14.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 286/15


Appell ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2023 minn Vialto Consulting Kft. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-537/18, Vialto Consulting Kft. vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-130/23 P)

(2023/C 286/18)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellant: Vialto Consulting Kft. (rappreżentanti: S. Paliou u A. Skoulikis, dikigoroi)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2022 fil-Kawża T-537/18 (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha r-rikorrenti tressaq tliet aggravji.

1.

L-ewwel, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-appellanti mis-sit internet tal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni mis-sit internet tal-Kummissjoni kienet konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minkejja l-fatt li r-raġunijiet ipprovduti mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika tali pubblikazzjoni ma kienu la speċifiċi u lanqas differenti mir-raġunijiet ipprovduti sabiex tiġi ġġustifikata l-esklużjoni, kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012 (2)

2.

It-tieni, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit fl-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn qieset li n-nuqqas ta’ indikazzjoni fil-pubblikazzjoni tal-esklużjoni tal-fatt li ma kienx hemm sentenza definittiva jew deċiżjoni amministrattiva definittiva, indikazzjoni għall-kuntrarju dovuta skont l-Artikolu 106(16) tar-Regolament Nru 966/2012, ma jikkostitwixxix formalità essenzjali u li ma kienx jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika u fattwali tal-appellanti.

3.

It-tielet, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fir-rigward taċ-ċaħda tat-talba għad-danni. Peress li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali skont liema ma nkisirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-esklużjoni tal-appellanti fis-sit internet tal-Kummissjoni huma vvizzjati bi żball ta’ liġi u għandhom jiġu annullati, u għandhom jiġu annullati wkoll il-punti tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għad-danni tal-appellanti għar-raġuni li ma ġie pprovat ebda aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni.


(1)  ECLI:EU:T:2022:852.

(2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).