18.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/42


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2018 – Melin vs Il-Parlament

(Kawża T-726/18)

(2019/C 65/54)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Joëlle Melin (Aubagne, Franza) (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli l-eċċezzjoni ta’ illegalità u, konsegwentement, tiddikjara illegali l-Artikoli 33 u 68 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

tikkonstata n-nuqqas ta’ bażi legali tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-4 ta’ Ottubru 2018;

Fuq ir-rikors prinċipali:

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2018, innotifikata permezz tal-ittra Nru D316037 tal-10 ta’ Ottubru 2018, meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008“dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew” li tikkonstata dejn fil-konfront tar-rikorrenti fl-ammont ta’ EUR 130 339,35 fuq il-bażi ta’ ammonti indebitament imħallsa fil-kuntest tal-assistenza parlamentari u li timmotiva l-irkupru tiegħu;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2018-1597 li tinforma lir-rikorrenti li ġie kkonstatat dejn fil-konfront tagħha skont id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-4 ta’ Ottubru 2018, “irkupru ta’ somom indebitament imħallsa fuq il-bażi tal-assistenza parlamentari, skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentezzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Artikoli 78 sa 79 tar-Regolament Finanzjarju”;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità għal ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi bl-Artikoli 33 u 68 tal-Miżuri ta’ Implimentezzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew adottati permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tagħhom.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermetti għarfien preċiż tal-motivi għal rifjut ta’ ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti kif previst tax-xogħol imwettaq. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ma hijiex immotivata, bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti, peress li din tal-aħħar ma kellhiex smigħ orali mis-Segretarju Ġenerali iżda nstemgħet biss permezz ta’ proċedura bil-miktub.