24.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/50


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2019 – Dehousse vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-857/19)

(2020/C 61/64)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Franklin Dehousse (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u S. Rodrigues, avukati)

Konvenut: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Ottubru 2019, dwar miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2019, Dehousse vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (T 433/17, EU:T:2019:632), ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkostitwixxi miżura adegwata li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża T-433/17, Dehousse vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-2016 dwar l-aċċess għad-dokumenti amministrattivi, tal-Artikolu 15(3) TFUE u tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet u tad-dmir ta’ trasparenza.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, inkluż l-obbligu ta’ motivazzjoni.