4.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 257/52


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2022 – Fridman vs Il-Kunsill

(Kawża T-304/22)

(2022/C 257/67)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Mikhail Fridman (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: T. Marembert u A. Bass, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/397 (1) tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/336 (2) tat-28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent isostni, minn naħa, li l-ebda waħda mill-provi prodotti mill-Kunsill ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza Ewropea fil-qasam tal-istandards ta’ kwalità tal-prova u, min-naħa l-oħra, li l-ebda waħda mir-raġunijiet tal-Kunsill ma hija stabbilita u ma jista’ titqies li tissodisfa l-kriterji (a) u (d) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ dak iż-żmien, liema kriterji huma espliċitament imsemmija mill-Kunsill fil-raġunijiet tiegħu.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-imsemmi kriterju minħabba ksur doppju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrent isostni, minn naħa, li l-kriterju invokat mill-Kunsill huwa manifestament mhux adegwat fid-dawl tal-għan imfittex u, min-naħa l-oħra, li kienet teżisti l-possibbiltà li jintużaw mezzi inqas vinkolanti.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, minħabba li ma ġietx stabbilita rabta suffiċjenti bejn il-kategorija ta’ individwi koperti minn dan il-kriterju u l-Federazzjoni Russa.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, minħabba li l-Kunsill ma jistabbilixxi la li r-rikorrent huwa negozjant prominenti jew ewlieni, u lanqas li huwa attiv fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Federazzjoni Russa.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 59, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat-28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 58, p. 1).