18.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 422/25


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2021 – Grieger vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-517/21)

(2021/C 422/33)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Vladimir Grieger (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2020;

tannulla, sa fejn hemm bżonn, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tal-11 ta’ Mejju 2021;

tikkundanna lill-amministrazzjoni biex tħallas lir-rikorrent kumpens finanzjarju ekwivalenti għal kumpens tal-maniġment li kellu jiġbor mix-xahar wara l-introduzzjoni tat-talba tiegħu għal assenjazzjoni mill-ġdid (jiġifieri mill-1 ta’ Awwissu 2020);

tikkundanna lill-amministrazzjoni biex tikkumpensa l-effetti ta’ din l-illegalità fuq id-drittijiet għal pensjoni tar-rikorrent, jiġifieri d-differenza bejn il-pensjoni effettiva tiegħu u l-pensjoni li minnha kien imissu jkun jista’ jibbenefika fuq l-aħħar salarju bażiku tiegħu inkluż il-kumpens tal-maniġment;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2020 li tiċħad it-talba għal assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent għal pożizzjoni ta’ uffiċjal għoli, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur manifest tal-prinċipju ta’ prijorità u ta’ impenji li kienu ġew ifformulati mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2015 li tqiegħed lir-rikorrenti għad-dispożizzjoni tal-grupp ta’ sostenn għall-Ukraina (GSU).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ aspettattivi leġittimi tar-rikorrent, tad-drittijiet miksuba tiegħu u tad-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni.