10.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 191/32 |
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Marzu 2022 – OM vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-118/22)
(2022/C 191/41)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: OM (rappreżentanti: N. de Montigny, avukata)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ April 2021 li permezz tagħha r-rikorrent ma ntgħażilx fil-kuntest tal-proċedura ta’ selezzjoni COM/2020/10396 u ġie informat bil-ħatra ta’ kandidat ieħor; |
— |
sa fejn meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha ġie miċħud l-ilment tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2021, irreġistrat fis-26 ta’ Novembru 2021 bin-numru Ares(2021)7297231; |
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1. |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2020/10396 sa fejn il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tiegħu ma ġewx evalwati abbażi tal-iskeda prevista fih. |
2. |
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aġenda avżata lill-kandidati dwar is-suġġett li huma kienu ser jiġu mistoqsija dwaru waqt l-intervista ta’ selezzjoni, sa fejn ma saret l-ebda mistoqsija lir-rikorrent dwar l-analiżi prinċipali li huwa kien intalab jipprepara, ħaġa li twassal barra minn hekk għal ksur tal-aspettattivi leġittimi tiegħu. |
3. |
It-tielet motiv, ibbażat fuq l-inugwaljanza fit-trattament sa fejn mistoqsijiet li kienu ġew previsti mill-Kumitat ta’ Selezzjoni sabiex jsiru lill-kandidati ma sarulux u mistoqsijiet oħra li sarulu ma kinux jikkorrispondu għal din il-lista stabbilita minn qabel. Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward, li dan ma kienx jippermetti li jiġi ggarantit jekk dawn sarux jew le lill-kandidati l-oħra. Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-intervista tiegħu damet inqas mill-ħin previst, ħaġa li setgħet tkun ta’ żvantaġġ għalih meta mqabbel mal-kandidati l-oħra u li ma huwiex eskluż li huwa seta’ kiseb riżultat aħjar kieku ġie mistoqsi dwar l-aspetti kollha tat-test orali. |
4. |
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura manifestament żbaljata u inadegwata tal-kontenut tal-iskeda ta’ evalwazzjoni meta mqabbel mat-tweġibiet tar-rikorrent matul l-intervista. |
5. |
Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ kollaborazzjoni tal-Kummissjoni u l-ksur tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba. |