l-impatti fil-livell dinji u l-effetti fuq l-imsieħba fin-negozju, u se tenfasizza l-aħjar prattiki fl-Istati Membri, biex imbagħad toħroġ Komunikazzjoni dwar l-użu tal-art (fl-2014);

· se tindirizza l-bidla indiretta fl-użu tal-art li tiġi, b’mod speċjali, mill-politika dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli (fuq bażi kontinwa);

· se tippubblika linji gwida dwar l-aħjar prattiki biex jiġi llimitat is-siġillar tal-ħamrija, biex dan jittaffa jew biex ikun hemm kumpens għalih b’xi mod (sal-2012);

· se tinkludi kunsiderazzjonijiet usa’ dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi hija u tirrevedi d-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali (fl-2012).

· se tipproponi kandidat għal Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (fl-2011) dwar il-produttività u s-sostenibbiltà fl-agrikultura li jkollha l-għan, fost l-oħrajn, li tiżgura l-funzjonalità tal-ħamrija f'livell sodisfaċenti (sal-2020).

L-Istati Membri għandhom:

· jintegraw aħjar l-użu dirett u indirett tal-art u l-impatti ambjentali ta’ dan l-użu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u jillimitaw it-teħid tal-art u s-siġillar tal-ħamrija safejn ikun possibbli (fuq bażi kontinwa);

· jimplimentaw l-azzjonijiet meħtieġa sabiex titnaqqas l-erożjoni tal-ħamrija u tiżdied il-materja organika fiha (fuq bażi kontinwa);

· jistabbilixxu inventarju tas-siti mniġġsin u skeda għax-xogħol ta’ rimedju (sal-2015).

4.7. Ir-riżorsi tal-baħar

L-ambjent tal-baħar fih opportunitajiet ekonomiċi f’medda wiesgħa ta’ setturi bħall-estrazzjoni tal-minerali, il-farmaċewtiċi, il-bijoteknoloġija u l-enerġija. L-ambjent tal-baħar jipprovdi wkoll servizzi ewlenin tal-ekosistemi bħall-funzjonijiet naturali regolatorji li jgħinu biex jiġu miġġieldin it-tibdil fil-klima u l-erożjoni bil-mod tal-kosta. Il-pressjonijiet fuq dawn is-sistemi, fosthom mill-fatt li s-sustanzi li jniġġsu li jkunu jinsabu fl-ilma ħelu jiskulaw għal ġol-baħar, għadhom severi , anke jekk f’xi każijiet qegħdin jonqsu. Hemm nuqqas ta’ ġestjoni koerenti tal-ispazju tal-baħar li diġà qed jaffettwa il-possibilitajiet tagħna li nibbenefikaw mill-attivitajiet marittimi. L-użu ta' strumenti tal-ippjanar spazjali f'żoni tal-baħar għandu jikkontribwixxi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi.

L-eżawriment tal-istokkijiet tal-ħut għandu konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji għaż-żoni ta’ mal-kosta u jikkontribwixxi għal iktar telf tal-bijodiversità billi jħarbat is-sistemi, filwaqt li t-tniġġis tal-baħar u t-tibdil fil-klima jwasslu għal sfidi oħrajn (bħal, pereżempju, l-aċidifikazzjoni). Il-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE u l-Politika Marittima Integrata tal-UE qegħdin ipoġġu s-sostenibbiltà fil-qalba tal-għanijiet tagħhom, sabiex ikun żgurat użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar mill-operaturi kollha fil-katina tal-valur.

Iktar minn miljun għasfur u 100,000 annimal mammiferu tal-baħar u fkieren tal-baħar imutu kull sena minħabba l-iskart magħmul mill-plastik u ħmieġ ieħor tal-baħar. Fatturi bħall-iskart tal-baħar u t-trattament tad-dranaġġ urban jaggravaw ħafna t-tniġġis f’ċerti ibħra madwar l-Ewropa. Sabiex jiġu indirizzati t-tali pressjonijiet, id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima tipprovdi dispożizzjonijiet biex jinkiseb stat ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar.

Il-pass ewlieni: Sal-2020 se jkun inkiseb stat ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar kollha tal-UE u sal-2015 is-sajd se jkun qed isir fil-limiti tal-produzzjoni massima sostenibbli.

Il-Kummissjoni: · se timmira li tiżgura li jkun hemm ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-kuntest tal-aħħar proposti li għamlet biex issir riforma tal-politika komuni tas-sajd; · se tagħmel iktar proposti sabiex jitneħħew bil-mod il-mod is-sussidji kollha mogħtija fil-qasam tas-sajd li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent; · se tikkontribwixxi sabiex jitħares il-kapital naturali tal-baħar u ta’ mal-kosta billi tipproponi miżuri tal-politika dwar il-ġestjoni u l-ippjanar (fl-2012), kif ukoll billi tkompli tappoġġa b’mod kontinwu l-proġetti tal-għarfien u tal-wiri; · se tippromwovi strateġiji bbażati fuq l-ekosistemi u tintegra r-riskju marbut mal-klima fl-attivitajiet marittimi (Komunikazzjoni fl-2012 imsejħa “L-adattament mal-kosta u fil-baħar għat-tibdil fil-klima”); · se tappoġġa l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u tidentifika opportunitajiet innovattivi tan-negozju fl-ekonomija marittima u ta’ mal-kosta (Komunikazzjoni fl-2012 dwar “It-tkabbir marittimu”). · se tikkontribwixxi għall-istrateġiji dwar l-iskart tal-baħar fl-erba’ reġjuni marittimi kollha tal-UE, filwaqt li tikkollabora mill-qrib mal-Istati Membri ta’ mal-kosta jew fil-Konvenzjoni rispettiva dwar l-ibħra reġjonali (fl-2012); · se tappoġġa lill-Istati Membri billi tiżviluppa miżuri sabiex, sal-2020, jinkiseb stat ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar u sabiex jiġi stabbilit netwerk estensiv ta’ żoni protetti (fl-2020). L-Istati Membri għandhom: · jimplimentaw id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u jidentifikaw żoni tal-baħar protetti.

