22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fl-10 ta’ Ottubru 2017 – Prenatal S.A. vs Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (T.E.A.R.C.)

(Kawża C-589/17)

(2018/C 022/28)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Prenatal S.A.

Konvenuta: Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (T.E.A.R.C.)

Domandi preliminari

1.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6317 finali tat-3 ta’ Novembru 2008 li tikkonstata, minn naħa, li hemm lok li jsir l-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni mhux mitluba mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li l-maħfra ta’ dawn id-dazji ma hijiex iġġustifikata minn sitwazzjoni partikolari, li tikkonċerna l-importazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti ddikjarati bħala li joriġinaw mill-Ġamajka (Każ REM 03/07), tikser id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari l-Artikoli 220(2)(b) u 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità?

2.

Meta tintalab maħfra tad-dazji doganali u meta l-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni li skontha l-każ inkwistjoni jippreżenta punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli għal dawk ta’ fajl preċedenti li fir-rigward tiegħu hija diġà ħadet deċiżjoni jew id-deċiżjoni li jeżisti każ komparabbli li d-deċiżjoni dwaru għadha pendenti, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-deċiżjonijiet huma atti ġuridiċi li jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih issir it-talba għall-maħfra tad-dazji doganali u li għalhekk jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors mill-persuna li titlob il-maħfra tad-dazji doganali (Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1)) jew in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-dazji (Artikolu 220(2) tal-imsemmi Kodiċi Doganali tal-Komunità)?

3.

Fil-każ li ma jitqiesx li din hija deċiżjoni tal-Kummissjoni li fiha kontenut legali ta’ natura vinkolanti, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk dan il-każ jirrigwardax punti ta’ fatt jew ta’ liġi komparabbli?

4.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk tali eżami twettaq u wassal għall-konklużjoni li ma hemmx tali punti, għandu jiġi applikat l-Artikolu 905(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (2) u, konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li fiha kontenut legali ta’ natura vinkolanti għal dawn l-awtoritajiet nazzjonali?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.