26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 427/82


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2018 – Ayuntamiento de Quart de Poblet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-539/18)

(2018/C 427/109)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ayuntamiento de Quart de Poblet (Quart de Poblet, Spanja) (rappreżentanti: B. Sanchis Piqueras, J. Rodríguez Pellitero, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikajra r-rikors ammissibbli u fondat;

tikkonferma u tiddikjara li:

ir-rikorrent wettaq korrettement l-obbligi kuntrattwali tiegħu li għandu skont il-kuntratti;

konsegwentement, għandu dritt għall-finanzjament irrikonoxxut skont l-istess kuntratti;

it-talba tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas lura ta’ ammonti speċifiċi għall-proġett Diego u għall-proġett SEED hija inammissibbli u infondata;

tannulla n-noti ta’ debitu jew, fi kwalunkwe każ, tiddikjarahom illegali;

tordna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lura lir-rikorrent l-ammonti mitluba li tħallsu minn dan tal-aħħar.

sussidjarjament, tiddikjara ammissibbli u/jew eliġibbli għall-finanzjament dik il-parti tal-ammonti mitluba mill-Kummissjoni Ewropea li l-Qorti Ġenerali tqis xierqa;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-ispejjeż mill-Kummissjoni Ewropea.

Ir-rikorrent jikkontesta bħala żbaljata, peress li ma osservatx id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti, il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-ispejjeż bħala diretti jew indiretti u/jew mhux attribwibbli, abbażi tar-rapport tal-awdituri tagħha, u li jimponi li r-rikorrent iħallas lura s-sussidji riċevuti għat-twettiq tal-proġetti DIEGO u SEED.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-kwantifikazzjoni żbaljata tal-ispejjeż mill-Kummissjoni Ewropea.

Ir-rikorrent jikkontesta din il-kwantifikazzjoni bħala żbaljata, billi din ma osservatx dak li huwa stabbilit f’dan ir-rigward fil-kuntratti.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-kuntratti mill-Kummissjoni Ewropea.

Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni tikser dak previst mill-kuntratti, billi kklassifikat u kkwantifikat b’mod żbaljat l-ispejjeż attribwibbli u tippersisti f’dan il-ksur, minkejja l-argumenti u l-provi prodotti fil-proċeduri kontradittorji, u b’hekk hija f’mala fides.