5. Is-setturi ewlenin

Fil-pajjiżi industrijalizzati, in-nutrizzjoni, id-djar u l-mobbiltà tipikament huma responsabbli għal 70 sa 80 % tal-impatti ambjentali kollha. Dawn is-setturi huma fatturi ewlenin biex jiġu indirizzati l-isfidi marbutin mal-enerġija u mat-tibdil fil-klima li jittrattaw l-istrateġiji kumplimentari fit-tul, li jingħaqdu flimkien mal-miżuri deskritti f’dan id-dokument sabiex jitkabbru kemm jista’ jkun is-sinerġiji skont l-Inizjattiva Ewlenija għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[17].

5.1. Nindirizzaw l-ikel

Il-katina tal-valur tal-ikel u tax-xorb tal-UE toħloq 17 % mill-emissjonijiet diretti tagħna tal-gassijiet b’effett ta’ serra u 28 % mill-użu tar-riżorsi materjali, u x-xejriet tal-konsum tagħna għandhom impatt mad-dinja kollha, b’mod partikulari b’rabta mal-konsum tal-proteini li ġejjin mill-annimali. Din hija utent ewlieni tal-ilma ta’ kwalità għolja, li huwa essenzjali għas-suċċess tagħha. Madankollu, fl-UE biss naħlu 90 miljun tunnellata ta’ ikel fis-sena, jiġifieri 180 kilogramma għal kull persuna. Ħafna minn dan l-ikel ikun għadu tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

Sforz ikkombinat min-naħa tal-bdiewa, tal-industrija tal-ikel, tal-bejjiegħa bl-imnut u tal-konsumaturi, permezz ta’ tekniki tal-produzzjoni li jkunu jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti, ta’ għażliet sostenibbli tal-ikel (skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO dwar l-għadd ta’ proteini li ġejjin mill-annimali, fosthom il-prodotti tal-ħalib u tal-laħam, li kull persuna għandha tikkonsma) u permezz ta’ inqas ħela ta’ ikel, jista’ jikkontribwixxi biex jittejbu l-użu effiċjenti tar-riżorsi u s-sigurtà tal-ikel fil-livell dinji.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-baġit għall-Istrateġija “Ewropa 2020”, il-Kummissjoni pproponiet il-miżuri li se jkollha twettaq Politika Agrikola Komuni rriformata sabiex issir iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi[18]. Kwistjoni oħra għas-sigurtà globali tal-ikel fit-tul hija l-provvista sostenibbli tal-fosfru, li huwa riżorsa ewlenija għall-proċess tal-fertilizzazzjoni tal-ħamrija li ma tistax tinbidel. Hemm bżonn ta’ iktar riċerka sabiex jiġi identifikat kif it-titjib fil-kwistjonijiet marbutin mal-fertilizzanti, mal-produzzjoni tal-ikel u mal-iskart jista’ jnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fosfat li ġej mill-minjieri.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, se jkun hemm inċentivi ma’ kullimkien biex il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel ikunu iktar b’saħħithom u iktar sostenibbli u dawn l-inċentivi se jkunu naqqsu r-riżorsi li jidħlu fil-katina tal-ikel b’20 %. Ir-rimi ta’ ikel li jkun għadu jista’ jittiekel se jkun tnaqqas bin-nofs fl-UE.

Il-Kummissjoni:

· se tivvaluta aktar l-aqwa mod kif jista’ jiġi llimitat l-ikel mormi matul il-katina tal-provvista tal-ikel, u se tqis il-modi kif jista’ jitnaqqas l-impatt ambjentali tax-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum tal-ikel (Komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli sal-2013);

· se tiżviluppa metodu għall-kriterji tas-sostenibbiltà għal oġġetti bażiċi ewlenin tal-ikel (sal-2014);

· se tivvaluta aktar is-sigurtà tal-provvista tal-fosfru u l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu sabiex dan ikun użat b’mod sostenibbli (“Green Paper” dwar l-użu sostenibbli tal-fosfru sal-2012).

L-Istati Membri huma mistiedna:

· jindirizzaw il-ħela tal-ikel fil-Programmi Nazzjonali tagħhom għall-Prevenzjoni tal-Iskart (fl-2013).

5.2. Intejbu l-bini

Kostruzzjoni u użu aħjar tal-bini fl-UE jinfluwenzaw 42 % tal-konsum aħħari tal-enerġija tagħna, madwar 35 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tagħha[19] u iktar minn 50 % tal-materjali estratti kollha, u jistgħu jgħinuna niffrankaw sa 30 % tal-ilma[20]. Għalhekk, il-politiki eżistenti biex jiġu promossi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-bini, iridu jissaħħu u jiġu kkumplimentati aktar minn politiki għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, li jħarsu lejn firxa usa’ ta’ impatti ambjentali tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-bini u tal-infrastruttura. Għandhom jitqiesu dejjem aktar l-ispejjeż tal-bini tul il-ħajja, iktar milli sempliċiment l-ispejjeż tal-bidu, fosthom l-iskart mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini. Sabiex tinkiseb effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fil-bini u wkoll il-mobbiltà, hemm bżonn ta’ ppjanar aħjar tal-infrastruttura minn qabel.

Titjib sinifikanti fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja – b’materjali sostenibbli mtejbin, iktar riċiklaġġ tal-iskart u disinn imtejjeb – se jikkontribwixxi biex is-settur tal-bini jkun wieħed kompetittiv u biex jiġi żviluppat stokk ta’ bini li jkun juża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Dan jeħtieġ l-impenn attiv tal-katina kollha tal-valur fis-settur tal-bini. Hemm bżonn ta’ politiki speċifiċi sabiex l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, li jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-kostruzzjoni, jitqanqlu jitħarrġu dwar metodi u prattiki tal-bini li jkunu jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti u jinvestu fihom.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, ir-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni tal-bini u tal-infrastruttura se jkunu qed isiru b’livelli għolja ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja se jkun qed jiġi applikat b’mod wiesa’; il-bini l-ġdid kollu mhu se jkun juża kważi l-ebda enerġija[21] u se jkun juża l-materjali b’mod effiċjenti ħafna, u se jkunu fis-seħħ politiki biex jiġi rrinovat il-bini eżistenti[22] sabiex dan ikun irrinovat b’mod kosteffiċjenti b’rata ta’ 2 % fis-sena. 70 % tal-iskart mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini li ma jkunx perikoluż se jkun qed jiġi rriċiklat[23].

