4.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 257/41


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2022 – Pumpyansky vs Il-Kunsill

(Kawża T-270/22)

(2022/C 257/54)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Dmitry Alexandrovich Pumpyansky (Ekaterinburg, ir-Russja) (rappreżentanti: G. Lansky, P. Goeth, A. Egger, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/397 tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/396 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (2) (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), sa fejn huma jikkonċernaw lir-rikorrent; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, inkluż id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll id-dritt għal proprjetà.

Bl-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista fl-atti kkontestati, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq liġi li ma hijiex konformi mar-rekwiżit ta’ prevedibbiltà taħt l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq allegat żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill meta inkluda isem ir-rikorrent fl-annessi tal-atti kkontestati.

Ir-raġunijiet tal-Kunsill għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista huma materjalment ivvizzjati bi żbalji.

Il-Kunsill jonqos milli jidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti għalfejn miżuri restrittivi ġew imposti fuq ir-rikorrent u r-raġunijiet invokati ma humiex biżżejjed iddettaljati, kuntrarjament għall-obbligi tal-Kunsill.

Il-provi prodotti huma insuffiċjenti sabiex jissostanzjaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista permezz tal-atti kkontestati.


(1)  ĠU 2022, L 80, p. 31, rettifika fil-ĠU 2022, L 117, p. 118.

(2)  ĠU 2022, L 80, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 117, p. 117.