27.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 137/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Instrucción de San Bartolomé de Tirajana (Spanja) fil-25 ta’ Jannar 2020 – Proċeduri kontra VL

(Kawża C-36/20)

(2020/C 137/48)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Instrucción de San Bartolomé de Tirajana

Partijiet fil-kawża prinċipali

VL

Parti oħra fil-proċedura: Ministerio Fiscal

Domandi preliminari

1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32/UE (1) jipprevedi l-każ li fih applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ppreżentata quddiem awtoritajiet oħra li ma humiex, skont id-dritt nazzjonali, kompetenti sabiex jirreġistrawhom, f’liema każ l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ssir sa mhux iktar tard minn sitt ijiem ta’ xogħol wara l-preżentata tat-talba.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hemm lok li l-qrati istruttorji, li għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-tpoġġija taħt detenzjoni jew le ta’ persuni barranin skont id-dritt nazzjonali, jitqiesu bħala li jikkostitwixxu waħda minn dawn l-“awtoritajiet oħra” li ma għandhomx il-kompetenza sabiex jirreġistraw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, iżda li quddiemhom l-applikanti jistgħu jimmanifestaw ir-rieda tagħhom li jippreżentaw tali applikazzjoni?

2)

F’każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2013/32/UE għandu jiġi intertpretat fis-sens li l-qorti istruttorja għandha tipprovdi lill-applikanti informazzjoni li tippermettilhom ikun jafu fejn u kif jistgħu jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u li f’każ li tiġi ppreżentata tali applikazzjoni, l-imsemmija qorti għandha tittrażmetti l-fajl lill-awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali għall-finijiet tar-reġistrazzjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, kif ukoll lill-awtorità amministrattiva kompetenti sabiex jingħataw lill-applikant il-mezzi ta’ akkoljenza previsti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33/UE (2)?

3)

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2013/32/UE u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33/UE għandhom jiġu interpretati fis-sens ma hemmx lok li ċ-ċittadini ta’ Stat terz jitpoġġew taħt detenzjoni, dment li ma jkunux issodifatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2013/33/UE, billi l-applikant huwa protett mill-prinċipju ta’ non-refoulement sa mill-mument li fih jimmanifesta r-rieda tiegħu quddiem il-qorti istruttorja?


(1)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

(2)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96)