14.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/31


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2017 – Hansol Paper vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-383/17)

(2017/C 269/43)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hansol Paper Co. Ltd (Seoul, ir-Repubblika tal-Korea) (rappreżentanti: J. F. Bellis, B. Servais u A. Tel, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kumissjoni (UE) 2017/763, du tat-2 ta’ Mejju 2017, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat, minn naħa, fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(11) u tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku (1) u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura illegali tal-kalkolu mwettaq minn din tal-aħħar tal-marġni ta’ dumping tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrikorriet għat-teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku, minkejja li din tal-aħħar tiċħad li għamlet dan, u b’hekk kisret l-Artikolu 17(2) tal-imsemmi regolament, peress li r-rikorrenti ma kellhiex l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kampjun propost.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll in-natura żbaljata u illegali tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping tagħha mwettaq mill-Kummissjoni, liema fatt iwassal għall-ksur tal-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 9.3 tal-ftehim antidumping tad-WTO u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku kif ukoll tal-prinċipju fundamentali ta’ amministrazzjoni tajba.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9.3 tal-ftehim antidumping tad-WTO u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku, peress li l-ammont tad-dazju antidumpling stabbilit jeċċedi l-marġni ta’ dumping ikkonstatat fil-kuntest tal-investigazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, safejn din tal-aħħar ikkalkulat il-marġni ta’ dumping tagħha ad valorem b’mod żbaljat u illegali bl-użu ta’ valur CIF maħdum minflok il-valur CIF reali.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(9) u (10) tar-regolament bażiku, safejn, b’mod żbaljat, wettqet aġġustamenti eċċessivi għall-bejgħ ta’ rombli żgħar miksuba minn rombli jumbo akkwistati minn Schades Ltd. minn produtturi Ewropej.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku, safejn hija, f’żewġ okkażjonijiet, ħadmet b’mod żbaljat il-valur normali previst fl-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 3(1), (2), (3), (5), (6), (7) u (8) tar-regolament bażiku, tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea u dik tad-WTO, tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u tal-prinċipji ta’ paragun ekwitabbli u ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-marġni ta’ danni.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-regolament bażiku, peress li din tal-aħħar inkludiet il-bejgħ mill-ġdid ta’ rmobli żgħar (prodott mhux ikkonċernat) fil-kalkolu tal-marġni ta’ danni.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(1), (2), (3), (5), (6), (7) u (8) tar-regolament bażiku, tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea u dik tad-WTO, tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha u tal-prinċipji ta’ paragun ekwitabbli u ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi applikat b’analoġija l-Artikolu 2(9) tal-imsemmi regolament, għall-kalkolu tal-marġni ta’ danni.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-regolament bażiku, peress li din tal-aħħar ma evalwatx b’mod korrett l-effett tal-marġni negattiv ta’ twaqqigħ tal-prezz ikkonstatat għall-prodott ikkonċernat.


(1)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, p. 21).