iIl-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, :

· se jivvalutaw kif se jappoġġaw il-pjanijiet għall-investiment fil-ħiliet, l-iskemi għall-apprentisti u l-komunikazzjoni dwar l-aħjar prattiki tal-industrija marbutin mal-użu effiċjenti tar-riżorsi (fuq bażi kontinwa);

· se jieħdu miżuri biex jiġu stimulati d-domanda u l-adozzjoni ta’ prattiki tal-bini li jkunu jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti permezz tal-kalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini u ta’ arranġamenti xierqa tal-finanzjament, bl-użu ta’ “test tal-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju” fejn ikun hemm bżonn; miżuri biex jitwessa’ iktar l-ambitu tal-Kodiċijiet Ewropej sabiex jitfasslu kriterji marbutin mas-sostenibbiltà; miżuri sabiex jiġu żviluppati inċentivi biex jiġi ppremjat il-bini li jkun juża r-riżorsi b’mod effiċjenti u sabiex jiġi promoss l-użu sostenibbli tal-bini fil-kostruzzjoni (Komunikazzjoni fl-2011 dwar il-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-bini u Komunikazzjoni fl-2013 dwar il-bini sostenibbli);

· se jivvalutaw kif tista’ tinkuraġġixxi bl-aħjar mod l-innovazzjoni fil-kostruzzjoni min-naħa tas-settur privat (fuq bażi kontinwa).

5.3. Niżguraw mobbiltà li tkun effiċjenti

Sistema moderna tal-mobbiltà li tkun tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti, li tkun taqdi kemm lill-passiġġieri kif ukoll lill-merkanzija, tista’ tikkontribwixxi ħafna għall-kompetittività u s-sostenibbiltà. Il-White Paper dwar it-trasport[24] tagħti firxa wiesgħa ta’ għażliet biex infittxu li tintlaħaq il-politika olistika meħtieġa dwar it-trasport.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, l-effiċjenza ġenerali fis-settur tat-trasport se twassal għal valur akbar b’użu ottimu tar-riżorsi bħall-materja prima, l-enerġija u l-art, u b’inqas impatti fuq it-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, is-saħħa, l-inċidenti, il-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi. It-trasport se jkun juża inqas enerġija u se juża enerġija iktar nadifa, se jisfrutta aħjar l-infrastruttura moderna u se jnaqqas l-impatt negattiv tiegħu fuq l-ambjent u fuq assi naturali ewlenin bħall-ilma, l-art u l-ekosistemi. Bħala medja, mill-2012 ’il quddiem se jkun hemm tnaqqis ta’ 1 % fis-sena fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tat-trasport.

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-inizjattivi mogħtija fil-White Paper dwar it-trasport ikunu implimentati b’mod li jkun konsistenti mal-għanijiet tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, b’mod partikulari billi nimxu lejn l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

6. Il-governanza u l-monitoraġġ

Il-bidla tal-UE għal ekonomija li tuża r-riżorsi b’mod iżjed effiċjenti se tkun teħtieġ azzjoni miftiehma mifruxa fuq għadd wiesa’ ta’ politiki. Il-Kummissjoni se tniedi sforz konġunt mal-partijiet interessati biex taħdem fuq id-definizzjoni tal-indikaturi u l-miri t-tajbin biex l-azzjonijiet ikunu ggwidati u l-progress jiġi mmonitorjat. Dawn se jħallu l-effett ta’ bidla meħtieġ biss jekk huma jagħtu s-sehem kollu tagħhom fl-istrateġija “Ewropa 2020” u jekk l-użu effiċjenti tar-riżorsi jkun integrat fis-Semestru Ewropew dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

6.1. Toroq ġodda għall-azzjonijiet marbutin mal-użu effiċjenti tar-riżorsi

Intejbu d-djalogu: Dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE, fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell reġjonali għandhom bżonn jieħdu sehem f’taħditiet attivi man-negozji u mas-soċjetà ċivili dwar il-kundizzjonijiet tal-politika li huma meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakli li hemm għall-użu effiċjenti tar-riżorsi.

Ninvestu fil-bidla: L-użu effiċjenti tar-riżorsi jista’ jnaqqas il-kosti, iżda ħafna drabi jkun jeħtieġ investiment inizjali. L-UNEP stima li hemm bżonn ta’ finanzjament ta’ bejn USD 1.05 u USD 2.59 triljun fis-sena sabiex l-ekonomija dinjija tibda tuża r-riżorsi b’mod iktar effiċjenti, u li dan il-finanzjament irid jiġi l-aktar mis-settur privat[25]. Dan se jeħtieġ mhux biss infiq għal soluzzjonijiet ekoloġiċi iżda wkoll li l-investimenti kollha pubbliċi u privati jkunu ekoloġiċi. Il-proposta għal Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-2014-2020 diġà ħadet passi kbar ħafna lejn l-integrazzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-baġit tal-UE. It-tkabbir b’rata mgħaġġla tal-finanzjament dinji għall-enerġija nadifa juri li din il-bidla fl-attitudnijiet hija possibbli. Madankollu, in-nuqqas ta’ familjarità tal-finanziera mar-riskji u mal-qligħ fuq l-investimenti fl-użu effiċjenti tar-riżorsi jippreżenta ostaklu għall-investiment, in-nuqqas ta’ ċertezza dwar id-direzzjoni u l-kredibilità tal-politika jżid ir-risku finanzjarju u l-investimenti iktar fit-tul ħafna drabi ma tantx jingħataw benefiċċji mis-swieq finanzjarji li huma mmirati lejn prestazzjonijiet fuq terminu qasir taż-żmien.

