2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/49


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Diċembru 2019 – UW vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-880/19)

(2020/C 68/58)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: UW (rappreżentant: F. Quraishi, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

issejjaħ lill-partijiet jekk dan ikun neċessarju;

tilqa’ dan ir-rikors bħala ammissibbli proċeduralment;

tilqgħu fuq il-mertu;

tirriforma, jew jekk le tannulla, id-deċiżjoni ta’ ċaħda kkontestata tat-2 ta’ Ottubru 2019 adottata minn [kunfidenzjali] (1) fil-kapaċità tagħha ta’ Awtorità tal-Ħatra u tiddikjara l-ilment Nru R/352/19 tas-27 ta’ Mejju 2019 fondat u konsegwentement tirriforma, jew jekk le tannulla, id-deċiżjoni inizjali adottata fis-27 ta’ Frar 2019 minħabba invalidità tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni, tressiq irregolari ta’ każ quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, irregolarità formali, nuqqas ta’ bażi legali, nuqqas ta’ motivazzjoni, jew jekk le, motivazzjoni żbaljata, eċess ta’ poter, użu ħażin jew abbuż, jew jekk le, kull bażi oħra li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni;

tordna konsegwentement l-integrazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti fl-aħħar pożizzjoni ta’ xogħol okkupata minn din tal-aħħar ma’ [kunfidenzjali], jew jekk le, f’pożizzjoni ekwivalenti u terġa’ tagħtiha retroattivament id-drittijiet kollha tagħha;

tordna d-dmirijiet u l-miżuri ta’ investigazzjoni kollha, b’mod partikolari, perizja medika minn espert mediku indipendenti intiża sabiex tiġi evalwata l-korrispondenza bejn l-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti u l-eżerċizzju tal-aħħar pożizzjoni ta’ xogħol tagħha okkupata ma’ [kunfidenzjali], jew jekk le, ta’ kull pożizzjoni oħra relatata mal-grad u mal-kwalifiki tagħha, jew jekk le, ta’ kull impjieg ieħor relatat mal-possibbiltajiet u mal-kapaċitajiet tagħha mal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Awtorità tal-Ħatra għall-ispejjeż kollha tal-istanza u b’mod partikolari għall-ispejjeż tal-perizja;

tirriżerva lir-rikorrenti d-drittijiet, il-motivi, il-ħlasijiet u l-azzjonijiet l-oħra kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-irregolarità tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-27 ta’ Frar 2019 li ssemmi b’mod żbaljat deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-31 ta’ Marzu 2016 li l-każ jitressaq quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, filwaqt li l-każ kien tressaq quddiemu fis-26 ta’ Ġunju 2018, fatt li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata tas-27 ta’ Frar 2019 b’irregolarità li għandha twassal għar-riforma tagħha jew għall-annullament tagħha.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-irregolarità tat-tressiq tal-każ quddiem il-Kumitat tal-Invalidità wara l-irtirar tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2017 permezz ta’ deċiżjoni tat-20 ta’ April 2018 tal-Awtorità tal-Ħatra. Fil-fatt, sussegwentement għall-irtirar tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2017 li rtirat lir-rikorrenti minħabba invalidità permanenti totali, din tal-aħħar kien imissha għamlet eżami mediku mwettaq mis-Servizz mediku. Issa, dan ma kienx il-każ u din l-irregolarità għandha twassal għar-riforma jew għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-irregolarità tat-tressiq tal-każ quddiem il-Kumitat tal-Invalidità fis-26 ta’ Ġunju 2018 filwaqt li l-kundizzjonijiet għat-tressiq tal-każ ma kinux issodisfatti b’mod partikolari dik relatata mat-tul tal-perijodu ta’ mard preċedenti għat-tressiq.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-kompożizzjoni irregolari tal-Kumitat tal-Invalidità u fuq l-assenza ta’ fondatezza tal-konklużjonijiet meħuda. Ir-rikorrenti ssostni li t-tabib [kunfidenzjali] kien iffastidjaha u tqis li għaldaqstant huwa inkonċepibbli li l-eżami tal-istat ta’ saħħa tagħha jiġi sottomess lilu. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ imparzjalità ta’ membru tal-Kumitat tal-Invalidità jikkostitwixxi irregolarità li tivvizzja d-deċiżjoni ta’ rtirar tar-rikorrenti minħabba invalidità.


(1)  Data kunfidenzjali moħbija.