14.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Justice de Paix du canton de Visé (il-Belġju) fit-30 ta’ Jannar 2018 – Michel Schyns vs Belfius Banque SA

(Kawża C-58/18)

(2018/C 166/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Justice de Paix du canton de Visé

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Michel Schyns

Konvenuta: Belfius Banque SA

Domandi preliminari

1)

a)

Sa fejn l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur (1), għandu bħala għan li jqiegħed lill-konsumatur f’pożizzjoni li jiddetermina jekk il-kuntratt ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, dan imur kontra t-test tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tal-Loi sur le crédit à la consommation (Liġi dwar il-Kreditu fuq il-Konsum) (imħassar u attwalment issostitwit bl-Artikolu VII.75 tal-Code de droit économique (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku)), inkwantu jipprovdi li l-kredituri u l-intermedjarji ta’ kreditu għandhom l-obbligu li jfittxu, fil-kuntest tal-kuntratti ta’ kreditu li huma normalment joffru jew li fihom normalment jintervjenu, it-tip u l-ammont tal-kreditu li l-aħjar huwa adattat, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u tal-għan tal-kreditu, sa fejn dan tal-aħħar jistabbilixxi obbligu ġenerali għall-kreditur jew l-intermedjarju ta’ kreditu li jfittex l-iktar kreditu adattat għall-konsumatur li ma huwiex inkluż fit-test tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq?

b)

Sa fejn l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandu bħala għan li jqiegħed lill-konsumatur f’pożizzjoni li jiddetermina jekk il-kuntratt ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, dan imur kontra t-test tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tal-Loi sur le crédit à la consommation (imħassar u attwalment issostitwit bis-subparagrafu 1 tal-Artikolu VII.77§ 2 tal-Code de droit économique (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku)), inkwantu l-kreditur jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu biss jekk, fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu jew li għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-konsultazzjoni organizzata mill-Artikolu 9 tal-Loi du 10 août 2001 relative à la Centrale des crédits aux particuliers (il-Liġi tal-10 ta’ Awwissu 2001 dwar l-Uffiċċju Ċentrali tal-Krediti għall-Individwi), u fuq il-bażi tat-tagħrif imsemmi fl-Artikolu 10, huwa għandu jqis b’mod raġonevoli li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li josserva l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, sa fejn dan ikollu bħala konsegwenza li l-kreditur innifsu għandu jiddeċiedi dwar l-opportunità tal-konklużjoni eventwali tal-kreditu minflok il-konsumatur?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li timponi dejjem lill-kreditur u lill-intermedjarju ta’ kreditu li jevalwaw minflok il-konsumatur l-opportunità tal-konklużjoni eventwali tal-kuntratt ta’ kreditu?


(1)  Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66).