Niżviluppaw indikaturi u miri potenzjali: Jekk nistabbilixxu l-indikaturi u niddefinixxu proċess għal miri wesgħin għall-użu effiċjenti tar-riżorsi, dan se jgħinna nfasslu t-triq lejn il-viżjoni ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi li għandna għall-2050: il-politika pubblika tista’ titfassal aħjar sabiex tqis l-ispejjeż u l-benefiċċji li jkun hemm meta wieħed juża r-riżorsi b’mod iktar effiċjenti u s-settur pubbliku se jibbenefika minn sinjali aħjar għall-pjanijiet tal-investiment tiegħu u mill-prevedibbiltà u t-trasparenza meħtieġa biex jittieħdu deċiżjonijiet fit-tul.

L-għan tat-tkabbir sostenibbli mogħti fl-istrateġija “Ewropa 2020” diġà jistabbilixxi miri speċifiċi marbutin mal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u mal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, li huma rilevanti għall-kisba tal-għanijiet tal-użu effiċjenti tal-enerġija. Huwa importanti ferm li dawn il-miri jintlaħqu sabiex jitħarsu r-riżorsi naturali u l-azzjonijiet mogħtija f’dan il-pjan direzzjonali se jikkontribwixxu wkoll sabiex dawn jintlaħqu. Madankollu, dawn ma jaqbdux uħud mill-konsegwenzi negattivi fuq l-ekonomija tagħna, fuq saħħitna u fuq il-kwalità ta’ ħajja tagħna, pereżempju fatturi bħalma huma l-użu tal-art b’mod mhux effiċjenti, il-kwalità ħażina tal-ilma u l-livell baxx ta’ disponibbiltà tal-ilma, l-iskart, it-tniġġis tal-arja u t-telf tas-servizzi tal-ekosistemi, tal-istokkijiet tal-ħut u tal-bijodiversità. Jekk dawn jittieħdu f'kunsiderazzjoni, jkun imsaħħaġ l-isfruttament ta’ sorsi ġodda ta’ tkabbir sostenibbli u tissaħħaħ il-kompetittività fit-tul.

Diġà qed isir progress sabiex jiġu integrati sistemi tal-kontabbiltà ekonomiċi u soċjali ambjentali, iżda hemm diversi ideat li qed jikkompetu ma’ xulxin dwar liema indikaturi jeħtieġ li jintużaw, li jittejbu jew li jiġu żviluppati sabiex jiggwidaw aħjar id-deċiżjonijiet dwar il-politika u dwar l-investimenti. Se jkun jeħtieġ li tali indikaturi jkunu sodi, jinftiehmu faċilment u jkunu aċċettati b'mod wiesa' sabiex ikejlu b'mod kontinwu l-progress fit-titjib tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. Minħabba dan il-Kummissjoni tipproponi li taħdem mal-partijiet interessati ewlenin biex tiżviluppa indikaturi u miri potenzjali bħal dawn.

Madankollu, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa li tibda tkejjel il-progress b’mod immedjat, il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala indikatur ewlieni provviżorju, il-produttività tar-riżorsi, imkejla permezz tal-proporzjon tal-PDG mal-Konsum domestiku tal-materjali (mogħti f’Euro għal kull tunnellata). Proporzjon ogħla jkun jindika prestazzjoni aħjar u t-tkabbir għandu jikkonsma, relattivament, inqas riżorsi[26]. Madankollu, dan juri biss l-aspett tar-riżorsi materjali u ma jittratta l-ebda riżorsi oħrajn jew iċ-ċaqliq potenzjali fil-piż minn pajjiż għall-ieħor.

Minħabba li l-indikatur ewlieni provviżorju jagħti biss stampa parzjali, dan għandu jiġi kkumplimentat minn “daxxbord” ta’ indikaturi dwar l-ilma, l-art, il-materjali u l-karbonju u minn indikaturi li jkejlu l-impatti ambjentali u l-kapital naturali tagħna jew l-ekosistemi tagħna, u li jippruvaw iqisu wkoll l-aspetti globali tal-konsum fl-UE. Fuq livell terz, se jintużaw indikaturi tematiċi sabiex jiġi mmonitorjat il-progress fl-ilħiq ta’ miri eżistenti f’setturi oħrajn, kif inhu spjegat fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja ’l dan il-pjan direzzjonali.

Il-pass ewlieni: Sal-2020, se jkunu mmobilizzati l-partijiet interessati fil-livelli kollha sabiex ikun żgurat li l-politika, il-finanzjament, l-investiment, ir-riċerka u l-innovazzjoni jkunu koerenti u jkunu jsaħħu ’l xulxin b’mod reċiproku. Miri ambizzjużi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u indikaturi b’saħħithom u fil-ħin se jmexxu ’l dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u f’dak privat fil-bidla tal-ekonomija lejn waħda li tuża r-riżorsi b’mod iktar effiċjenti.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri:

· se jintegraw, mill-2012 ’il quddiem, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi fis-Semestru Ewropew u se jiffokaw fuq il-fatt li tingħata prijorità lill-miżuri li jiffavorixxu t-tkabbir li jkun sostenibbli;

· se jiġbru flimkien in-negozji, ix-xjenzati, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-awtoritajiet lokali u nazzjonali sabiex jeżaminaw l-opportunitajiet u l-isfidi u jirrakkomandaw toroq ġodda għall-azzjonijiet marbutin mat-tkabbir sostenibbli li juża r-riżorsi b’mod effiċjenti (fl-2012);

· se jilħqu ftehim ġenerali ma’ dawn il-partijiet interessati dwar kif għandu jitkejjel il-progress u kif għandhom jiġu stabbiliti l-miri meħtieġa sabiex tintlaħaq l-isfida (sal-2013).

