4.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 190/5


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2017 minn RF mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-880/16, RF vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-660/17 P)

(2018/C 190/07)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: RF (rappreżentanti: K. Komar-Komarowski, radca prawny)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex teżaminaha mill-ġdid kif ukoll tadotta deċiżjoni dwar il-mertu, li tista’ tiġi appellata.

sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistabbilixxi, li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-aħħar istanza fil-kawża huma ssodisfatti, tannulla d-digriet appellat u tilqa’ fit-totalità tagħhom it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza.

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1)

Motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 53 ta’ dan l-istess statut, minħabba interpretazzjoni żbaljata. Meta kkonstatat li l-kunċett ta’ “forza maġġuri” u l-kunċett ta’ “każ fortuwitu” kienu kunċetti li kellhom sens identiku, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ razzjonalità tal-leġiżlatur. Dan il-fehim taż-żewġ kunċetti wkoll imur kontra l-għan tal-Artikolu 45 tal-Istatut, li huwa intiż sabiex jiżgura l-armonizzazzjoni tad-differenzi li jirriżultaw mid-distanza (bejn id-domiċilju tal-partijiet u s-sede tal-Qorti tal-Ġustizzja). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, b’mod inġustifikat, tal-każ fortuwitu li pprekluda lill-appellanti mill-possibbiltà li tippreżenta l-verżjoni stampata (l-oriġinali) tar-rikors.

2)

Motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2015, minħabba interpetazzjoni żbaljata. Minkejja li l-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti, il-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura u mingħajr ebda motiv ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti bħala manifestament inammissibbli. Il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 126 tar-Regolament kien konsegwenza inevitabbli u evidenti tal-ksur tal-Artikolu 45, moqri flimkien mal-Artikolu 53 tal-Istatut.

3)

Motiv ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-affermazzjoni li l-appellanti ma wrietx l-eżistenza ta’ każ fortuwitu fis-sens tat-tieni paragrafau tal-Artikolu 45 tal-Istatut. L-appellanti kienet uriet l-eżistenza ta’ każ fortuwitu. F’dawn iċ-ċirkustanzi hija mhux biss ippreżentat iktar provi minn kemm kien neċessarju, iżda wkoll ipproduċiet il-provi kollha aċċessibbli għaliha. Sabiex tiggarantixxi l-kunsinna fil-ħin tal-ittra li kienet tinkludi r-rikors, l-apellanti pprovat id-diliġenza li setgħet kienet raġonevolment mistennija minnha. Fil-mument tal-preżentata tal-ittra, l-appellanti tilfet l-influwenza tagħha fuq il-proċess ta’ kunsinna; minn dan il-mument, iċ-ċirkustanzi li għandhom influwenza fuq it-terminu tal-kunsinna kienu totalment esterni għall-appellanti.

4)

Motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, billi l-Qorti Ġenerali kienet ostakolat l-aċċess ġuridiku tal-partijiet u ddiskriminat dawn tal-aħħar minħabba d-domiċilju jew is-sede tagħhom. L-adozzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ terminu ta’ distanza uniku għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni hija ostakolu għall-aċċess għall-Qorti Ġenerali għall-partijiet li jirrisjedu jew għandhom is-sede f’distanza kunsiderevoli mis-sede tal-Qorti Ġenerali, inklużi l-provinċji tal-pajjiżi tagħhom, ħaġa li tikkostitwixxi diskriminazzjoni għall-partijiet fil-kawża bbażata fuq il-post ta’ residenza tagħhom.