28.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 363/31


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Settembru 2019 – Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-610/19)

(2019/C 363/40)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Telekom AG (Bonn, il-Ġermanija) (rappreżentanti: P. Linsmeier, U. Soltész, C. von Köckritz u P. Lohs, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 2019 li permezz tagħha hija ċaħdet it-talba għall-ħlas ta’ interessi moratorji;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tħallas lir-rikorrenti kumpens finanzjarju ta’ EUR 2 580 374,07 għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-fatt li matul il-perijodu bejn is-16 ta’ Jannar 2015 u d-19 ta’ Frar 2019 hija ma setgħetx tuża s-somma indebitament imħallsa b’mod li ma setgħetx tiġġenera d-dħul normalment miksub minn tali ammont jew tnaqqas b’mod korrispondenti l-ispejjeż kapitali tagħha;

sussidjarjament, jekk il-Qorti Ġenerali tiċħad it-tieni kap tat-talbiet, tikkumpensa lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 1 750 522,83 għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat, għall-perijodu bejn is-16 ta’ Jannar 2015 u d-19 ta’ Frar 2019, li tħallas interessi moratorji fuq l-ammont ta’ EUR 12 039 019, u dan bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament flimkien ma’ 3.5 punti perċentwali għall-perijodu bejn is-16 ta’ Jannar 2015 u d-19 ta’ Frar 2019 jew – sussidjarjament – ammont ieħor meqjus xieraq mill-Qorti Ġenerali, ikkalkolat abbażi ta’ rata ta’ interessi moratorji li l-Qorti Ġenerali tqis xieraq;

tikkonstata li l-ammont li għandu jitħallas mill-Kummissjoni, abbażi tat-tieni u tat-tielet kap tat-talbiet għall-perijodu mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-proċedura sal-ħlas komplet mill-Kummissjoni, għandu jitħallas ukoll bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament flimkien ma’ 3.5 punti perċentwali, u sussidjarjament skont rata oħra ta’ interessi moratorji meqjusa xierqa mill-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

1.

L-ewwel motiv (talba għal annullament): billi rrifjutat li tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li timplimenta s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T-827/14, EU:T:2018:930), ikkonfermata bis-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2019, L-Unjoni Ewropea vs Guardian Europe (C-447/17 P, EU:C:2019:672), u għalhekk kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

2.

It-tieni motiv (talba għal annullament): ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda hija insuffiċjenti peress li ma tispjegax b’mod ċar biżżejjed il-motiv ta’ ċaħda tat-talba tar-rikorrenti għal interessi moratorji. Ma huwiex ċar jekk il-Kummissjoni tippreżumix li l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 1268/2012 (1) jirregola b’mod eżawrjenti d-dritt għal interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u kif tali interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE.

3.

It-tielet motiv (talba għal kumpens): dannu tar-rikorrenti minħabba t-telf tal-possibbiltà li tuża l-ammont eċċessiv tal-multa illegali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-Artikolu 268 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u sussidjarjament minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji.


(1)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1)