Il-Kummissjoni:

· se tniedi “Pjattaforma tal-UE għall-bidla lejn l-użu effiċjenti tar-riżorsi” (fl-2012), li tissejjes fuq ix-xogħol ta’ pjattaformi eżistenti;

· se tistabbilixxi Diskussjoni Madwar Mejda Tonda dwar il-Finanzi għall-Użu Effiċjenti tar-riżorsi, li fiha jieħdu sehem rappreżentanti tal-banek mis-settur privat u tal-banek tal-istituzzjonijiet (bħall-BEI u l-BERŻ), rappreżentanti tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u rappreżentanti tal-kumpaniji tal-kapital tar-riskju, sabiex jiġu identifikati l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ finanzjament adattat u biex jintużaw strumenti finanzjarji innovattivi għall-użu effiċjenti tar-riżorsi (fl-2012);

· se tiżviluppa Panorama ta’ Ħiliet tal-UE u Kunsill Ewropew għas-Settur dwar il-ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi u għal impjiegi oħrajn li jkunu iktar ekoloġiċi;

· se tkompli taħdem fuq l-indikaturi, fosthom fuq il-kwalità tad-dejta, filwaqt li jittieħed kont tal-oqfsa ta’ valutazzjoni eżistenti, bħall-‘iGrowGreen’, bil-għan li dawn jiddaħħlu fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija “Ewropa 2020” (fl-2013);

· se tipproponi indikatur ewlieni ġdid dwar il-kapital naturali u l-impatti ambjentali tal-użu tar-riżorsi (fi tmiem l-2013);

· se tkompli l-isforzi tagħha skont il-pjan direzzjonali msejjaħ “Il-PDG u lil hinn minnu” sabiex il-progress ekonomiku u tas-soċjetà jitkejjel b’mod iktar komprensiv, fost l-oħrajn billi jitkompla l-iżvilupp tas-sistema tal-kontabbiltà ambjentali, u b’hekk ikomplu jiġu integrati aktar l-aspetti ambjentali esterni fil-kontabbiltà nazzjonali u billi jiġi żviluppat indiċi kompost dwar il-pressjonijiet fuq l-ambjent;

· se tqis kif il-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi jistgħu jiġu inklużi bl-aħjar mod fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposti dwar il-politika fil-ġejjieni.

L-Istati Membri għandhom:

· jiżviluppaw jew isaħħu l-istrateġiji nazzjonali eżistenti għall-użu effiċjenti tar-riżorsi u jdaħħluhom fil-politiki nazzjonali dwar it-tkabbir u l-impjiegi (sal-2013);

· jirrappurtaw dwar il-progress tagħhom marbut mal-użu effiċjenti tar-riżorsi bħala parti mill-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom.

6.2. Nappoġġaw l-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-livell internazzjonali

Diversi pajjiżi qed jimplimentaw politiki sabiex jibbenefikaw mill-qligħ li jirriżulta minn użu ta' riżorsi b’mod iktar effiċjenti, mhux biss pajjiżi fl-UE, iżda wkoll il-Ġappun, il-Korea, l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina u pajjiżi oħra. Hemm ukoll interess qawwi fid-djalogu u l-kooperazzjoni f'dawn il-kwistjonijiet fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE. Wieħed jista’ jara t-tali inizjattivi fil-kuntest tal-isforzi li qed isiru mad-dinja kollha sabiex tiġi promossa l-bidla lejn ekonomija ekoloġika. L-UE tista’ titgħallem mill-esperjenzi ta’ ħaddieħor. Hija tipparteċipa b’mod attiv f’affarijiet li jgħinu biex tiġi influwenzata t-triq li jaqbdu l-pajjiżi msieħba magħha, b’mod speċifiku l-pajjiżi kandidati li huma mistiedna biex jibdew jallinjaw il-politiki tagħhom.

Bħala bażi għal iktar diskussjonijiet waqt il-Konferenza msejħa “Rio+20” li se ssir f’Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ipproponiet għadd wiesa’ ta’ azzjonijiet possibbli, fosthom inizjattivi internazzjonali ġodda dwar ir-riżorsi tal-ilma, l-enerġija, l-agrikultura, l-użu tal-artijiet, il-foresti, is-sustanzi kimiċi u r-riżorsi tal-baħar, dwar programm għat-taħriġ dwar is-snajja’, dwar il-mobilizzazzjoni tal-finanzi u tal-investiment min-naħa tas-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll inizjattivi biex nimxu lejn sistema ta’ governanza globali u multilaterali li tkun iktar effettiva[27].

Il-pass ewlieni: Sal-2020, l-użu effiċjenti tar-riżorsi se jkun għan komuni maqsum mal-komunità internazzjonali kollha u se jkun sar progress biex dan l-għan jintlaħaq abbażi tal-approċċi maqbulin fil-konferenza li se ssir f’Rio.

Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, (fuq bażi kontinwa):

· se jippromwovu riżultat tajjeb tas-samit “Rio+20” li se jsir fl-2012 u se jikkonċentraw fuq progress reali lejn ekonomija ekoloġika u lejn użu iktar effiċjenti tar-riżorsi naturali;

· se jtejbu d-djalogu mal-pajjiżi msieħba strateġiċi sabiex ikun hemm l-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

· se jwettqu inizjattivi konġunti mal-pajjiżi kandidati, mal-pajjiżi li huma kandidati potenzjali u ma’ pajjiżi oħrajn li huma ġirien, li jaqsmu magħna ħafna riżorsi ambjentali;

· se jappoġġaw il-konklużjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet internazzjonali biex il-konsum globali u x-xejriet ta’ produzzjoni jsiru aktar sostenibbli;

· se jużaw l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi li huma inqas żviluppati biex itejbu l-effiċjenza tagħhom fl-użu tar-riżorsi fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u tal-qerda tal-faqar;

· se jikkooperaw mal-imsieħba internazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mar-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

· se jaħdmu favur mekkaniżmi multilaterali iktar b’saħħithom għall-governanza globali tal-oġġetti pubbliċi.

6.3. Intejbu l-benefiċċji mill-miżuri tal-UE favur l-ambjent

Il-progress marbut mal-użu effiċjenti tar-riżorsi jiddependi fuq il-fatt li wieħed itejjeb il-mod kif jiġu amministrati r-riżorsi u l-ekosistemi naturali tagħna. Għad hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri marbutin mal-prestazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-miżuri differenti, b’mod speċjali dawk fl-oqsma tal-ħarsien tan-natura, tal-iskart u tal-ġestjoni tal-ilma. Huwa stmat li l-ispejjeż tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali jammontaw għal madwar EUR 50 biljun fis-sena[28].

