11.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/25


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2018– Adraces vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-714/18)

(2019/C 54/38)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Associação para o Desenvolvimento da Raia Centro Sul — Adraces (Vila Velha de Ródão, il-Portugall) (rappreżentanti: G. Anastácio, D. Pirra Xarepe, J. Whyte u M. Barros Silva, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ARES (2018) 4940694 tas-26 ta’ Settembru 2018, li ġabet fi tmiemha l-Ftehim-Qafas ta’ sħubija Nru COM/LIS/ED/2018-2020_1, invalida u tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti tar-rikorrenti.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, inkwantu l-Kummissjoni rrevokat kuntratt pubbliku b’mod unilaterali, mingħajr ma pprovdiet ebda raġuni jew ġustifikazzjoni f’dan is-sens.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ bone fide, inkwantu, billi, fl-imsemmi ftehim-qafas introduċiet klawżola ġenerali ta’ revoka li skontha hija tista’ ttemm dan il-ftehim b’mod arbitrarju, mingħajr ebda raġuni jew ġustifikazzjoni, il-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter u injorat l-ekwilibriju tal-interessi li huma l-bażi ta’ kull kuntratt, pubbliku jew privat.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet u interessi leġittimi tal-partijiet, li torbot lill-awtorità amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, inkwantu l-Kummissjoni rrevokat l-imsemmi ftehim b’mod unilaterali, b’mod purament arbitrarju u mingħajr raġunijiet, liema fatt huwa pprojbit bil-prinċipju pacta sunt servanda.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-Kummissjoni rrevokat l-imsemmi ftehim fuq il-bażi ta’ sempliċi artiklu ta’ gazzetta, mingħajr ma wettqet evalwazzjoni suffiċjentement iddettaljata tal-każ konkret, liema fatt joħloq każ ta’ amministrazzjoni ħażina manifesta.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu l-Kummissjoni rrevokat l-imsemmi ftehim mingħajr ebda raġuni jew ġustifikazzjoni b’reazzjoni għall-kundanna ta’ impjegat tar-rikorrenti għar-reati ta’ falsifikazzjoni u frodi li b’ebda mod ma kellhom x’jaqsmu mal-attività ta’ din tal-aħħar u lanqas mas-setgħat u kompetenzi tal-Kummissjoni.