7.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 423/28


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Spanja) fis-16 ta’ Settembru 2020 – Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE) vs Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas

(Kawża C-436/20)

(2020/C 423/42)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE)

Konvenuta: Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 76 u 77 (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness 14) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jidħlu fi ftehim ma’ entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, mhux biss assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, għall-provvista ta’ kull tip [ta’] servizzi soċjali lill-persuni b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż, mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti fid-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi u irrispettivament mill-valur stmat, sempliċement billi jikklassifikaw minn qabel dawn l-ispejjeż bħala mhux kuntrattwali?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv u, konsegwentement, jekk ikun possibbli, l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 76 u 77 (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u l-Anness 14) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermett[u] li l-awtoritajiet kontraenti jidħlu fi ftehim ma’ entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru (mhux biss organizzazzjonijiet ta’ volontarjat) għall-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali lill-persuni b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż, mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti fid-Direttiva u irrispettivament mill-valur stmat, sempliċement billi jikklassifikaw minn qabel dawn l-ispejjeż bħala mhux kuntrattwali, meta barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix espliċitament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 77 tad-Direttiva, iżda tirreferi għal żvilupp regolatorju ulterjuri mingħajr ma tinkludi espressament fost il-linji gwida li għandhom jiġu segwiti minn dan l-iżvilupp regolatorju li dan tal-aħħar għandu jelenka espliċitament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 77 tal-imsemmija direttiva?

3)

Fil-każ li r-risposta tkun ukoll fin-negattiv u, konsegwentement, jekk ikun possibbli, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 76 u 77 (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness XIV) tad-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva [2006/123]/KE tal-Parlament [Ewropew] u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru [2006] dwar is-servizzi fis-suq intern (2), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li l-awtoritajiet kontraenti, għal skopijiet tal-għażla ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru (mhux biss lil assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat) li magħha jikkonkludu l-ftehim tal-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali lill-persuni, lil hinn minn dawk iddikjarati fl-Artikolu 2(2)(j) tal-imsemmija direttiva, jinkludu fost il-kriterji ta’ għażla l-istabbiliment fil-lokalità fejn ikun ser jingħata s-servizz?


(1)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014 L 94, p. 65, u r-rettifika fil-ĠU 2015 L 275, p. 68).

(2)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, l 376, p. 36).