Il-pass ewlieni: Sal-2020, se jkunu ngħataw il-benefiċċji kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE favur l-ambjent.

Il-Kummissjoni:

· se tipproponi miżuri sabiex ittejjeb l-għarfien, tqajjem kuxjenza u timmobilizza aħjar lill-parteċipanti ewlenin sabiex jitjieb l-għoti tal-miżuri ambjentali fl-UE kollha.

L-Istati Membri għandhom:

· jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-prestazzjoni tagħhom b’rabta mal-għoti tal-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

7. Konklużjoni

Ix-xejriet ta’ qabel tat-tkabbir wasslu għal iktar prosperità, iżda għamlu dan permezz ta’ użu intensiv u, ħafna drabi, b’mod mhux effiċjenti, tar-riżorsi. Ir-rwol tal-bijodiversità, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom huma fil-biċċa l-kbira sottovalutati, il-kosti ħafna drabi ma jirriflettux l-ispejjeż tal-iskart u s-swieq attwali u l-politiki pubbliċi attwali ma jistgħux jittrattaw bis-sħiħ id-domandi li jikkompetu ma’ xulxin għar-riżorsi strateġiċi bħall-minerali, l-art, l-ilma u l-bijomassa. Dan jitlob għal tweġiba koerenti u integrata, mifruxa fuq għadd wiesa’ ta’ politiki, sabiex jiġu ttrattati l-limiti tar-riżorsi li mistennija jkun hemm u sabiex tiġi sostnuta l-prosperità tagħna fit-tul.

Dan il-pjan direzzjonali mhuwiex it-tweġiba aħħarija għall-isfidi kollha. Huwa l-ewwel pass biex infasslu qafas ta’ azzjoni koerenti mifrux fuq diversi oqsma u setturi tal-politika. L-għan tiegħu hu li jipprovdi prospetti stabbli biex nibdlu l-ekonomija. Il-Kummissjoni se tħejji proposti dwar il-politika u proposti leġiżlattivi sabiex timplimenta dan il-pjan direzzjonali. Mhux se jirnexxilna niksbu l-għanijiet tagħna tal-użu effiċjenti tar-riżorsi jekk ma jkunx hemm impenn min-naħa ta’ parteċipanti oħra mis-settur pubbliku u minn dak privat.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni japprovaw dan il-pjan direzzjonali u jikkontribwixxu sabiex jiġu żviluppati aktar l-azzjonijiet tal-UE biex naslu għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti.

Anness: L-użu effiċjenti tar-riżorsi - il-konnessjonijiet reċiproki bejn is-setturi u r-riżorsi u l-inizjattivi tal-politika tal-UE

Ir-riżorsa/is-settur || Il-fjuwils fossili || Il-materjali u l-minerali || L-ilma || L-arja || L-art || Il-ħamrija || L-ekosistemi: Il-bijodiversità || Ir-riżorsi tal-baħar || L-iskart || L-inizjattivi tal-politika tal-UE

Ekonomija ċirkolari || Naqqas, uża mill-ġdid, irriċikla, ibdel, issalvagwardja, agħti valur || Reviżjoni tal-PKS (fl-2012)

L-enerġija || Tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili billi: - tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (20 % sal-2020); - l-fjuwils fossili jinbidlu b’riżorsi rinnovabbli (20 % sal-2020 u 10 % fis-settur tat-trasport). || - Żgurar tas-sigurtà tal-provvista ta’ materja prima kruċjali (għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-elettrifikazzjoni); - Tnaqqis fl-intensità tal-enerġija fl-estrazzjoni, il-produzzjoni u l-konsum tal-materjali. || - Użu b’mod effiċjenti tal-ilma bħala sors tal-enerġija rinnovabbli; - Tnaqqis tal-ħtiġijiet tat-tkessiħ tal-impjanti tal-elettriku; - Tnaqqis fl-intensità tal-enerġija fit-trattament tal-ilma; - Tnaqqis fl-użu tal-ilma sħun permezz ta’ apparat aħjar u infrastruttura tal-ilma aħjar. || - Tnaqqis fit-tniġġis minn sustanzi li jagħmlu l-ħsara, b’mod partikulari billi jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili; - Tnaqqis ta’ 20 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 (30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin); - Tnaqqis ta’ 80 sa 95 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050. || - Tnaqqis fit-teħid tal-art għall-bijofjuwils; - Titjib kemm jista’ jkun fl-infrastruttura tal-enerġija. || - Prevenzjoni tal-ħsara lill-ħamrija mill-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit SO2 u tal-ossidi tan-nitroġenu; - Mitigazzjoni tal-impatti ta’ soluzzjonijiet ġodda tal-infrastruttura jew tal-enerġija fuq il-ħamrija; - Ħarsien tal-ħamrija li fiha l-pît. || - Tnaqqis tal-aċidifikazzjoni billi jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili; - Evitar tal-ħsara lill-ekosistemi mill-estrazzjoni jew mill-isfruttament tas-sorsi tal-enerġija. || - Użu tar-riżorsi tal-baħar bħala sors tal-enerġija rinnovabbli; - Żgurar tal-użu sostenibbli tal-alka għall-bijofjuwils; - Prevenzjoni tar-riskji li jixxerred iż-żejt u li jkun hemm diżastri marbutin mal-industrija taż-żejt. - Tnaqqis tal-aċidifikazzjoni kkawżata mill-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. || - Żgurar tal-irkupru tal-enerġija mill-iskart li ma jistax jiġi rriċiklat; - Tnaqqis fl-intensità tal-enerġija fit-trattament tal-iskart; - Żieda fl-użu tal-iskart bijodegradabbli għall-bijoenerġija u għall-bijoprodotti. || -Enerġija 2020 - Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u sikura (fl-2011); - Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija għall-Ewropa; -Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara - Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat (fl-2011); -Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika għall-2020 (fl-2011); -Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija (fl-2011); - Il-pakkett dwar l-infrastruttura tal-enerġija (fl-2011); - Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija għall-2050 (fl-2011); - Il-grilji intelliġenti (fl-2011); - Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali (fl-2011).

