3.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/37


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Mejju 2017 – GE.CO.P. vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-280/17)

(2017/C 213/51)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: GE.CO.P. Generale Costruzioni e Progettazioni SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: G. Naticchioni, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti targumenta li l-Qorti Ġenerali għandha, suġġett għall-konstatazzjoni tal-adozzjoni illegali mill-Kummissjoni Ewropea – l-Uffiċċju għall-Infrastruttura u l-Loġistika, il-Lussemburgu – tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2017, li inkludiet fil-konfront tar-rikorrenti GE.CO.P. S.p.A. l-esklużjoni ta’ sentejn mill-proċeduri Ewropej ta’ sejħa għal offerti u l-pubblikazzjoni tal-miżura, tannulla dik id-deċiżjoni u l-atti kollha li joħorġu minnha jew li huma suġġetti għaliha, anki mhux magħrufa minn GE.CO.P, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u l-onorarji professjonali relatati ma’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-riżoluzzjoni adottata mill-Kummissjoni ex officio, fil-5 ta’ Awwissu 2015, dwar Kuntratt pubbliku Nru 09bis/2012/OIL – Lott 1 dwar ir-rinnovament ta’ żewġ binjiet magħrufa bħala l-“Fwajer Ewropew” li jinsabu fil-Lussemburgu, mogħtija lil GE.CO.P, tifforma l-bażi tal-miżura kkontestata.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ottubru 2015, li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 286, p. 1), kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti targumenta, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ippreċeduta bil-proċedura kontradittorja meħtieġa. Ir-rikorrenti ssostni li ma kinitx informata bil-bidu tal-proċedura ta’ esklużjoni u għaldaqstant ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha fil-kuntest tal-proċedura u li tinvoka argumenti favur tagħha quddiem il-qorti.

Li kieku r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tiddefendi lilha nnifisha, hija kienet tinvoka argumenti għad-difiża tagħha li probabbilment kienu jwasslu sabiex il-qorti jkollha opinjoni differenti fil-mertu, u sabiex il-proċeduri jaslu għal riżultat differenti, iktar favorevoli għal GE.CO.P.