22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/29


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Investigatory Powers Tribunal – London (ir-Renju Unit) fil-31 ta’ Ottubru 2017 – Privacy International vs Secretary of State for Foreign and Commonwealth Affairs et

(Kawża C-623/17)

(2018/C 022/41)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Investigatory Powers Tribunal – London

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Privacy International

Konvenuti: Secretary of State for Foreign and Commonwealth Affairs, Secretary of State for the Home Department, Government Communications Headquarters, Security Service Srl, Secret Intelligence Service

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi fejn:

a)

il-kapaċitajiet tal-SIAs (1) sabiex jużaw BCD (2) ipprovduta lilhom huma essenzjali għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali tar-Renju Unit, inkluż fil-qasam ta’ kontra t-terroriżmu, ta’ kontrospjunaġġ u ta’ kontra l-proliferazzjoni nukleari;

b)

aspett fundamentali tal-użu tal-BCD mill-SIAs huwa l-iskoperta ta’ theddid għas-sigurtà nazzjonali li qabel ma kienx magħruf, permezz ta’ teknika mhux immirata li ssir f’massa li tiddependi fuq l-aggregazzjoni tal-BCD f’post wieħed. L-utilità prinċipali tiegħu huwa fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp b’ħeffa ta’ suġġett fil-mira, kif ukoll fil-provvista ta’ bażi għal azzjoni quddiem theddida imminenti;

c)

il-fornitur ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma huwiex sussegwentement meħtieġ li jżomm il-BCD (lil hinn mill-perijodu tal-ħtiġijiet ta’ kuljum fin-negozju tagħhom), li tinżamm mill-Istat (l-SIAs) biss;

d)

il-qorti nazzjonali kkonstatat (suġġett għal ċerti kwistjonijiet riżervati) li s-salvagwardji madwar l-użu tal-BCD mill-SIAs huma konsistenti mar-rekwiżiti tal-KEDB (3); u

e)

il-qorti nazzjonali kkonstatat li l-impożizzjoni tar-rekwiżiti speċifikati fil-punti 119-125 tas-sentenza tal-Awla Manja fil-kawżi magħquda C-203/15 u C-698/15, Tele2 Sverige AB vs Post-och telestyrelsen, u Secretary of State for the Home Department vs Watson et […] (iktar ’il quddiem il-“Rekwiżiti Watson”), jekk jitqiesu li huma applikabbli, ifixklu l-miżuri adottati għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali mill-SIAs, u għaldaqstant iqiegħdu f’riskju s-sigurtà nazzjonali tar-Renju Unit;

1)

Fid-dawl tal-Artikolu 4 TUE u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58/KE (4) dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-privatezza elettronika”), rekwiżit fi gwida minn Segretarju tal-Istat lil fornitur ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li dan tal-aħħar għandu jipprovdi data ta’ komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa lill-Aġenziji ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni (SIAs) ta’ Stat Membru jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tad-Direttiva dwar il-privatezza elettronika?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, ir-Rekwiżiti Watson jew kull rekwiżit ieħor minbarra dawk imposti mill-KEDB jistgħu japplikaw għal tali gwida minn Segretarju tal-Istat? Jekk dan ikun il-każ, kif u sa fejn għandhom japplikaw dawn ir-rekwiżiti, fid-dawl tal-ħtieġa essenzjali tal-SIAs li jużaw teknika ta’ bulk acquisition u ta’ pproċessar awtomatizzat għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u sa fejn tali kapaċitajiet, jekk ikunu konformi mal-KEDB, jistgħu jiġu serjament ostakolati bl-impożizzjoni ta’ tali rekwiżiti?


(1)  Aġenziji ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni (Security and Intelligence Agencies).

(2)  Data ta’ komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa (Bulk Communications Data).

(3)  Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

(4)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514).