5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/38


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2018 – Neda Industrial Group vs Il-Kunsill

(Kawża T-490/18)

(2018/C 399/52)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Neda Industrial Group (Tehran, l-Iran) (rappreżentant: L. Vidal, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-6 ta’ Ġunju 2018 li żżomm is-sanzjonijiet fil-konfronti tiegħu, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2018 li żżomm lir-rikorrent fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) u tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (2).

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba żball ta’ liġi.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma weriex li hija pprovdiet sostnenn volontarju għall-attivitajiet nukleari tal-Iran li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni, li hija l-bażi legali għall-inklużjoni tiegħu fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012.

Ir-rikorrent iżid li l-fatt li l-Kunsill ma kkomunikalu ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba żball ta’ fatt.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, fid-dawl tal-attivitajiet tiegħu u s-servizzi li huwa jipprovdi, huwa ma hu marbut la ma xi entità li hija suġġett ta’ sanzjonijiet u lanqas ma xi attività nukleari.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-inklużjoni tiegħu fuq il-lista ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi u r-rifjut li jitneħħa minn din il-lista ma huma la xierqa u lanqas neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi mir-Regolament Nru 267/2012 u li kkawżawlu dannu sproporzjonat.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat- 23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1).