24.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 279/62


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2020 – KY vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-433/20)

(2020/C 279/77)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: KY (rappreżentant: J.-N. Louis, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tas-17 ta’ Settembru 2019, ikkonfermata permezz tad-deċiżjoni espliċita tal-10 ta’ Ottubru 2019, tat-talba għar-restituzzjoni tal-parti mhux akkreditata tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mir-rikorrenti qabel id-dħul tagħha fis-servizz u ttrasferita lill-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni Ewropea.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li, konformement mad-dmir ta’ premura tagħha, istituzzjoni tal-Unjoni għandha l-obbligu li tinforma lill-uffiċjal mhux biss bir-regola tal-ammont mimimu tas-sussistenza u tal-impatt tagħha fuq il-kalkolu tal-pensjoni, iżda wkoll bil-possibbiltà li wieħed jipposponi t-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni sal-intitolament tad-drittijiet effettivi tiegħu għall-pensjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu. Ir-rikorrenti tqis li r-rifjut ta’ restituzzjoni tal-parti tad-drittijiet għall-pensjoni nazzjonali ttrasferiti lill-iskema tal-Unjoni, li tagħha ma jittiħidx kont waqt il-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni, jista’ jwassal għal approprjazzjoni inġustifikata u, għaldaqstant, għal arrikkiment indebitu favur l-Unjoni, kif ukoll ftaqir indebitu tal-uffiċjal ikkonċernat.