17.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Polonja) fit-13 ta’ Settembru 2021 – I.S., K.S vs YYY. S.A.

(Kawża C-570/21)

(2022/C 24/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: I.S., K.S.

Konvenut: YYY. S.A.

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1) u l-premessi tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li fid-definizzjoni ta’ “konsumatur” tkun inkluża persuna li teżerċita attività ekonomika li, flimkien ma’ persuna oħra li tissellef li ma teżerċitax tali attività, tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu indiċjat f’munita barranija intiż, parzjalment, għal użu għan-negozju ta’ wieħed mill-persuni li jissellfu, u parzjalment għal użu mhux relatat mal-attività ekonomika tiegħu, u dan mhux biss f’sitwazzjoni fejn l-użu għan-negozju huwa tant marġinali li għandu biss rwol minuri fil-kuntest ġenerali ta’ tali kuntratt, filwaqt li l-aspett mhux ekonomiku predominanti jkun mingħajr effet f’dan ir-rigward?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2.

L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 u l-premessi tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “konsumatur” inkluż f’din id-dispożizzjoni jinkludi wkoll persuna li fil-mument tal-iffirmar ta’ kuntratt kienet teżerċita attività ekonomika filwaqt li l-persuna l-oħra li tissellef b’ebda mod ma kienet teżerċita tali attività, u sussegwentement iż-żewġ persuni kkonkludew ma’ bank kuntratt ta’ kreditu indiċjat f’munita barranija, li l-kapital tiegħu kien parzjalment intiż għan-negozju ta’ wieħed mill-persuni li ssellfu u parzjalment intiż għal użu mhux relatat mal-attività ekonomika eżerċitata, f’sitwazzjoni fejn l-użu għan-negozju ma għandux natura marġinali u ma għandux sempliċement rwol minuri fil-kuntest ġenerali tal-kuntratt ta’ kreditu, fejn l-aspett mhux ekonomiku għandu natura predominanti u, mingħajr użu tal-kapital tal-kreditu għal għan ekonomiku, ma kienx ikun possibbli li l-kreditu jingħata għal għan li ma huwiex ekonomiku?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.