9.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/40


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2021 – SU vs EIOPA

(Kawża T-296/21)

(2021/C 320/46)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: SU (rappreżentanti: L. Levi u M. Vandenbussche, lawyers)

Konvenut: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2020 li l-kuntratt tar-rikorrenti ma jiġix imġedded;

tannulla r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-2019 tar-rikorrenti;

sa fejn huwa neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2021 li tiċħad l-ilment;

tagħti kumpens lir-rikorrenti għad-dannu materjali, kif ikkalkolat fir-rikors tagħha;

tagħti kumpens lir-rikorrenti għad-dannu morali, kif evalwat ex aequo et bono għal EUR 10 000;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt moviti, li kollha kemm huma jinvokaw l-allegata illegalità tar-rapport ta’ evalwazzjoni għall-2019 u tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt iżda minħabba raġunijiet differenti, kif espost hawn taħt

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-2019 ma kienx iffinalizzat kif xieraq u li r-rapport dwar it-tiġdid tal-kuntratt (CRR) kien ibbażat fuq rapport ta’ evalwazzjoni mhux iffinalizzat.

Ir-rikorrenti tqis li r-rapport ta’ evalwazzjoni għall-2019 huwa illegali sa fejn ma kienx iffinalizzat kif xieraq b’deċiżjoni mmotivata tal-evalwatur tal-appelli. Hija tqis ukoll li d-deċiżjoni għan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt hija wkoll illegali sa fejn hija kienet ibbażata fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni għall-2019, li ma kienx iffinalizzat.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Persunal u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Skont it-tqassim tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fi ħdan l-EIOPA, id-Direttur Eżekuttiv ingħata l-kompitu li jaġixxi bħala l-evalwatur tal-appelli u l-Awtorità li għandha s-Setgħa tikkonkludi Kuntratti ta’ Impjieg (ASTK) f’dan il-każ, li la jiżgura l-imparzjalità fil-proċess ta’ evalwazzjoni għall-2019 u lanqas fid-deċiżjoni li l-kuntratt tar-rikorrenti ma jiġġeddidx.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kur tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u tal-punti 6.7, 6.9 u 6.10 tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratti tal-EIOPA.

Ir-rikorrenti tqis li d-dritt tagħha għal smigħ u l-obbligu ta’ motivazzjoni ġew miksura fir-rigward kemm tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt kif ukoll tal-evalwazzjoni għall-2019 tagħha.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, assenza ta’ evalwazzjoni diliġenti tal-aspetti kollha tal-każ u ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, flimkien ma ksur tal-Artikoli 4 u 6.5 tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratti.

F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-konvenuta hija illegali, ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u bi ksur tal-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kriterji l-oħra li għalihom hemm riferiment fl-Artikolu 4 tal-proċedura ta’ tiġdid ta’ kuntratti u b’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet preċedenti tal-prestazzjoni pożittiva tar-rikorrenti. It-tieni nett, il-motivazzjonijiet mogħtija mill-konvenuta fir-rigwad tal-prestazzjoni tar-rikorrenti fl-2019 u fl-2020 huma manifestament żbaljati u infondati.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u s-sitwazzjoni tal-familja – ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

Ir-rikorrenti tqis li ġarrbet diskriminazzjoni minħabba l-perijodi ta’ leave u l-modalità tax-xogħol tagħha, u li d-deċiżjoni li l-kuntratt tagħha ma jiġġeddidx hija vvizzjata b’diskriminazzjoni u tikkostitwixxi ritaljazzjoni.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza.

Skont id-dmir ta’ diliġenza, l-amministrazzjoni għandha mhux biss tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tad-dipartiment iżda wkoll l-interessi tal-persunal. Skont ir-rikorrenti, dan ma sarx.