15.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/27


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2019 — BU vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-316/19)

(2019/C 238/32)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: BU (rappreżentant: E. Bonanni, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Awwissu 2018;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas is-somma ta’ EUR 21 440;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas interessi moratorji mit-23 ta’ Jannar 2017 sal-ħlas;

tikkumpensah għad-dannu subit għal ammont ta’ EUR 500 000 jew għal kull ammont ieħor iddeterminat ex aequo et bono;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

Sussidjarjament:

tobbliga lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li ċ-ċirkustanzi tal-każ jaqgħu taħt il-każ partikolari deskritt fl-Artikolu 10 tar-Regoli (fis-seħħ qabel l-2006), filwaqt li tipproċedi għar-rimbors tas-somma mitluba prinċipalment;

Iktar sussidjarjament:

tobbliga lill-Kummissjoni titlob l-opinjoni tal-Kumitat Mediku skont l-Artikoli 20 u 22 tar-Regoli komuni (posterjuri għall-2006).

Motivi u argumenti prinċipali

L-Awtorità tal-Ħatra tiċħad fir-rigward tar-rikorrent f’din il-kawża, li fir-rigward tiegħu diġà ġiet irrikonoxxuta invalidità permanenti u totali minħabba marda kkaġunata mix-xogħol, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard, ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2006 fir-rigward ta’ rimbors għal kura relatata mal-għeluq ta’ “okklużjoni mhux kompluta” ta’ ħsara għall-apparat respiratorju tar-rikorrent indebbolit mill-marda kkaġunata mix-xogħol.

Insostenn tar-rikors tiegħu r-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rapport tat-tabib tar-rikorrent u r-riżultat miksub ma jħallux dubju fir-rigward tal-urġenza u tan-neċessità tal-kura tiegħu fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regoli.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba minħabba d-dokumentazzjoni mhux kompluta pprovduta lill-espert, li rrefera għalih it-tabib indikat minnha, previst fl-Artikolu 23, kif ukoll minħabba l-aġir anormalment mhux etiku tat-tliet tobba li intervenjew f’din il-fażi, fosthom ir-rifjut tal-funzjonijiet bażiċi tal-imnieħer u fuq kollox tal-protezzjoni kontra l-infezzjonijiet tal-apparat respiratorju indebbolit tar-rikorrent, għaldaqstant ir-rifjut tal-benefiċċju tal-għeluq tal-okklużjoni mhux kompluta li seħħ.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ir-rifjut, mill-Awtorità tal-Ħatra, li tapplika b’analoġija l-Artikolu 22 tar-Regoli komuni fir-rigward tar-rikorrent b’sostituzzjoni għall-Artikolu 23, irrikonoxxut bħala mhux applikabbli, filwaqt li l-istess Awtorità tal-Ħatra talbet lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika l-Artikolu 22 għan-nomina ex officio tat-“tabib l-ieħor”: ir-riferiment lill-Kumitat Mediku jiggarantixxi lir-rikorrent kemm il-formulazzjoni tajba tal-mandat, kif ukoll il-kompletezza tal-fajl.