201805250681897362018/C 200/592402018TC20020180611MT01MTINFO_JUDICIAL20180416464722

Kawża T-240/18: Rikors ippreżentat fis-16 ta’ April 2018 – Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il-Kummissjoni


C2002018MT4620120180416MT0059462472

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ April 2018 – Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-240/18)

2018/C 200/59Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Polskie Linie Lotnicze “LOT” S.A. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentant: M. Jeżewski, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 8766 finali tat-12 ta’ Diċembru 2017 fil-Każ M.8672 (EASYJET/CERTAIN AIR BERLIN ASSETS);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tobbliga lill-Kummissjoni twieġeb, fil-kuntest tar-risposta tagħha, ċerti mistoqsijiet tar-rikorrenti rigward l-iżvolġiment tal-investigazzjoni dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u li tipprovdi ċerti provi li fuqhom id-deċiżjoni tagħha hija bbażata.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret ir-regoli tat-Trattat UE u d-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari dawk tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 ( 1 ), billi ma wettqitx evalwazzjoni sħiħa tal-effetti negattivi tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri b’destinazzjoni u ta’ provenjenza minn ċerti ajruporti, u għalhekk wettqet żball gravi u manifest fl-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni. Eżami analitiku mwettaq korrettament tal-konċentrazzjoni kellu jwassal għall-konklużjoni li l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni jkollha ċertu numru ta’ effetti antikompetittivi, u b’mod partikolari effett iktar negattiv fuq il-kompetizzjoni milli l-assenza ta’ konċentrazzjoni f’xenarju alternattiv.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret il-“Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali” (Linji gwida dwar l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet orizzontali), billi ma eżaminatx jekk l-effiċjenzi mwettqa permezz tal-konċentrazzjoni jpaċux l-effetti antikompetittivi tagħha.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret ir-regoli tat-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom billi ma imponietx fuq EasyJet l-impenji li kienu jippermettu li jiġi evitat l-ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva li jirriżulta mill-konċentrazzjoni.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret ir-regoli tat-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom billi naqset milli tevalwa l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq intern f’relazzjoni mal-għajnuna mill-Istat mogħtija preċedentement lil Air Berlin fil-15 ta’ Awwissu 2017 fil-forma ta’ self ta’ EUR 150 miljun mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din l-għajnuna ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 6080 finali tal-4 ta’ Settembru 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Air Berlin.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 296 TFUE billi ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha, bħal ma juru b’mod partikolari l-assenza ta’ analiżi kompleta tal-fatti, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċertu numru ta’ elementi indispensabbli għal evalwazzjoni affidabbli tal-effetti kollha tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, l-assenza ta’ evawlazzjoni tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fis-suq intern f’relazzjoni mal-għajnuna mill-Istat mogħtija preċedentement lil Air Berlin u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ tali ommissjoni.


( 1 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8,Vol. 3, p. 40).