23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/22


Appell ippreżentat fil-5 ta’ Jannar 2018 minn Marine Harvest ASA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-26 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-704/14, Marine Harvest ASA vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-10/18 P)

(2018/C 142/30)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Marine Harvest ASA (rappreżentant: R. Subiotto QC)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, totalment jew parzjalment;

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2014 jew, alternattivament, tannulla l-multi imposti fuq l-appellanti skont id-deċiżjoni jew, alternattivament ukoll, tnaqqas sostanzjalment il-multi imposti fuq l-appellanti skont id-deċiżjoni;

Tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u oħrajn, kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali;

Skont il-bżonn, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

Tieħu kull miżura oħra li din il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha xierqa.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tibbaża fuq żewġ aggravji.

1.

Permess tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi billi naqset milli tapplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (1) (ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet) f’dan il-każ.

a.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”, b’mod partikolari billi tiċħad il-Premessa 20 tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet bħala bażi għall-interpretazzjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-UE li jitratta t-tranżazzjoni kollha “li jkunu relattati b’kundizzjoni”.

b.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi fl-interpretazzjoni tar-ratio tal-Artikolu 7(2) tar- Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet.

2.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta imponiet żewġ multi għall-istess aġir.

a.

Is-sentenza kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem billi mmultat lil Marine Harvest darbtejn talli akkwistat it-titlu għall-parteċipazzjoni azzjonarja ta’ Malek ta’ 48,5 %: 10 miljun euro darba fuq il-bażi tal-Artikolu 14(2)(a) tar- Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet talli allegatament implimentat il-konċentrazzjoni qabel in-notifika (ksur allegat tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet) u 10 miljun euro oħra fuq il-bażi tal-Artikolu 14(2)(b) tar- Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet talli allegatament implimentat il-konċentrazzjoni qabel ma tkun ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (ksur allegat tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet).

b.

Sussidjarjament, is-sentenza kisret il-prinċipju ta’ kumpens għaliex naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel penalità meta ddeterminat it-tieni penalità.

c.

B’mod iktar sussidjarju, is-sentenza żbaljat fil-liġi billi naqset tapplika l-prinċipju ta’ offiżi konkorrenti: il-ksur allegat tal-obbligu ta’ notifika fl-Artikolu 4(1) kien l-offiża iktar speċifika u għalhekk assorbiet il-ksur allegat tal-obbligu ta’ waqfien fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet, li kienet l-offiża iktar ġenerali.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).