5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/19


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2018 – Ir-Repubblika tas-Slovenja vs Ir-Repubblika tal-Kroazja

(Kawża C-457/18)

(2018/C 399/27)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tas-Slovenja (rappreżentant: M. Menard)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Kroazja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li l-konvenuta kisret:

l-Artikolu 2 u l-Artikolu 4(3) TUE;

l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE;

l-Artikoli 4 u 17, moqrija flimkien mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen); kif ukoll

l-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu;

tordna lill-konvenuta twaqqaf immedjatament il-ksur imsemmi; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin insostenn tar-rikors tagħha.

L-ewwel motiv:

Il-Kroazja, billi naqset unilateralment mill-impenn meħud matul il-proċess ta’ adeżjoni fl-Unjoni Ewropea, li tosserva s-sentenza tal-arbitraġġ u, b’hekk, il-fruntiera ddeterminata fis-sentenza u l-obbligi l-oħra li jirriżultaw mill-imsemmija sentenza, tirrifjuta li tosserva l-istat tad-dritt li huwa valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 2 TUE).

It-tieni motiv:

Il-Kroazja, billi rrifjutat li tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha skont is-sentenza tal-arbitraġġ, tipprekludi fl-istess ħin lis-Slovenja milli teżerċita kompletament is-sovranità tagħha fuq ċerti partijiet tat-territorju tiegħu fis-sens tat-Trattati, naqset mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Unjoni Ewropea u mas-Slovenja, fis-sens tal-Artikolu 4(3) TUE. L-aġir tal-Kroazja jipperikola l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-paċi u l-għaqda dejjem eqreb bejn il-popli, u l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni relatati mat-territorju tal-Istati Membri (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE). Il-Kroazja tipprekludi wkoll lill-Islovenja milli timplimenta d-dritt tal-Unjoni fuq it-territorju tal-art u marittimu kollu tagħha u li taħixxi fl-osservanza ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju dwar it-territorju tal-Istati Membri (l-ewwel subparagarafu tal-Artikolu 4(3) TUE).

It-tielet motiv:

Il-Kroazja tikser ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-aċċess reċiproku skont l-Artikolu 5 u l-Anness I. Il-leġiżlazzjoni li tapplika għall-Kroazja u għas-Slovenja mit-30 ta’ Diċembru 2017, tagħti lil 25 dgħajsa tas-sajd ta’ kull Stat aċċess liberu għall-ibħra territorjali tal-Istat l-ieħor, kif iddelimitati skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri mis-sentenza ta’ arbitraġġ. Il-Kroazja tipprekludi lis-Slovenja milli teżerċita d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni u b’hekk kisret l-Artikolu 5 tar-regolament, peress li (i) tirrifjuta li tapplika l-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess reċiproku, (ii) tirrifjuta li tirrikonoxxi l-validità tal-leġiżlazzjoni adottata għal dan il-għan mis-Slovenja u (iii) billi timponi multi b’mod sistematiku, tipprekludi lis-sajjieda Sloveni milli jkollhom aċċess liberu għall-ibħra territorjali allokati lis-Slovenja bis-sentenza ta’ arbitraġġ tal-2017 u, a fortiori, għall-ibħra territorjali Kroati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess reċiproku.

Ir-raba’ motiv:

Il-Kroazja tikser ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011. Mingħajr il-ftehim tas-Slovenja, dgħajjes tal-pulizija Kroati jakkumpanjaw sajjieda Kroati li jistadu fl-ibħra Sloveni, u b’hekk jimpedixxu lill-ispetturi tas-sajd Sloveni milli jeżerċitaw kontroll. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Kroati jimponu multi għal qsim illegali tal-fruntiera u sajd illegali fuq is-sajjieda Sloveni li jistadu fl-ibħra Sloveni li l-Kroazja qed tgħid li huma tagħha. Barra minn hekk, il-Kroazja ma tikkomunika lill-Islovenja ebda data dwar l-attivitajiet ta’ dgħajjes Kroati fl-ibħra Sloveni, kif jirrikjedi r-regolament. Meta tagħmel dan, il-Kroazja timpedixxi lis-Slovenja milli teżerċita kontroll fuq l-ibħra li jaqgħu fis-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħha u ma tirrispettax il-kompetenzi esklużivi tas-Slovenja dwar l-ibħra territorjali tagħha bħala Stat kostali, u b’hekk, tikser ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament (UE) Nruo404/2011.

Il-ħames motiv:

Il-Kroazja kisret u għadha tikser ir-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Il-Kroazja ma tirrikonoxxix il-fruntiera stabbilita mis-sentenza tal-arbitraġġ bħala fruntiera komuni mas-Slovenja, ma tikkoperax mas-Slovenja sabiex tissorvelja din il-“fruntiera interna” u ma tistax tiżgura sorveljanza adegwata, u b’hekk tikser l-Artikoli 13 u 17 tar-regolament, kif ukoll l-Artikolu 4, li jirrikjedi li l-fruntiera tkun iddeterminata skont id-dritt internazzjonali.

Is-sitt motiv:

Il-Kroazja kisret u għadha tikser id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu li tapplika għall-“ilmijiet tal-ibħra [ibħra territorjali]” tal-Istati Membri, kif iddeterminati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) (Artikolu 2(4) tad-direttiva). Il-Kroazja irrifjutat is-sentenza tal-arbitraġġ li ddeċidiet tali delimitazzjoni u, għall-kuntrarju, tinkludi l-ibħra territorjali Sloveni fl-ippjanar tagħha tal-ispazju marittimu u, konsegwentement, timpedixxi adattament għall-mapep tas-Slovenja u, b’hekk, tikser id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 11 ta’ din tal-aħħar.