4.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 293/23


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Lulju 2017 minn Deza, a.s. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-11 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-115/15, Deza, a.s. vs ECHA

(Kawża C-419/17 P)

(2017/C 293/28)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellanti: Deza, a.s. (rappreżentant: P. Dejl, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju tan-Norveġja

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-115/15,

tannulla d-deċiżjoni tal-ECHA tat-12 ta’ Diċembru 2014, Nru ED/108/2014,

tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż tal-proċedura ssostnuti mill-appellanti fil-kuntest tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

1)

Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-Regolament REACH

Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat ir-Regolament REACH. L-appellanti għadha tħaddan l-opinjoni li r-Regolament REACH ġie adottat ultra vires, peress li i) l-ECHA ma għandhiex is-setgħa li tikkompleta l-identifikazzjoni diġà eżistenti tas-sustanza DEPH skont l-Artikolu 57(c) tar-Regolament REACH permezz ta’ identifikazzjoni ġdida ta’ din is-sustanza b’applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tal-imsemmi regolament; ii) li l-adozzjoni tad-deċiżjoni REACH kienet ippreċeduta minn proċedura illegali; u iii) li d-deċiżjoni REACH tevadi l-proċedura legalment vinkolanti stabbilita mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew għall-adozzjoni ta’ kriterji ġeneralment vinkolanti/armonizzati għall-identifikazzjoni ta’ perturbaturi endokrinali.

2)

Il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ċertezza legali

Ġaladarba i) id-deċiżjoni REACH ħolqot sitwazzjoni legali ekwivoka, vaga u imprevedibbli li tipprjobixxi lill-appellanta milli tifhem il-portata preċiża tal-obbligi imposti fuqha, ii) ma jeżistux kriterji ġeneralment vinkolanti/armonizzati għall-identifikazzjoni ta’ perturbaturi endokrinali u iii) l-ECHA ma għandhiex is-setgħa li tikkompleta l-identifikazzjoni diġà eżistenti tas-sustanza DEPH skont l-Artikolu 57(c) tar-Regolament REACH permezz ta’ identifikazzjoni ġdida ta’ din is-sustanza b’applikazzjoni tal-Artikolu 57(f) tal-imsemmi regolament, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-Deċiżjoni REACH ma kinitx tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

3)

Il-Qorti Ġenerali stħarrġet id-Deċiżjoni REACH bi ksur tar-rekwiżiti fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-korpi u tal-istituzjonijiet tal-Unjoni u żnaturat iċ-ċirkustanzi fattwali u l-provi.

4)

Minħabba l-irregularitajiet hawn fuq iċċitati, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tar-rikorrenti kif ukoll il-prinċipji sanċiti fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt għall-godiment paċifiku tal-beni tagħha u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.