8.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/22


Appell ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2022 minn LATAM Airlines Group SA, Lan Cargo SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-30 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża T-344/17, Latam Airlines Group and Lan Cargo vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-375/22 P)

(2022/C 303/29)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: LATAM Airlines Group SA, Lan Cargo SA (rappreżentanti: B. Hartnett, Barrister, O. Geiss, Rechtsanwalt, u W. Sparks, advocaat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitlobu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija tiċħad ir-rikors għal annullament;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (id-Deċiżjoni) safejn tikkonċerna lill-partijiet li jagħmlu t-talba. Sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni u tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti għal dak l-ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma tistax tiddeċiedi b’mod definittiv, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw l-aggravji segwenti.

L-ewwel aggravju jirrigwarda żbalji manifesti ta’ liġi meta jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali tal-aċċettazzjoni tal-ewwel aggravju. Pjuttost milli tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha, il-Qorti Ġenerali annullatha biss parzjalment mingħajr ma evalwat jekk l-elementi li għalihom l-appellanti nstabu li ma kinux responsabbli setgħux jiġu sseparati minkejja l-ġurisprudenza ċara li tiddefinixxi dan bħala t-test rilevanti.

It-tieni aggravju jirrigwarda żbalji manifesti ta’ liġi magħmula meta ċaħdet is-sitt aggravju dwar id-drittijiet tad-difiża u n-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni li għalihom hija ma segwietx l-allegazzjonijiet kontra kumpanniji tal-ajru oħra u kontra fornitur tas-servizzi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar tal-provi meta evalwat il-posta elettronika tat-22 ta’ Lulju 2005 mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni li l-elementi ewlenin li fuqhom bbażat ruħha kienu azzjonijiet meħuda mil-linji tal-ajru li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet waqqfet il-proċeduri wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

It-tielet aggravju jirrigwarda żbalji manifesti ta’ liġi li saru meta ċ-ċaħda tat-tielet parti tar-raba’ aggravju (l-ewwel parti) fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tagħmel ċerti konstatazzjonijiet.

Ir-raba’ aggravju jirrigwarda żbalji manifesti ta’ liġi li saru meta ċ-ċaħda tat-tielet parti tar-raba’ aggravju (it-tieni parti) f’dak li jirrigwarda l-ambigwità tad-deċiżjoni fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur.