4.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 293/25


Appell ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2017 minn Meta Group Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-4 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-744/14, Meta Group vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-428/17 P)

(2017/C 293/30)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Meta Group Srl (rappreżentant: A. Formica, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla u/jew tbiddel is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Meta Group vs Il-Kummissjoni, inkwantu żbaljata u infondata fid-dritt;

u, konsegwentement, tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligi pekunjarji tagħha li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ sussidju FP5-6 u CIP għal ammont globali ta’ EUR 566 377,63, bħala sussidji dovuti u mhux imħallsa, kif ukoll tiddikjara n-natura illegali tat-tpaċijiet magħmula b’rabta ma’ djun tal-appellanti;

u, konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, fil-konfront tal-appellanti, tal-imsemmi ammont ta’ EUR 566 377,63, flimkien mal-interessi moratorji u evalwazzjoni monetarja ġdida;

kif ukoll, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni kkawżati lill-appellanti, għal ammont globali ta’ EUR 815 000 jew għal ammont ikbar li [l-Qorti tal-Ġustizzja] tkun ikkonstatat fi tmiem din l-istanza, minbarra d-dannu ulterjuri li jirriżulta min-natura illegali tal-imsemmija tpaċijiet.

Aggravji u argumenti prinċipali

I.

Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-Artikoli 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan fir-rigward tan-natura vinkolanti u l-eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti. Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-Artikoli 1156, 1157 u 1161 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kuntratti. Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fir-rigwrd tal-effikaċja vinkolanti tal-kuntratt, bona fide fl-eżekuzzjoni u fl-interpretazzjoni tal-kuntratti, ċertezza legali.

Billi ċaħdet it-tielet motiv fl-ewwel istanza, is-sentenza appellata kisret ir-regoli tal-Code civil [Kodiċi Ċivili] Belġjan u tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tan-natura vinkolanti tal-kuntratti, inkwantu ma rrikonoxxietx li l-klawżola li tinsab fil-paġna 47 tal-Addendum għall-kuntratt Ecolink+ torbot lill-partijiet u inkwantu ċaħdet li r-riferiment fil-kuntratt għall-metodoloġija annessa mal-kuntratt ma kienx jirreferi għall-metodoloġija predisposta minn META u kkomunikata lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Diċembru 2009.

II.

Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-Artikolu II.20 tal-Gwida FP67. Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-Artikolu 197 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-programmi Komunitarji. Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-Artikoli 1134, 1135, 1156, 1157 u 1161 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. Ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kontradizzjoni.

Billi ċaħdet ir-raba’ u l-ħames motivi fl-ewwel istanza, is-sentenza appellata kisret il-prinċipju ta’ kontradizzjoni, il-kriterji tal-Gwida FP6 u r-regoli tal-Code civil [Kodiċi Ċivili] Belġjan fir-rigward tal-bone fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti, inkwantu, minkejja li kkwalifikat bħala mhux vinkolanti l-klawżoli tal-Gwida FP6, issuġġeriet l-applikazzjoni stretta u infallibbli tagħhom għall-fatti tal-kawża, b’riferiment speċifiku għall-ispejjeż relatati mal-konsulenti interni.

III.

Ksur tal-prinċipji ta’ dritt proċedurali tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża u tal-osservanza sħiħa tal-kontradittorju. Ksur tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Nuqqas assolut ta’ motivazzjoni fuq kwistjoni essenzjali tat-tilwima.

Billi ċaħdet l-ewwel żewġ motivi fl-ewwel istanza, is-sentenza appellata kisret il-prinċipji tal-Unjoni fir-rigward tal-osservanza sħiħa tal-kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, inkwantu naqset milli tevalwa l-argumenti legali proposti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fl-osservazzjonijiet għad-dokument “Anness E.4” li ġie prodott mill-Kummissjoni biss waqt is-seduta, billi laqgħet mingħajr kritika l-allegazzjonjiet tal-parti l-oħra u ma mmotivatx il-konstatazzjonjiet tagħha b’mod suffiċjenti.

IV.

Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-Guide to Financial Issues relating to Indirect Actions of the Sixth Framework Programmes u tal-klawżoli tas-Seba’ Programm Qafas. Żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ element determinanti tal-fatti li taw lok għat-tilwima.

Billi ċaħdet l-ewwel żewġ motivi fl-ewwel istanza, is-sentenza appellata, barra minn hekk kisret il-Gwida Finanzjarja tas-Sitt Programm u żnaturat il-fatti li taw lok għat-tilwima, fejn ikkalkolat b’mod żbaljat u qarrieqi n-numru ta’ sigħat indikat għall-kuntratt Bridge, jiġifieri fuq il-bażi tal-indikazzjoni li l-assoċjat li jipprovdi x-xogħlijiet ħadem kull ġurnata ta’ kull xahar għal tmien sigħat konsekuttivi biss fuq l-attivitajiet relatati mal-imsemmi kuntratt.

V.

Applikazzjoni inkorretta u/jew żbaljata tal-Artikoli 1134, 1135, 1156, 1157 u 1161 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan. Ksur tal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn dan japplika anki għall-individwi privati involuti f’relazzjonijiet kuntrattwali mas-suġġett irregolat mil-liġi pubblika.

Billi ċaħdet is-sitt motiv fl-ewwel istanza, is-sentenza appellata kisret ir-regoli tad-dritt ċivili dwar in-natura vinkolanti tal-kuntratti kif ukoll il-prinċipju ta’ bona fide fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti, inkwantu ma rrikonoxxietx li l-aġir tal-Kummissjoni, li laħaq il-kulminu tiegħu fl-iffirmar tal-Addendum, wassal sabiex ħoloq aspettattiva leġittima fir-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-metodoloġija li din tal-aħħar kienet ser tipproponi kienet ser tiġi aċċettata.