25.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 431/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fid-9 ta’ Awwissu 2021 – F.F.

(Kawża C-487/21)

(2021/C 431/07)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: F.F.

Partijiet oħra: Österreichische Datenschutzbehörde, CRIF GmbH

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ “kopja” li jinsab fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (1) (iktar ’il quddiem ir-“RĠPD”) għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal fotokopja, faks jew kopja elettronika ta’ data (elettronika), jew jinkludi wkoll, skont id-definizzjoni mogħtija mid-dizzjunarju Ġermaniż, Franċiż u Ingliż, “Abschrift”, “double” (“duplicata”) jew “transcript”?

2)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, li tipprovdi li “[i]l-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata”, għandha tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-persuna kkonċernata dritt ġenerali sabiex tingħata kopja – ukoll – tad-dokumenti kollha li fihom id-data personali tal-persuna kkonċernata hija pproċessata, jew ukoll, meta d-data personali ttrattata f’database, sabiex tingħata kopja ta’ estratt ta’ din id-database, jew tipprevedi għall-persuna kkonċernata – biss – dritt għar-riproduzzjoni fidila tal-oriġinal tad-data personali li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD?

3)

Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata risposta fis-sens li għall-persuna kkonċernata hemm biss dritt għar-riproduzzjoni fidila tal-oriġinal ta’ data personali li għandha tiġi kkomunikata skont l-Artikolu 15(1) tar-RĠPD, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD għandha tiġi interpretata fis-sens li minħabba n-natura tad-data pproċessata (pereżempju, id-data relatata mad-dijanjosi, mar-riżultati ta’ eżamijiet u mal-evalwazzjonijiet, imsemmija fil-premessa 63 tar-RĠPD, jew ukoll dik relatata ma’ dokumenti oħra marbuta ma’ eżami fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Diċembru 2017, Nowak (2)) u l-prinċipju ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 12(1) tar-RĠPD, jista’ madankollu jkun neċessarju, f’każ partikolari, li l-persuna kkonċernata tiġi pprovduta wkoll b’siltiet minn testi jew b’dokumenti sħaħ?

4)

Il-kunċett ta’ “informazzjoni” li, fi kliem it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, “għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni” lill-persuna kkonċernata, meta din tressaq it-talba tagħha b’mezzi elettroniċi, “sakemm [din ma titlobx] mod ieħor”, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi biss għad-“data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata” imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD?

a)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għar-raba’ domanda: il-kunċett ta’ “informazzjoni” li, fi kliem it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, “għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni” lill-persuna kkonċernata, meta din tressaq it-talba tagħha b’mezzi elettroniċi, “sakemm [din ma titlobx] mod ieħor”, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi wkoll għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD?

b)

Fil-każ ta’ risposta negattiva wkoll għall-parti a) tar-raba’ domanda: il-kunċett ta’ “informazzjoni” li, fi kliem it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(3) tar-RĠPD, “għandha tiġi pprovduta f’forma elettronika użata b’mod komuni” lill-persuna kkonċernata meta din tressaq it-talba tagħha b’mezzi elettroniċi, “sakemm [din ma titlobx] mod ieħor”, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi pereżempju, minbarra għad-“data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata” u għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a) sa (h) tar-RĠPD, għal metadata relatata?


(1)  ĠU 2016, L 119, p. 1

(2)  C-434/16, EU:C:2017:994.