L-ikel || - Tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili billi tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-produzzjoni tal-ikel; - Evitar tal-impatti negattivi li jista’ jkun hemm meta l-fjuwils fossili jinbidlu bil-bijofjuwils. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-materjali u tal-minerali (pereżempju tal-fosfru); - Titjib fil-pakketti sabiex l-ikel ikun priservat aħjar u sabiex il-pakketti jkunu jistgħu jiġu rriċiklati iktar. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-ilma fl-agrikultura; - Prevenzjoni tal-għargħar u tan-nixfiet, jiġifieri billi jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima; - Żgurar tad-disponibbiltà tal-ilma nadif biex ikun hemm prodotti ta’ kwalità tajba; - Evitar tat-tniġġis mill-fertilizzanti u mill-pestiċidi. || - Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra; - Tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit SO2 u tal-ossidi tan-nitroġenu NOx. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-art sabiex ikun hemm rikonċiljazzjoni ma’ użijiet oħrajn; - Użu ta’ art għammiela meħuda għall-agrikultura; - Tnaqqis fit-teħid tal-art (pereżempju billi nieħdu, b’mod ottimu, il-proteini mill-annimali). || - Treġġigħ lura tat-telf tal-ħamrija; - Restawr tal-kontenut tal-materja organika fil-ħamrija; - Prevenzjoni tal-ħsara lill-ħamrija mill-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit SO2 u tal-ossidi tan-nitroġenu NOx; - Evitar tat-tniġġis mill-fertilizzanti u mill-pestiċidi. || - Restawr u ħarsien tal-ekosistemi sabiex ikunu żgurati d-dakkir, iż-żamma tal-ilma, eċċ.; - Evitar tal-ewtrofikazzjoni minħabba l-fertilizzanti u tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi; - Tkabbir tal-bijodiversità permezz ta' prattiki tajbin tal-agrikoltura. || - Treġġigħ lura tal-livelli tal-istokkijiet tal-ħut u eliminazzjoni tal-qabdiet inċidentali u l-iskartar tal-ħut; - Eliminazzjoni tat-tekniki tas-sajd li jagħmlu l-ħsara; - L-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli; - Tnaqqis tat-tniġġis taż-żoni ta’ mal-kosta mill-fertilizzanti - Evitar tal-ħmieġ tal-baħar. || - Inqas ħela ta’ ikel; - L-użu ta’ pakketti li jistgħu jiġu rriċiklati jew ta’ pakketti li huma bijodegradabbli; - L-iżvilupp tal-kompostjar tal-bijoskart. || - Ir-riforma tal-PAK (fl-2011); - Proposta għal Sħubija għall-innovazzjoni dwar il-produttività u s-sostenibbiltà fl-agrikultura (fl-2011); - “Green Paper” dwar il-fosfru (fl-2012); - Komunikazzjoni dwar l-ikel sostenibbli (fl-2013).

Il-bini || - Tnaqqis fl-użu tal-fjuwils fossili billi tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini u billi tintuża l-enerġija minn sorsi rinnovabbli fihom; - Il-bini ta’ bini li ma juża l-ebda enerġija u żieda fir-rata ta’ restawr tal-bini eżistenti. || - Titjib kemm jista’ jkun fl-użu tal-materjali; - L-użu ta’ materjali sostenibbli. || - Użu iktar effiċjenti tal-ilma fil-bini u fl-apparat. || - Tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-bini; - Titjib fil-kwalità tal-arja ta’ ġewwa. || - L-evitar ta’ iktar teħid tal-art (pereżempju għat-tixrid urban); - Tranġar tas-siti mniġġsin. || - L-evitar tat-tixrid urban fuq art għammiela; - Tnaqqis kemm jista’ jkun tas-siġillar tal-ħamrija. || - Żgurar ta’ spazji suffiċenti u ekoloġiċi konnessi bħala parti minn infrastrutturi ekoloġiċi. || - Tnaqqis tal-aċidifikazzjoni kkawżata mill-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. || - Ir-riċiklaġġ tal-iskart mill-kostruzzjoni u mit-twaqqigħ tal-bini (70 % sal-2020). || - Strateġija għall-kompetittività sostenibbli tas-settur tal-bini tal-UE (fl-2011); - Komunikazzjoni dwar il-bini sostenibbli (fl-2013); - Inizjattiva dwar l-użu effiċjenti tal-ilma fil-bini (fl-2012).

Il-mobbiltà || - Tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili billi: tittejjeb l-effiċjenza tal-fjuwils, billi tintuża enerġija minn sorsi rinnovabbli, billi, sal-2050, jitneħħew bil-mod il-mod mill-ibliet il-karozzi li jużaw il-fjuwils konvenzjonali u billi jkun hemm loġistika multimodali mtejba, netwerks aħjar tat-trasport u vetturi iktar effiċjenti. || - Żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-infrastruttura; - Titjib kemm jista’ jkun fit-trasport tal-materjali; - Żgurar tas-sigurtà tal-provvista ta’ materjali kruċjali (meħtieġa għall-batteriji). || - L-użu tal-potenzjal tat-trasport bil-baħar sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet; - Tnaqqis tat-tniġġis mit-trasport bil-baħar. || - Tnaqqis tat-tniġġis mit-trasport bil-baħar: 60 % inqas emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050; inqas ożonu fil-livell tal-art, inqas materja tal-partikoli u inqas dijossidu tan-nitroġenu NO2; inqas kontenut tal-kubrit fil-fjuwils marittimi. || - Tnaqqis kemm jista’ jkun tal-impatti tal-infrastruttura tat-trasport fuq il-frammentazzjoni tal-art. || - Tnaqqis kemm jista’ jkun tal-impatti tal-infrastruttura tat-trasport fuq is-siġillar tal-art. || - Tnaqqis kemm jista’ jkun tal-impatti tas-siġillar tal-art, tal-frammentazzjoni tal-art u tat-tniġġis tal-art; - L-evitar tal-firxa ta’ speċi aljeni invażivi. || - L-użu tal-potenzjal tat-trasport marittimu sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet; - Evitar tal-iskart tal-baħar, inkluż dak mill-vapuri. || - L-iżgurar ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ effiċjenti tal-vetturi li jkunu waslu biex ma jibqgħux jintużaw (85 sa 95 % sal-2015) u tal-vapuri. || -White Paper dwar il-ġejjieni tat-trasport (fl-2011); - Reviżjoni tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (fl-2011); - Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tat-Trasport.

