30.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Barcelona (Spanja) fis-16 ta’ Frar 2018 – Marc Gómez del Moral Guasch vs Bankia S.A.

(Kawża C-125/18)

(2018/C 152/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia de Barcelona (Il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Barcelona, Spanja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Marc Gómez del Moral Guasch

Konvenuta: Bankia S.A.

Domandi preliminari

1.

L-indiċi IRPH (1) Cajas, għandu jkun suġġett għal protezzjoni ġudizzjarja fis-sens li jiġi eżaminat jekk dan jinftiehemx mill-konsumatur mingħajr ma jkun prekluż li jiġi rregolat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi, inkwantu dan ma huwiex previst fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 (2) ġaladarba ma jirrigwardax dispożizzjoni obbligatorja iżda interess varjabbli u remuneratorju li jiġi inkluż b’mod fakultattiv mill-professjonist inkarigat mill-kuntratt?

2.

2.1

Konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, mhux trasposta fl-ordinament ġuridiku [Spanjol], il-fatt li qorti Spanjola tinvoka u tapplika l-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva meta din id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku [Spanjol] fuq rieda tal-leġiżlatur, li kellu l-għan li jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni sħiħa fir-rigward tal-klawżoli kollha li l-professjonist jista’ jinkludi f’kuntratt sottoskritt minn konsumaturi, inklużi dawk li jħallu effetti fuq l-għan prinċipali tal-kuntratt – anki jekk ikunu ġew redatti b’mod ċar u li jinftiehem, imur kontra d-Direttiva 93/13/KEE u l-Artikolu 8 tagħha?

2.2

Fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li tiġi trażmessa informazzjoni jew reklamar dwar il-fatti jew data li ġejjin, jew uħud minnhom, sabiex tinftiehem il-klawżola essenzjali, b’mod speċifiku tal-IRPH?

(i)

Spjegazzjoni ta’ kif tiġi kkonfigurata r-rata ta’ referenza, jiġifieri, informazzjoni dwar il-fatt li dan l-indiċi jinkludi l-kummissjonijiet u spejjeż oħra minbarra r-rata ta’ interess nominali, li tirrigwarda medja sempliċi mhux ipponderata li l-professjonist kellu jkun jaf filwaqt li kellu jikkomunika l-fatt li kellu japplika differenzjal negattiv u li d-data pprovduta ma hijiex pubblika, meta mqabbel mal-indiċi l-ieħor li jintuża abitwalment, Euribor?

(ii)

Spjegazzjoni ta’ kif dan l-indiċi evolva fil-passat u kif jista’ jevolvi fil-futur, billi tintuża l-grafika fl-informazzjoni u fir-reklamar li tkun tispjega b’mod ċar u li jinftiehem lill-konsumatur l-iżvilupp ta’ din ir-rata speċifika ta’ rata meta mqabbel ma’ Euribor, rata abitwalment użata tas-self b’garanzija ipotekarja.

2.3

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u li għandha tislet il-konsegwenzi kollha konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, jeħtieġ li ssir id-domanda li ġejja: in-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dawn l-elementi kollha jagħti lok għal nuqqas ta’ fehim tal-klawżola inkwantu din ma tkunx ċara għall-konsumatur medju skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jew li l-ommissjoni ta’ din l-informazzjoni tkun ekwiparabbli għal trattament żleali min-naħa tal-professjonist u li, għaldaqstant, li kieku l-konsumatur kien informat korrettament huwa ma kienx jaċċetta r-rata ta’ referenza tal-IRPH għas-self tiegħu?

3.

Fil-każ li tiġi ddikjarata n-nullità tal-IRPH Cajas, liema miż-żewġ konsegwenzi li ġejjin tkun konformi mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 fin-nuqqas ta’ ftehim jew jekk ftehim kien jirriżulta li huwa iktar dannuż għall-konsumatur?

3.1

Emenda fil-kuntratt billi jiġi applikat l-indiċi ta’ sostituzzjoni abitwali, l-Euribor, inkwantu dan ikun kuntratt essenzjalment ivvinkolat b’interess produttiv favur l-entità [li jkollha l-kwalità ta’] professjonist?

3.2

It-tneħħija tal-interessi, bis-sempliċi obbligu li jitħallas il-kapital misluf fit-termini stipulati min-naħa tal-persuna li tislef jew mid-debitur.


(1)  Índice de Referencia de Préstamos Hipotecarios (Indiċi ta’ Referenza għal Self Ipotekarju).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).