14.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 16/48


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2018 – Tokai erftcarbon vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-636/18)

(2019/C 16/59)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Tokai erftcarbon GmbH (Grevenbroich, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, M. Grunchard, R. Crespi u S. Saez Moreno, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu kkawżat lilha mill-konvenuta;

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti d-danni sostnuti mir-rikorrenti bħala konsegwenza diretta tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5), sa fejn dan ikklassifika s-sustanza żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala Akwatika Akuta 1 (H400) u Akwatika Kronika 1 (H410), smati għal ammont totali ta’ EUR 66 236,74, jew kwalunkwe ammont ieħor kif stabbilit sussegwentement mir-rikorrenti matul il-proċedura jew mill-Qorti Ġenerali;

b’mod sussidjarju, tagħti sentenza interlokutorja fejn tiddeċiedi li l-konvenuta hija obbligata tikkumpensa għat-telf sostnut u tordna lill-partijiet jipproduċu lill-Qorti Ġenerali, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli mid-data tas-sentenza, figuri li jirrigwardaw l-ammont tal-kumpens miftiehem bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, tordna lill-partijiet jipproduċu, fl-istess perijodu ta’ żmien, is-sottomissjonijiet tagħhom b’figuri ddettaljati insostenn tagħhom;

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti l-interessi kumpensatorji bir-rata standard mid-data ta’ meta t-telf ġie sostnut (jiġifieri mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-klassifikazzjoni illegali jew inkella mid-data ta’ meta d-dannu mmaterjalizza ruħu);

tordna lill-konvenuta tħallas l-interessi moratorji ta’ 8 %, jew rata xierqa oħra li għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti Ġenerali, ikkalkolati fuq l-ammont pagabbli mid-data tas-sentenza sal-ħlas attwali; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motivi wieħed ibbażat fuq li l-konvenuta kkawżat dannu lir-rikorrenti permezz tal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 (1), li jikklassifika s-sustanza żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza Akwatika Akuta 1 (H400) u Akwatika Kronika 1 (H410). Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni Ewropea mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li parzjalment tannulla r-Regolament Nru 944/2013 inkwantu kklassifika s-sustanza żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja bħala sustanza Akwatika Akuta 1 (H400) u Akwatika Kronika 1 (H410), u dan minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti sostniet spejjeż sabiex tapplika l-klassifikazzjoni illegali. Il-konvenuta hija responsabbli għal dawk l-ispejjeż skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE peress li l-aġir tal-konvenuta huwa wieħed illegali inkwantu dan jammonta għal ksur tal-liġi suffiċjentement serju, id-dannu kkawżat huwa reali u ċert u hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir u d-dannu invokati.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 261, 3.10.2013, p. 5).