26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 427/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Settembru 2018 – RB vs TÜV Rheinland LGA Products GmbH et

(Kawża C-581/18)

(2018/C 427/26)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Frankfurt am Main

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: RB

Konvenuti: TÜV Rheinland LGA Products GmbH, Allianz IARD S.A.

Domandi preliminari

1)

Id-destinatarji tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huma esklużivament l-Istati Membri u l-korpi tal-Unjoni jew ukoll l-individwi (effett dirett orizzontali tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE)?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn l-individwi: l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi limitazzjoni tal-kopertura għal dannu li seħħ fi Franza metropolitana u fit-territorji extra-Ewropej Franċiżi, peress li l-awtorità Franċiża kompetenti, il-Bureau central de tarification (l-Uffiċċju Ċentrali tat-Tariffikazzjoni) ma oġġezzjonax għall-klawżola korrispondenti, minkejja li din il-klawżola tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE peress li tinkludi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità?

3)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi ġġustifikata diskriminazzjoni indiretta f’każijiet ta’ effett fil-konfront ta’ terzi? B’mod partikolari: limitazzjoni territorjali tal-kopertura ta’ assigurazzjoni għal dannu li seħħ fi Stat Membru partikolari tista’ tiġi ġġustifikata bl-argument tal-limitazzjoni tal-obbligu ta’ kopertura tal-kumpannija tal-assigurazzjoni kif ukoll tal-ammont tal-primjum, meta l-poloz tal-assigurazzjonijiet ikkonċernati jipprovdu fl-istess waqt li, fil-każ ta’ serje ta’ danni, il-kopertura għal kull każ ta’ dannu u l-kopertura għal kull sena assigurata huma limitati f’termini ta’ ammonti?

4)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk, kuntrarjament għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, l-assiguratur ikun kopra biss id-dannu li seħħ fi Franza metropolitana u fit-territorji extra-Ewropej Franċiżi, hemm lok għal projbizzjoni tal-oġġezzjoni li l-ħlas ma setax iseħħ peress li l-kopertura massima kienet diġà ntlaħqet, fil-każ li d-dannu jkun seħħ barra mill-imsemmija territorji?