27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fl-24 ta’ Settembru 2019 – J.K. v Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach

(Kawża C-703/19)

(2020/C 27/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: J.K.

Konvenut: Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ristoranti” li għalihom tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT (Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), moqri flimkien mal-punt (12a) tal-Anness III tagħha u mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2)), ikopri l-bejgħ ta’ ikliet ippreparati minn qabel taħt il-kundizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn:

il-bejjiegħ jipprovdi lix-xerrejja infrastruttura li tippermettilhom jikkonsumaw l-ikla tagħhom fuq il-post (spazju separat intiż għall-konsum tal-ikel, aċċess għat-tojlits);

ma hemm ebda servizz speċjali pprovdut minn wejters;

ma hemm ebda servizz fil-veru sens tal-kelma;

il-proċess biex issir l-ordni huwa ssemplifikat u parzjalment awtomatizzat;

il-possibbiltà li l-klijent jippersonalizza l-ordni tiegħu hija limitata?

2)

Il-mod kif jiġu ppreparati l-ikliet huwa rilevanti għar-risposta tal-ewwel domanda, b’mod partikolari l-fatt li ċerti prodotti nofshom lesti jiġu msaħħna u li l-ikliet ippreparati minn qabel jiġu komposti minn prodotti nofshom lesti?

3)

Il-fatt li l-klijent għandu l-possibbiltà juża l-infrastruttura proposta huwa suffiċjenti għar-risposta tal-ewwel domanda, jew għandu jiġi stabbilit li, mill-perspettiva tal-klijent medju, dan l-element jikkostitwixxi element essenzjali tas-servizz ipprovdut?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, kif emendata.

(2)  ĠU 2011, L 77, p. 1.