24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/68


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2017 – Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-350/17)

(2017/C 239/79)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Singapore Airlines Ltd (il-Belt ta’ Singapor, Singapor) u Singapore Airlines Cargo Pte Ltd (Singapor) (rappreżentanti: J. Kallaugher u J. Poitras, solicitors u J. Ruiz Calzado, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Il-Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru), kollha kemm hi jew parzjalment;

barra minn hekk, jew sussidjarjament, tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, u

tadotta kull miżura meħteġa fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li l-konstatazzjoni ċentrali tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu relatat mas-servizzi tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru fir-rotot kollha minn u lejn l-Unjoni hija vvizzjata minn żbalji serji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni ta’ fatti.

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix b’mod partikolari: (i) l-eżistenza ta’ akkordju dinji; (ii) il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ aġir relatat ma’ bejgħ ta’ merkanzija bl-ajru ’l barra mill-Unjoni; (iii) il-fatt li l-Artikolu 101 TFUE huwa applikabbli għal aġir irregolat jew meħtieġ minn gvernijiet barranin; (iv) rabta suffiċjenti bejn l-aġir li jinvolvi l-allegati tliet elementi tal-ksur uniku u kontinwu, jiġifieri s-soprataxxa tal-fjuwil, is-soprataxxa tas-sigurtà u l-allegat rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-soprataxxi; u (v) rabta suffiċjenti bejn il-kuntatti tal-kumpanniji tal-ajru fil-livell tas-sede tagħhom u l-aġir fis-swieq lokali.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tikkonstata ksur relatat mal-koordinazzjoni fil-qasam tal-ħlas lit-trasportaturi ta’ kummissjonijiet fuq is-soprataxxi.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-konstatazzjoni dwar ksur li jinvolvi lir-rikorrenti hija bbażata fuq provi li jimplikaw biss kuntatti bejn membri tal-alleanza WOW fil-qasam tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru.

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tapplika kriterju legali skorrett sabiex tevalwa l-alleanza għal kooperazzjoni sħiħa bejn il-kumpanniji tal-ajru u tinkludi żbalji fundamentali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-alleanza WOW. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-kuntatti tagħhom mal-membri tal-alleanza WOW kienu jaqgħu fl-ambitu ta’ sforz reali sabiex tinħoloq alleanza ta’ suċċess u għalhekk ma kinux manifestazzjonijiet ta’ mekkaniżmu jew pjan li allegatament kellu jkun il-bażi tal-ksur uniku u kontinwu.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li ma tistabbilixxix il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li jekk (kuntrarjament għall-argumenti esposti fir-raba’ motiv) ir-rikorrenti pparteċipaw f’ċerti aspetti tal-ksur uniku u kontinwu, id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li huma kienu jafu bl-aspetti l-oħra kollha tal-aġir deskritti fid-deċiżjoni kkontestata, partikolarment il-koordinazzjoni tal-grupp prinċipali manifestament illegali, jew li huma kellhom ikunu jafu b’dan l-aġir kif meħtieġ mill-ġurisprudenza.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li jekk id-deċiżjoni kkontestata ma tiġix annullata fl-intier tagħha, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandha titnaqqas peress li l-Kummissjoni ma segwietx ir-rekwiżiti ċari tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi (1) fir-rigward tal-identifikazzjoni tad-dħul mill-bejgħ rilevanti u peress li l-multa imposta ma tirriflettix il-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu u l-gravità iktar baxxa tal-aġir tagħhom (kif muri fit-tielet, ir-raba’ u l-ħames motiv).


(1)  Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).