L-inizjattivi tal-politika tal-UE || Qafas għall-għajnuna mill-Istat (fl-2013); Direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil; eċċ.. || -Indirizzar tal-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbutin mal-materja prima (fl-2011); - Proposta għal Sħubija għall-innovazzjoni dwar il-materja prima. || - Pjan iddettaljat għall-ilma (fl-2012); - Sħubija għall-innovazzjoni dwar l-użu effiċjenti tal-ilma; - Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istandards tal-kwalità ambjentali (għas-sustanzi ta’ prijorità) (fl-2011); - Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art (fl-2012). || -Pjan direzzjonali għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 (fl-2011); - Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u r-rappurtar dwarhom; - Reviżjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja (fl-2013). || - Komunikazzjoni dwar l-użu tal-art (fl-2014). - Komunikazzjoni dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (l-LULUCF) fl-impenji tal-UE marbutin mat-tibdil fil-klima (fl-2011). || - Linji gwida dwar l-aħjar prattiki biex jiġi llimitat is-siġillar tal-ħamrija, biex dan jittaffa jew biex ikun hemm kumpens għalih b’xi mod. || -Strateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2020 (fl-2011); - Komunikazzjoni dwar l-infrastruttura ekoloġika u r-restawr (fl-2012); - Inizjattiva biex ma jkun hemm l-ebda telf nett (fl-2015). || - Riforma tal-politika komuni tas-sajd u tal-politika marittima komuni (fl-2011) [AGRI]; - L-adattament mal-kosta u fil-baħar għat-tibdil fil-klima (fl-2012); - It-Tkabbir marittimu (fl-2013); - Ġestjoni integrata taż-żoni ta’ mal-kosta (fl-2012); - Ippjanar tal-ispazju marittimu (fl-2012). || - Reviżjoni tal-miri għall-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart u għar-rimi tiegħu fil-miżbliet (fl-2014). || - Pjan direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (fl-2011); - Qafas finanzjarju multiannwali għall-2014 sal-2020; - Il-politika ta’ koeżjoni wara l-2013 (fl-2011) [REGIO]; - Pjan ta’ Azzjoni għal bijoekonomija sostenibbli sal-2020 (fl-2011); - Pjan ta’ Azzjoni għall-innovazzjoni ekoloġika (fl-2011); - L-Orizzont tal-UE għall-2020 (fl-2011); - Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali.

[1]               COM(2011) 21.

[2]               COM(2005) 670.

[3]               Kif muri, pereżempju, fl-Istrateġija tal-OECD għal tkabbir ekoloġiku u fir-rapport tal-UNEP dwar ekonomija ekoloġika, kif ukoll fix-xogħol tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

[4]               http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm

[5]               Kif stipulati f'COM(2011) 571 ta' akkumpanjament.

[6]               Studju partikulari jissuġġerixxi li, fil-Ġermanja biss, użu iktar effiċjenti tar-riżorsi fil-manifattura jista’ jwassal għal iffrankar ta’ bejn 20 % u 30 % fl-ispejjeż u joħloq sa miljun impjieg fil-pajjiż. Studju riċenti ieħor juri li fir-Renju Unit, in-negozji jistgħu jiffrankaw ammont li hu stmat li hu ta’ GBP 23 biljun meta jimplimentaw miżuri favur użu iktar effiċjenti tar-riżorsi li ma jiswew xejn jew li jiswew ftit ħafna.

[7]               Għal aktar dettalji ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

[8]               OECD, Sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent: l-isfidi għar-riforma, 2005

[9]               COM(2011) 11 finali.

[10]             COM(2011) 11 finali.

[11]             EUCO 10/1/11 REV1.

[12]             Ara r-rapport tal-Unjoni Ewropea maħruġ fl-2011 intitolat “Ix-xejriet tat-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea”.

[13]             L-istudju tal-2007 tal-“Ecologic Institute” imsejjaħ “Il-potenzjal għall-iffrankar tal-ilma fl-UE”.

[14]             Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent imsejjaħ “SOER 2010”.

[15]             Rapport tal-2011 taċ-Ċentru għall-enerġija l-ambjent u s-saħħa (is-CEEH), miktub minn J. Brandt et al., imsejjaħ “Valutazzjoni tal-aspetti esterni tal-kosti tas-saħħa li ġejjin mit-tniġġis tal-arja fil-livell nazzjonali bl-użu tas-sistema tal-mudell tal-EVA (l-għoti ta’ valur ekonomiku lit-tniġġis tal-arja)”.

[16]             Ir-rapport tal-2011 tal-Komunitajiet Ewropej, miktub minn Prokop et al., imsejjaħ “Rapport dwar l-aħjar prattiki biex jiġi llimitat is-siġillar tal-ħamrija u biex jittaffew l-effetti tiegħu”.

[17]             COM(2011) 112, COM(2011) 109, COM(2010) 639.

[18]             COM(2011) 500.

[19]             COM(2007) 860 finali.

[20]             COM(2007) 414 finali.

[21]             Id-Direttiva 2010/31/UE.

[22]             F’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2010/31/UE tad-19 ta’ Mejju 2010.

[23]             F’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/98/KE.

[24]             COM(2011) 144.

[25]             Ara s-Sinteżi tal-UNEP tal-2010 dwar ekonomija ekoloġika.

[26]             Bħala eżempju ta’ dan l-indikatur, fl-2007, il-medja fl-UE kienet ta’ madwar EUR 1.30 għal kull tunnellata, u kienet tvarja minn inqas minn 0.3 għal madwar 2.5.

[27]             COM(2011) 363.

[28]             Studju tal-kumpanija COWI li se jinħareġ dalwaqt imsejjaħ “L-ispiża li wieħed ma jimplimentax l-acquis ambjentali”.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet