29.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/32


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2018 – Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-507/18)

(2018/C 392/40)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: F. Alabrune, D. Colas, A.-L. Desjonquères, S. Horrenberger u A. Alidière, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) sa fejn tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, ekwivalenti għal EUR 1 945 435,39, fir-rigward ta’ “Għajnuna Diretta Oħra – POSEI”, minħabba “Kontabilità mhux preċiża għal ċerti konsenji tal-banana”, għas-snin finanzjarji 2013, 2014, 2015 u 2016;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ clearance għall-konformità fir-rigward tal-għajnuna fis-settur tal-banana, peress li hija adottat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “kummerċjalizzazzjoni” ta’ banana ħadra eliġibbli għall-għajnuna tal-programm ta’ għażliet speċifiċi għad-distanza u għall-insularità (POSEI) applikabbli għall-Guadeloupe u għall-Martinique.

Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni adottat interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li tikser il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1333/2011 tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jistabbilixxi l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-banana, regoli dwar il-verifika tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u r-rekwiżiti għan-notifikazzjonijiet fis-settur tal-banana (ĠU 2011, L 336, p. 23).

It-tieni nett, hija tinvoka l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett adottat mill-Kummissjoni li tirriżulta minn applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671 u rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261 u fil-ĠU 2016, L 130, p. 8).