23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 142/20


Appell ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2017 minn BMB sp. z o.o. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-3 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-695/15 – BMB sp. z o.o. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-693/17 P)

(2018/C 142/27)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: BMB sp. z o.o. (rappreżentant: K. Czubkowski, radca prawny)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Ferrero SpA

Talbiet

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġernali (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-695/15, li ġiet innotifikata lill-appellanti fil-11 ta’ Ottubru 2017; u

tannulla d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-8 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża R 1150/2012-3;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali jekk il-kawża ma tkunx fi stat li tiġi deċiża.

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura:

tikkundanna lil Ferrero SpA u lill-EUIPO għall-ispejjeż marbuta mal-appell preżenti; u

tikkundanna lil Ferrero SpA u lill-EUIPO għall-ispejjeż imġarrba mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lil Ferrero SpA għall-ispejjeż imġarrba quddiem l-EUIPO relatati mad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (1) minħabba żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni:

i.

sa fejn ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark preċedenti hija inkluża fid-disinn ikkontestat;

ii.

sa fejn it-trade mark preċedenti u d-disinn ikkontestat huma ferm simili; u

iii.

sa fejn il-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonstata li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u d-disinn ikkontestat.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji flimkien mal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi minħabba żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-referenza mill-Bord tal-Appell għall-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (2), fil-punt 33 tad-deċiżjoni tiegħu, tikkostitwixxi sempliċi żball formali li ma kellux influwenza determinanti fuq l-eżitu tal-kawża u li ma huwiex neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali preċedenti fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 27, p. 142

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1)