20.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-25 ta’ Settembru 2019 – Vereniging van Effectenbezitters vs BP plc

(Kawża C-709/19)

(2020/C 19/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vereniging van Effectenbezitters

Konvenuta: BP plc

Domandi preliminari

1.

a)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia) (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-seħħ dirett ta’ dannu purament finanzjarju ta’ kont ta’ investiment fil-Pajjiżi l-Baxxi jew ta’ kont ta’ investiment ta’ bank u/jew ta’ impriża ta’ investiment stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, liema dannu jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ investiment li ttieħdet skont informazzjoni ġeneralment disponibbli iżda skorretta, inkompleta u qarrieqa u li toriġina minn kumpannija internazzjonali kkwotata fil-borża, huwa fattur ta’ rabta sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Olandiża skont il-post tas-seħħ tad-dannu (“Efolgsort”)?

b)

Fin-negattiv, huma neċessarji ċirkustanzi addizzjonali sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti Olandiża u liema huma ċ-ċirkustanzi? Iċ-ċirkustanzi addizzjonali (imsemmija fil-punt 4.2.2) huma suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti Olandiża?

2.

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk it-talba titressaq skont l-Artikolu 3.305a tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Olandiż) minn assoċjazzjoni li l-għan tagħha huwa li tiddefendi, bil-prerogattiva tagħha stess, l-interessi kollettivi ta’ investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak imsemmi fl-ewwel domanda, u dan jimplika b’mod partikolari li la d-domiċilji tal-imsemmija investituri, u lanqas iċ-ċirkustanzi partikolari tat-tranżazzjonijiet individwali ta’ xiri jew ta’ deċiżjonijiet individwali li ma jinbigħux l-azzjonijiet li kienu miżmuma, ma ġew stabbiliti?

3.

Jekk il-qorti Olandiża ikollha ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Brussell Ia, sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba mressqa skont l-Artikolu 3.305a tal-Kodiċi Ċivili Olandiż, din il-qorti għandha wkoll ġurisdizzjoni territorjali internazzjonali u nazzjonali, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Brussell Ia, sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għad-danni kollha mressqa mill-investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak li hemm riferiment għalih fl-ewwel domanda?

4.

Jekk il-qorti Olandiża jkollha ġurisdizzjoni territorjali internazzjonali iżda mhux nazzjonali sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet għad-danni kollha mressqa mill-investituri li jkunu ġarrbu dannu bħal dak li hemm riferiment għalih fl-ewwel domanda, il-ġurisdizzjoni territorjali nazzjonali għandha għalhekk tiġi ddeterminata abbażi tad-domiċilju tal-investitur leż, tal-post ta’ stabbiliment tal-bank li fih dan l-investitur ikollu l-kont personali tiegħu, tal-post ta’ stabbiliment tal-bank li fih jinżamm il-kont ta’ investiment, jew abbażi ta’ fattur ta’ rabta ieħor?


(1)  ĠU 2012, L 351, p. 1