17.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/45


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2021 – Ekobulkos vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-702/21)

(2022/C 24/59)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent:“Ekobulkos” EOOD (Todorichene, il-Bulgarija) (rappreżentant: M. Dimitrov, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li l-Kummissjoni astjeniet, b’mod illegali, milli tieħu azzjoni fir-rigward tal-ilment SA.56620 (2020/FC) imressaq minn “Ekobulkos” EOOD;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ “Ekobulkos” EOOD; u

sussidjarjament, fil-każ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-ilment wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv: il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li teżamina l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri fis-sens tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

2.

It-tieni motiv: il-Kummissjoni ma eżaminatx mingħajr dewmien mhux iġġustifikat l-ilment SA.56620 (2020/FC) tal-21 ta’ Frar 2020 mressaq mill-kumpannija rikorrenti dwar eventwali għajnuna illegali, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (1).

3.

It-tielet motiv: il-Kummissjoni naqset milli tadotta d-deċiżjoni meħtieġa skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, b’mod partikolari:

tiddikjara li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxi għajnuna; jew

tiddikjara li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern; jew

tiftaħ proċedura taħt l-Artikolu 108(2) TFUE (“deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

4.

Ir-raba’ motiv: il-Kummissjoni ma bagħtitx kopja tad-deċiżjoni tagħha lil min ressaq l-ilment, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu [24](2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589.

5.

Il-ħames motiv: il-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri meħtieġa lanqas wara li ġiet mistiedna tagħmel dan fit-22 ta’ Ġunju 2021 konformement mal-Artikolu 265 TFUE.


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).