19.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 280/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fl-24 ta’ April 2019 — E. Sp. z o.o. Sp. k. z siedzibą w S. Vs Minister Finansów

(Kawża C-335/19)

(2019/C 280/27)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: E. Sp. z o.o. Sp. k. z siedzibą w S.

Konvenut: Minister Finansów

Domandi preliminari

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), b’mod partikolari l-Artikolu 90(2) tagħha, tawtorizza, fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, l-introduzzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet li jillimitaw il-possibbiltà li l-ammont taxxabbli jitnaqqas fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas parzjali jew totali, skont l-istatus fiskali partikolari tad-debitur u tal-kreditur?

2)

B’mod iktar partikolari, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-istabbiliment, fid-dritt nazzjonali, ta’ regoli li jippermettu “tnaqqis għal djun irrekuperabbli” sakemm, fid-data tal-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizzi jew tal-kunsinna ta’ oġġetti, kif ukoll fil-jum li jippreċedi l-jum li fih tiġi ppreżentata r-regolarizzazzjoni tad-dikjarazzjoni fiskali intiża sabiex jittieħed benefiċċju mill-imsemmi tnaqqis:

id-debitur ma jkunx suġġett għal proċedura ta’ insolvenza jew ta’ stralċ?

il-kreditur u d-debitur ikunu rreġistrati bħala persuni suġġetti għall-VAT?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifka fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.