24.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/59


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Diċembru 2019 – Design Light & Led Made in Europe e Design Luce & Led Made in Italy vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-886/19)

(2020/C 61/75)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Design Light & Led Made in Europe (Milan, l-Italja), Design Luce & Led Made in Italy (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: M. Maresca, D. Maresca u S. Pelleriti, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2019) 7805, innotifikata fid-29 ta’ Ottubru 2019, li ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra Koninklijke Philips N.V.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 105 TFUE

Ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm ksur tal-Artikolu 105 TFUE safejn il-Kummissjoni eżerċitat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha illegalment meta ddeċidiet li ma twettaqx investigazzjoni iktar profonda wara l-ilment li kienu ppreżentaw. Ir-rikorrenti jaffermaw f'dan ir-rigward li l-konvenuta invokat evalwazzjonijiet żbaljati tal-provi li kienu pprovdew sabiex tipprova l-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, u naqset ukoll li tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti.

2.

It-tieni motiv: huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 102 TFUE

Skont ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'mod żbaljat u fl-assenza ta’ xi evalwazzjoni teknika jew legali, li ma kienx probabbli li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, kemm f'termini ta’ dominanza (relatati mal-eżistenza tal-programm ta’ privattivi Philips kif ukoll l-aġir tagħha indipendenti mill-kompetituri u l-fornituri) u f'termini ta’ aġir abbużiv li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ prezzijiet diskriminatorji u l-impożizzjoni ta’ ffirmar ta’ kuntratti ta' liċenzja minħabba ksur allegat tal-privattivi kollha tagħha, li qatt ma ġew ippruvati.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE

Ir-rikorrenti jsostnu f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma evalwatx sew il-provi prodotti insostenn tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, billi kkonkludiet li l-programm PLP (“Patent Licensing Program”) u l-kuntratti ta’ liċenzji inkroċjati bejn Philips, Osram u Zumtobel jikkostitwixxu ftehim jew prattika miftiehma fis-sens ta’ dan l-artikolu, li hija aċċettat in-natura unilaterali tal-aġir mingħajr twettiq ta’ kontrolli (li għalhekk jammonta għal għarfien tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE) u ma kkunsidratx il-fatt li, għall-kuntrarju, kuntratt imfassal unilateralment, bħal dak inkwistjoni, jista’ jaħbi preċiżament ftehim illegali. Barra minn dan huwa l-fatt li ma kienx jaqa’ fuq l-assoċjazzjonijiet li għamlu l-ilment biex juru l-eżistenza ta’ dannu reali fis-suq tal-fornitur, peress li kien biżżejjed għalihom li jipprovdu informazzjoni li abbażi tagħhom il-Kummissjoni setgħet imbagħad u kellha d-dmir li tagħmel analiżi fil-fond.