14.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 269/7 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava (is-Slovakkja) fis-26 ta’ Mejju 2017 – FENS spol. s r.o. vs Ir-Repubblika Slovakka – Úrad pre reguláciu sieťovych odvetví
(Kawża C-305/17)
(2017/C 269/10)
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Qorti tar-rinviju
Okresný súd Bratislava
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: FENS spol. s r.o.
Konvenuta: Ir-Repubblika Slovakka – Úrad pre reguláciu sieťovych odvetví
Domandi preliminari
1) |
L-Artikolu 30 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 12(9) tad-Digriet tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka Nru 317/2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-funzjonament tas-suq tal-elettriku, li tintroduċi ħlas partikolari għall-esportaturi tal-elettriku mit-territorju tar-Repubblika Slovakka, mingħajr ma tiddistingwi jekk hijiex esportazzjoni tal-elettriku mit-territorju tar-Repubblika Slovakka lejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew lejn pajjiżi terzi, u dan jekk il-prodottur tal-elettriku ma jurix li l-elettriku esportat ġie importat fit-territorju tar-Repubblika Slovakka, jiġifieri li l-ħlas japplika esklużivament għall-elettriku prodott fir-Repubblika Slovakka u esportat mit-territorju tar-Repubblika Slovakka? |
2) |
Tariffa pekunjarja bħal dik stabbilita bid-dispożizzjoni tal-Artikolu 12(9) tad-Digriet tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka Nru 317/2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-funzjonament tas-suq tal-elettriku, jiġifieri taxxa applikata esklużivament għall-elettriku li jkun ġie prodott fir-Repubblika Slovakka u li jkun fl-istess ħin ġie esportat mit-territorju tar-Repubblika Slovakka, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni ta jekk hijiex esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew lejn L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxi taxxa li għandha effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens tal-Artikolu 28(1) TFUE? |
3) |
Dispożizzjoni legali interna bħalma huwa l-Artikolu 12(9) tad-Digriet tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka Nru 317/2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-funzjonament tas-suq tal-elettriku, hija kompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikolu 28 TFUE? |