12.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 278/34


Appell ippreżentat fil-5 ta’ Mejju 2021 minn Universität Koblenz-Landau mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-24 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-108/18, Universität Koblenz-Landau vs L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura

(Kawża C-288/21 P)

(2021/C 278/48)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Universität Koblenz-Landau (rappreżentanti: C. von der Lühe, Rechtsanwalt, R. Di Prato, Rechtsanwältin)

Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Frar 2021 fil-Kawża T-108/18 u tiddikjara li t-talbiet għal ħlas lura fil-konfront tal-appellanti, magħmula permezz tad-deċiżjoni tal-parti l-oħra fil-proċedura tal-21 ta’ Diċembru 2017 (Każ OF/2016/0720) kif ukoll tas-7 ta’ Frar 2018 (Każ OF/2016/0720) ma jeżistux,

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea,

tikkundanna lill-parti l-oħra għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

1.

L-ewwel aggravju: ilment proċedurali minħabba n-nuqqas ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

L-appellanti ssostni li l-fatti ġodda invokati minnha fl-ewwel istanza, li hija saret taf bihom biss wara t-tmiem tal-proċedura orali u li sa dak il-punt ma setgħetx tintroduċi fil-proċeduri, iċaħħdu lid-deċiżjoni kkontestata mir-raġunament tagħha dwar punti essenzjali, peress li hija bbażata fuq fatti li ma ġewx ikkonfermati mill-konstatazzjonijiet tal-awtorità nazzjonali responsabbli għall-investigazzjoni kriminali.

Barra minn hekk, it-talba tagħha mressqa fl-ewwel istanza sabiex terġa’ tinfetaħ il-proċedura orali minħabba fatti ġodda li qabel ma kinux magħrufa li kellhom sinjifikat legali fuq l-eżitu tat-tilwima b’tali mod li kienu kapaċi jinfluwenzawha favur il-parti kienet ġiet miċħuda wara żball ta’ evalwazzjoni.

2.

It-tieni aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-portata tal-prinċipju ta’ dritt għal smigħ

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li minħabba l-fatt li kien oġġettivament impossibbli għar-rikorrenti, mingħajr dan kien tort tagħha stess u fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata tal-konvenuta, li tipproduċi dokumenti li jipprovaw l-użu xieraq tal-fondi, il-konvenuta għamlet konstatazzjoni dwar l-użu xieraq tal-fondi li kienet ta’ detriment għar-rikorrenti.

3.

It-tielet aggravju: nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa, jew naqset milli tevalwa mingħajr żball ta’ liġi, l-eżistenza ta’ aspettattiva leġittima tar-rikorrenti, li nħolqot mill-konferma bil-miktub tal-konvenuta li l-proġetti ffinanzjati kkontestati twettqu sewwa.

Il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx li kien hemm diskrepanza attwali fil-fatti, li sussegwentement saret evidenti, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-konvenuta li tikkonferma l-użu korrett tal-fondi, u li kienet adatta biss sabiex tqajjem dubju fuq evalwazzjoni oriġinarjament pożittiva tal-proċessi ta’ implimentazzjoni u l-adegwatezza tagħhom.

Fl-aħħar, ma huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-indikazzjonijiet ta’ sitwazzjoni diverġenti possibbli ma humiex kompletament iċċarati billi jiġu eżawriti s-sorsi ta’ għarfien disponibbli għall-konvenuta u għal-Qorti Ġenerali, qabel ittieħdet l-iktar miżura radikali possibbli fost il-miżuri kollha mill-konvenuta (f’dan il-każ, il-ħlas lura tal-finanzjament kollu approvat u mħallas).