9.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 413/63


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ottubru 2019 – GW vs Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-709/19)

(2019/C 413/76)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: GW (rappreżentant: J.-N. Louis, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2019 tal-Qorti tal-Awdituri li tiċħad it-talba għal riferiment lill-Kumitat tal-Invalidità sabiex tiġi kkonstatata l-evoluzzjoni tal-istat ta’ saħħitha u sabiex jiġu stabbiliti l-kontrolli mediċi wara t-tqegħid taħt stat ta’ invalidità;

tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, minħabba li dan l-artikolu jipprevedi biss il-possibbiltà għall-istituzzjoni, u mhux l-obbligu, tal-eżami b’mod perijodiku ta’ uffiċċjal li jibbenefika minn allokazzjoni ta’ invalidità sabiex jiġi żgurat li dejjem ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika minn din l-allokazzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Konklużjoni Nru 273/15, tal-25 ta’ Frar 2016, tal-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni dwar il-kontroll mediku wara t-tqegħid taħt stat ta’ invalidità, sa fejn din tipprevedi li t-tabib tal-istituzzjoni jista’, b’mod eċċezzjonali, jaċċetta rapport imħejji mit-tabib kuranti jew jissospendi l-kontroll jekk in-natura tal-kundizzjoni li wasslet għall-istat ta’ invalidità ma tiġġustifikax kontroll intiż għall-evalwazzjoni tal-possibbiltà li tmur lura għax-xogħol.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-istituzzjoni kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet tat-tabib kuranti u tat-tabib konsulent tat-23 u tal-24 ta’ Awwissu 2017, tal-psikologu tas-26 ta’ Settembru 2019 u tat-tabib kuranti tal-11 ta’ Ottubru 2019.